Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

SUĠĠETT PRINĊIPALI

Tliet mistoqsijiet li n-nies jixtiequ jistaqsu lil Alla

Tliet mistoqsijiet li n-nies jixtiequ jistaqsu lil Alla

IL-MISTOQSIJIET li kellha Susan dwar Alla bdew meta kellha sebaʼ snin u l-ħabib tagħha Al iddaħħal l-isptar bil-poljo u minn hemm kellu jgħix il-bqija taʼ ħajtu permezz taʼ magna li tħaddem il-pulmun. Hi kitbet dwar l-esperjenza tagħha fil-ħarġa tas-6 taʼ Jannar 2013 taʼ The New York Times.

Wara li żaret lil Al l-isptar, Susan staqsiet lil ommha: “Alla għala għamel dan lil tifel ċkejken?”

“Il-qassis jgħid li bilfors li Alla għandu r-raġunijiet tiegħu,” wiġbitha ommha, “imma ma nafx x’jistgħu jkunu.”

Sentejn wara, fl-1954, it-tilqima tal-poljo taʼ Jonas Salk saret disponibbli, u omm Susan qalet li forsi kien Alla li dderieġa r-riċerka tiegħu.

“F’dan il-każ, Alla jmissu dderieġa lit-tobba żmien twil ilu biex Al ma jkollux għalfejn jieħu n-nifs permezz taʼ magna,” wiġbitha Susan.

Susan esprimiet fil-qosor ir-rakkont tal-esperjenza taʼ tfulitha billi kitbet: “[Al] kellu jmut tmien snin biss wara, u sa dak iż-żmien jien kont atea u xejn ma setaʼ jbiddilli ħsiebi.”

Bħal Susan, ħafna nies li għaddew minn traġedji jew li rawhom b’għajnejhom stess, ma jistgħux isibu tweġibiet sodisfaċenti għall-mistoqsijiet tagħhom dwar Alla. Xi wħud isiru atei. Oħrajn għandhom mnejn ma jiċħdux għalkollox l-eżistenza t’Alla, imma jsiru xettiċi.

Dan ma jfissirx li l-atei u x-xettiċi m’għandhom l-ebda għarfien dwar ir-reliġjon. Għall-kuntrarju, l-esperjenza tagħhom bir-reliġjon spiss hi dik li timbottahom biex jitilfu l-fidi f’Alla. Huma jħossu li r-reliġjon organizzata naqset li twieġeb il-mistoqsijiet importanti tal-ħajja. X’tip taʼ mistoqsijiet? Ironikament huma l-istess mistoqsijiet li jħassbu lin-nies li jgħidu li għandhom fidi f’Alla. Ikkunsidra tliet mistoqsijiet li ħafna nies, li kieku kellhom l-opportunità, jixtiequ jistaqsu lil Alla, kif ukoll it-tweġibiet li tipprovdi l-Bibbja.

1 “GĦALA TIPPERMETTI T-TBATIJA?”

Għala għandek tistaqsi din il-mistoqsija?

Ħafna jirraġunaw: ‘Alla taʼ mħabba ma kienx se jippermetti ħafna mit-traġedji tal-ħajja.’

AĦSEB DWAR DAN: Forsi nqisu d-drawwiet u t-tradizzjonijiet tan-nies taʼ kulturi oħra bħala strambi—jew forsi saħansitra xokkanti. Faċilment nistgħu ninterpretaw ħażin l-azzjonijiet tagħhom. Pereżempju, f’kultura waħda, in-nies iħossu li li żżomm il-kuntatt bl-għajnejn hu sinjal taʼ sinċerità; f’oħra jqisuh bħala nuqqas taʼ rispett. Però, anki f’ċirkustanzi bħal dawn m’għandniex nirraġunaw li huma żbaljati. Pjuttost, sempliċement għandna nsiru nafuhom aħjar.

Jistaʼ jkun li tiġri xi ħaġa simili meta niġu biex nifhmu lil Alla? Ħafna jemmnu li l-fatt li jeżistu t-tbatijiet jagħti prova li Alla ma jeżistix. Madankollu, oħrajn li saru jafu għala Alla jippermetti t-tbatija huma kunfidenti li veru jeżisti.

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA: Il-ħsieb u l-mod kif jagħmel l-affarijiet Alla huma differenti minn tagħna. (Isaija 55:8, 9) Minħabba f’hekk, l-azzjonijiet tiegħu, kif ukoll ir-raġunijiet għala jistenna qabel ma jaġixxi, jistgħu għall-ewwel jidhru strambi għalina.

Xorta waħda, il-Bibbja ma tgħidilniex biex naċċettaw espressjonijiet vojta bħal “It-triqat t’Alla ħadd ma jafhom.” Minflok, tinkuraġġina nitgħallmu iżjed dwar Alla għax dan jgħallimna għala u meta jaġixxi kif jaġixxi. * Nistgħu saħansitra nersqu eqreb lejh.—Ġakbu 4:8.

2 “GĦALA R-RELIĠJON HI MIŻGĦUDA BL-IPOKRESIJA?”

