Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ħarsa lejn id-dinja

Ħarsa lejn id-dinja

L-Istati Uniti

Fil-belt taʼ Los Angeles, Kalifornja, hemm ftit inqas minn 4,500 dawl tat-traffiku mifruxin fuq xi 1,215-il kilometru kwadru u dawn kollha ġew sinkronizzati. Skont The New York Times, Los Angeles hi “l-ewwel metropoli maġġura fid-dinja li għamlet dan.”

Id-Dinja

Minn stima globali dwar is-saħħa nstab li kien hemm qabża taʼ 82 fil-mija fl-obeżità bejn l-1990 u l-2010. Il-piż żejjed jikkaġuna iktar minn tliet darbiet iktar imwiet mill-malnutrizzjoni—għalkemm in-nuqqas t’ikel għadu problema f’ħafna pajjiżi. Però, fil-verità, “morna minn dinja t’20 sena ilu fejn in-nies ma kellhomx biżżejjed x’jieklu għad-dinja t’issa fejn l-ikel żejjed u mhux bnin—anke f’pajjiżi li qed jiżviluppaw—qed imarradna,” jgħid Majid Ezzati, wieħed mir- riċerkaturi ewlenin.

Il-Gżira Midway

Albatross mara taʼ Laysan, li jintqal li hi “l-ixjeħ tajra salvaġġa magħrufa fid-dinja,” faqqset ieħor mill-ħafna flieles tagħha. Kemm għandha żmien din l-omm? L-ewwel darba li tlibbset ċurkett kien fl-1956 meta kellha mill-inqas ħames snin, u b’hekk issa jiġi għandha ’l fuq sew minn 60 sena. Tul ħajjitha, din l-albatross aktarx taret bejn tliet u erbaʼ miljun kilometru—daqs erbaʼ sa sitt vjaġġi mid-dinja sal-qamar u lura.

L-Afrika t’Isfel

Studju wieħed jissuġġerixxi li terz tan-nisa mill-Afrika t’Isfel jużaw sapun u kremi li jibbliċjaw il-ġilda biex jiċċaraw il-kulur tal-ġilda tagħhom. Prodotti bħal dawn li jiċċaraw il-ġilda huma perikolużi, u diversi pajjiżi pprojbewhom. Fost il-perikli hemm tipi differenti taʼ kanċer, ħsara fil-kliewi, dipressjoni, ansjetà, raxxijiet, u tbajjaʼ.