It-Teknoloġija Kif Teffettwa ż-Żwieġ Tiegħek?
It-teknoloġija tistaʼ tgħin lill-koppji miżżewġin. Pereżempju, koppji jistgħu jużaw it-teknoloġija biex ikellmu lil xulxin matul il-ġurnata. Dan jistaʼ jgħinhom biex iħossuhom eqreb taʼ xulxin.
Imma xi koppji jużaw it-teknoloġija ħażin. Dawn jistaʼ jkollhom problemi bħal . . .
-
jużaw il-ħin li jistaʼ jkollhom flimkien fuq it-teknoloġija.
-
jaħdmu meta ma jkollhomx bżonn.
-
jaħbu affarijiet minn xulxin, jew anke jaqilbuha lil xulxin.
X’GĦANDEK TKUN TAF
META TKUNU FLIMKIEN
Raġel jismu Michael jgħid: “Xi kultant jien u l-mara nkunu fl-istess kamra imma ma tagħtix kasi. Tkun qiegħda fuq il-mowbajl u tgħid: ‘Għax ma kellix ċans niċċekkjah.’” Meta jiġri hekk, raġel jismu Jonathan jgħid: “Mara u raġel jistgħu jkunu fl-istess kamra, imma fl-istess ħin qishom qegħdin f’kamra differenti.”
AĦSEB DWAR DAN: Kemm-il darba nkellem jew nibgħat messaġġ lil xi ħadd waqt li suppost inkun qed inkellem lir-raġel jew il-mara tiegħi?—EFESIN 5:33.
XOGĦOL
Xi nies ikollhom iwieġbu l-mowbajl jew emails il-ħin kollu minħabba x-xogħol tagħhom. Imma anke nies li m’għandhomx għalfejn jagħmlu dan, jispiċċaw jaħdmu meta jkunu d-dar. Raġel jismu Lee jammetti: “Meta niddeċiedi li nqattaʼ ħin mal-mara, insibha diffiċli biex ma niċċekkjax il-mowbajl minħabba x-xogħol.” Mara jisimha Joy tgħid: “Jien naħdem mid-dar, allura nsibha diffiċli biex nieqaf naħdem. Irrid nagħmel sforz kbir biex insib il-bilanċ.”
AĦSEB DWAR DAN: Nagħti kas x’qed jgħid ir-raġel jew il-mara tiegħi meta tkellimni?—LUQA 8:18.
PERIKLI GĦAŻ-ŻWIEĠ
Ħafna nies jgħidu li minħabba s-social media jispiċċaw jargumentaw ħafna għax jaħsbu ħażin f’xulxin. Xi nies ammettew ukoll li bil-moħbi jitfgħu affarijiet online li ma jridux lill-mara jew lir-raġel tagħhom ikunu jafu bihom.
Ħafna nies jgħidu li s-social media fih ħafna perikli għan-nies miżżewġin u anke jagħmilha faċli biex jaqilbuha lil xulxin. Ma niħduhiex bi kbira li l-avukati jgħidu li ħafna jiddivorzjaw minħabba s-social media.
AĦSEB DWAR DAN: Nipprova naħbi mir-raġel jew il-mara tiegħi meta nkellem lil xi ħadd tas-sess oppost? —PROVERBJI 4:23.
DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL
ARA X’INHU L-IŻJED IMPORTANTI
Persuna li ma tikolx ma tkunx b’saħħitha. Bl-istess mod, persuna li ma tqattax ħin mar-raġel jew il-mara tagħha se jkollha problemi fiż-żwieġ tagħha.—Efesin 5:28, 29.
PARIR TAL-BIBBJA: ‘Aċċertaw ruħkom minn dak li hu iktar importanti.’—FILIPPIN 1:10.
Iddiskuti liema minn dawn tixtieq tagħmel, jew ikteb ideat oħra, biex it-teknoloġija ma tkunx problema fiż-żwieġ tiegħek.
-
Minn tal-inqas darba kuljum, kulu ikla flimkien
-
Agħmlu ħin biex tkunu flimkien mingħajr mowbajls jew tablets
-
Ippjanaw biex tagħmlu xi ħaġa speċjali flimkien
-
Itfu l-mowbajls jew it-tablets billejl u żżommuhomx fejn torqdu
-
Agħmlu kwarta kuljum biex tkellmu lil xulxin mingħajr mowbajls jew tablets
-
Ieqfu użaw l-internet f’ċertu ħin kuljum