Għala għandek tistaqsi din il-mistoqsija?

‘Li kieku Alla japprezza s-sinċerità,’ jirraġunaw xi wħud, ‘ma kienx ikun hawn daqstant nuqqas taʼ sinċerità fost dawk li jgħidu li jqimuh.’

AĦSEB DWAR DAN: Immaġina li iben jiċħad it-trobbija mill-aħjar taʼ missieru u jitlaq mid-dar u jgħix ħajja korrotta. Għalkemm il-missier ma japprovax, jippermetti lil ibnu jagħmel din l-għażla. Jistgħu jkollhom raġun dawk li iktar tard jiltaqgħu mal-iben u jikkonkludu li missieru kien ħażin, jew li saħansitra ma kellu l-ebda missier? U żgur li le! Bl-istess mod, l-ipokresija fir-reliġjon tagħti prova li Alla jippermetti lin-nies jagħżlu l-korsa tal-ħajja tagħhom stess.

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA: Alla jobgħod l-ipokresija reliġjuża. (Ġeremija 7:29-31; 32:35) Fl-istess ħin, jippermetti lin-nies jużaw ir-rieda ħielsa. Ħafna li jsostnu li jemmnu f’Alla, jagħżlu li jsegwu tagħlim reliġjuż maħluq mill-bniedem u jagħmlu l-livelli morali tagħhom stess.—Mattew 15:7-9.

B’kuntrast, ir-reliġjon li japprova Alla mhix ipokrita. * Ġesù qal: “B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.” (Ġwanni 13:35) Din l-imħabba għandha tkun “mingħajr ipokrisija.” (Rumani 12:9) Il-maġġoranza tar-reliġjonijiet ma rnexxilhomx iżommu maʼ dan il-livell. Pereżempju, matul il-ġenoċidju fl-Irwanda fl-1994, għaxriet t’eluf taʼ nies reliġjużi qatlu membri tar-reliġjon tagħhom stess, sempliċement minħabba li dawn in-nies kienu minn tribù differenti. B’kuntrast, ix-Xhieda taʼ Ġeħova ma ħadux sehem fil-qtil, u ħafna minnhom ipproteġew lill-kredenti sħabhom u lil oħrajn, saħansitra ssograw ħajjithom biex jagħmlu dan. Atti altruisti bħal dawn juru li r-reliġjon tistaʼ tkun ħielsa mill-ipokresija.

3 “GĦALA QEGĦDIN HAWN?”

Għala għandek tistaqsi din il-mistoqsija?

Xi wħud forsi jaħsbu: ‘Il-bnedmin għala jgħixu għal 80 jew 90 sena u mbagħad imutu? X’inhu l-iskop għal eżistenza hekk qasira?’

AĦSEB DWAR DAN: Ħafna li ma jemmnux f’Alla xorta jagħrfu l-bżonn li jiġu spjegati l-komplessità, il-komplikazzjoni, u l-ordni tad-dinja naturali. Huma jifhmu li l-pjaneta tagħna u pjaneti oħra, u l-qamar huma mpoġġijin eżatt kif għandhom ikunu biex il-ħajja fuq l-art tiffjorixxi. Huma jiddeskrivu l-liġijiet naturali li jmexxu lill-univers bħala li huma mirqumin sew, imqiegħda eżatt sabiex saħansitra l-iċken bidla twassal biex il-ħajja fuq l-art tkun impossibbli.

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA: Filwaqt li ħafna nies iqisu l-ħajja relattivament qasira tagħna bħala prova li m’hemmx Alla, id-dinja naturali tagħti evidenza abbundanti li hemm Ħallieq. (Rumani 1:20) Hu kellu skop f’li joħloq dawn l-affarijiet, u r-raġuni tiegħu għall-eżistenza tagħna hi relatata mill-qrib mal-iskop tiegħu. Alla ħalaq lill-bnedmin biex jgħixu għal dejjem fuq l-art u ma abbandunahx l-iskop tiegħu.—Salm 37:11, 29; Isaija 55:11.

Filwaqt li nistgħu nagħrfu l-eżistenza t’Alla u saħansitra xi ftit mill-kwalitajiet tiegħu permezz tad-dinja naturali, ma kienx l-iskop t’Alla li nsiru nafu l-iskop tiegħu b’dan il-mod. Biex inkunu nafu l-iskop t’Alla, u b’hekk it-tifsir tal-eżistenza tagħna, għandna bżonn komunikazzjoni mingħand Alla. Fil-Bibbja hu jikkomunika magħna u juża termini sempliċi u diretti. * Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jistidnuk tikkunsidra mill-ġdid it-tweġibiet misjubin hemm.

^ par. 17 Għar-raġuni għala Alla jippermetti t-tbatija, ara kapitlu 11 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? ippubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Disponibbli wkoll fuq www.jw.org/mt.

^ par. 23 Għal iżjed informazzjoni, ara kapitlu 15 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? ippubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Disponibbli wkoll fuq www.jw.org/mt.

^ par. 29 Għal iżjed informazzjoni ara kapitlu 3 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? ippubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Disponibbli wkoll fuq www.jw.org/mt.