Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Min Jistaʼ Jbiddel id-Dinja Tagħna?

Min Jistaʼ Jbiddel id-Dinja Tagħna?

Il-​Ħarsa tal-​Bibbja

“In-​nies tad-​dinja jridu tweġibiet mill-​mexxejja tagħhom. Huma jistennew soluzzjonijiet, mhux sforzi taʼ nofs kedda jew skużi.”​—IS-​SEGRETARJU ĠENERALI TAL-​ĠNUS MAGĦQUDA BAN KI-​MOON.

AĦNA ngħixu fi żminijiet li l-​Bibbja ssejħilhom “żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom.” (2 Timotju 3:1) L-​aħbarijiet huma miżgħudin b’rapporti tal-​biżaʼ taʼ gwerer, terroriżmu, taqlib ekonomiku, u qerda imminenti tal-​ambjent.

Hemm xi tama li l-​affarijiet se jmorru għall-​aħjar? Jistgħu l-​gvernijiet umani jirranġaw il-​problemi tad-​dinja? Jew għandna bżonn induru lejn ħaddieħor għall-​għajnuna?

Dak li Jsostnu Ħafna Ġnus

Ħafna ġnus isostnu li għandhom l-​appoġġ t’Alla. Pereżempju, fil-​Wegħda t’Alleanza tagħha, l-​Istati Uniti tal-​Amerika tgħid li hi “ġens wieħed taħt Alla,” u l-​muniti u l-​flus tal-​karti f’dak il-​pajjiż fuqhom hemm miktub “F’Alla Nafdaw.”

M’għandniex xi ngħidu, ħafna li jgħixu fl-​Istati Uniti lanqas biss jemmnu li Alla jeżisti—u l-​istess hu minnu f’pajjiżi oħrajn li jsostnu li għandhom l-​appoġġ t’Alla. Anki nies li jemmnu f’Alla għandhom opinjonijiet differenti rigward kemm jinvolvi ruħu fi kwistjonijiet tal-​bnedmin.

● Xi wħud jgħidu li Alla xejn m’għandu interess fil-​bnedmin u li ħalliehom imexxu lilhom infushom.

● Oħrajn jgħidu li Alla jaħdem permezz taʼ gvernijiet umani u li jistaʼ jbierek l-​isforzi tagħhom biex ibiddlu d-​dinja tagħna.

Liema stqarrija minn dawn, jekk hemm xi waħda, tesprimi dak li temmen int?

Ikkunsidra: Jekk l-​ewwel stqarrija hi minnha, aħna nkunu vera msieken. Jekk it-​tieni stqarrija hi minnha, mela jkollna nistaqsu lilna nfusna: ‘Jippreferi Alla xi ġens minn ieħor? Jekk żewġt iġnus jiggwerraw kontra xulxin u t-​tnejn jitolbu bil-​ħerqa biex jirbħu, Alla maʼ min iżomm?’ Huwa possibbli li ma jżomm maʼ ħadd?

Dak li Tgħallem il-​Bibbja

1. Il-​bniedem ma ġiex maħluq biex imexxi lilu nnifsu. Il-​Bibbja tgħid: “Lanqas min jimxi ma jistaʼ jidderieġi l-​passi tiegħu.” (Ġeremija 10:23) L-​istorja tikkonferma kemm hi minnha din l-​istqarrija. Il-​ħakma mill-​bniedem ma ġabitx dinja aħjar, anki meta l-​ħakkiema kellhom prinċipji għoljin u l-​aħjar intenzjonijiet. Minflok, “il-​bniedem iddomina lill-​bniedem bi ħsara għalih.”—Ekkleżjasti 8:9.

2. Alla jimpurtah minn dak li jiġrilna. Hu konxju tas-​sitwazzjoni tagħna u sensittiv għal dak li ngħaddu minnu. Barra minn hekk, hu se jieħu azzjoni biex jgħinna. Kif? Permezz tas-​Saltna tiegħu, li “qatt ma tinqered.”—Danjel 2:44.

3. Is-​Saltna t’Alla hi gvern taʼ veru. Hu l-​istess gvern li miljuni taʼ nies sinċieri spiss jitolbu għalih fit-​Talba tal-​Missierna. F’din it-​talba, in-​nies jitolbu lil Alla bil-​ħrara: “Ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int, kif fis-​sema, ukoll fuq l-​art.” (Mattew 6:10) Innota li s-​Saltna t’Alla ma teffettwax biss lis-​sema, imma tagħmilha possibbli wkoll li r-​rieda t’Alla titwettaq fuq l-​art.

4. Permezz taʼ Saltnatu, Alla jistaʼ—u se—ibiddel id-​dinja tagħna. Jekk dan tiddubitah, ikkunsidra x’tgħallem il-​Bibbja.

● Alla ta lir-​razza umana bidu perfett f’ambjent paċifiku.—Ġenesi 1:27-​31.

● Minkejja l-​problemi li naraw, Alla m’abbandunax l-​iskop tiegħu għad-​dinja tagħna.—Salm 37:11, 29.

● Alla diġà ħa passi biex jagħmilha possibbli għal artna—u għar-​razza umana—biex tiġi restawrata għall-​kundizzjoni li ried oriġinarjament.—Ġwanni 3:16.

Tixtieq titgħallem iktar dwar is-​Saltna t’Alla u kif din se tbiddel id-​dinja tagħna? Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova, il-​pubblikaturi taʼ din ir-​rivista, minn qalbhom jixtiequ jgħinuk. Għala ma tiddiskutix magħhom is-​suġġetti li ġejjin meta jerġgħu jiġu jħabbtulek?

X’inhi s-​Saltna t’Alla?

Liema bidliet se ġġib?

Is-​Saltna t’Alla meta u kif se ġġib dawn il-​bidliet?

QATT ĦSIBT DWAR DAN?

● Il-​gvernijiet umani għala huma limitati f’dak li jistgħu jwettqu?—Ġeremija 10:23.

● Alla kif wera li jimpurtah minna?—Ġwanni 3:16.

● Is-​Saltna t’Alla x’se tagħmel possibbli għal artna u għal dawk li jgħixu fiha?—Salm 37:11, 29.

[Kumment f’paġna 13]

Jistgħu l-​gvernijiet umani jirranġaw il-​problemi tad-​dinja? Jew għandna bżonn induru lejn ħaddieħor għall-​għajnuna?