Ħarsa Lejn id-dinja
Skont 76.3 fil-mija tal-adulti li ġew mistħarrġin fil-Ġermanja, “ma fiha xejn ħażin” jekk titkessaħ maʼ dawk tas-sess oppost u “ma jfissirx li trid tibda relazzjoni mal-persuna.” Kważi nofs dawk li ġew mistħarrġin qalu li ma jkun ġara xejn jekk persuna miżżewġa titkessaħ maʼ xi ħadd li ma tafux.—APOTHEKEN UMSCHAU, IL-ĠERMANJA.
Stħarriġ li sar mal-pajjiż kollu juri li 48 fil-mija tar-Russi jemmnu li attakki terroristiċi saru “mistennijin mija fil-mija” u huma “parti normali mill-ħajja.”—KOMMERSANT, IR-RUSSJA.
“F’attentat bla mistħija taʼ xejn u li kien jixbah assedju medjevali,” kuntrabandisti Messikani dan l-aħħar ipprovaw metodu mhux tas-soltu biex jevitaw is-sigurtà li jkun hemm mal-fruntiera—“katapulta kbira” mpoġġija fuq trejler u armata b’elastiku b’saħħtu, “biex iwaddbu d-droga lejn it-Tramuntana” minn fuq il-fruntiera li hemm mal-Istati Uniti.—REUTERS NEWS SERVICE, L-ISTATI UNITI TAL-AMERIKA.
“Żewġ tqaliet minn kull ħamsa” fil-belt taʼ New York jispiċċaw f’abort. Il-proporzjon “bilkemm inbidel f’iktar minn għaxar snin.”—THE NEW YORK TIMES, L-ISTATI UNITI TAL-AMERIKA.
Dawk li xogħolhom jikkontrollaw l-annimali u l-insetti li jagħmlu l-ħsara baqgħu mgħaġġbin meta ntalbu jaqbdu volpi mit-72 sular taʼ skajskrejper li kien qed jinbena f’nofs Londra. L-annimal, li kien qed “jgħix fuq il-fdalijiet t’ikel li ħallew il-bennejja,” ġie meħlus f’post fil-viċin.—THE TELEGRAPH, LONDRA.
Qassisin Ortodossi Russi Jistgħu Joħorġu għall-Elezzjoni
“Il-Konċilju tal-Isqfijiet tal-Knisja Ortodossa Russa ta l-approvazzjoni tiegħu biex il-membri tal-kleru tiegħu joħorġu għall-elezzjoni f’ċirkustanzi mhux tas-soltu ħalli jipproteġu lill-knisja minn frid u theddid dirett ieħor,” tirrapporta l-aġenzija tal-aħbarijiet RIA Novosti. Skont stqarrija mill-isqfijiet, ċirkustanzi bħal dawn iqumu meta jkollhom bżonn “jikkonfrontaw xi forzi, inkluż forzi li jridu jifirdu u dawk minn nies taʼ twemmin ieħor, li jfittxu li jużaw il-qawwa tal-politika biex jiġġieldu kontra l-Knisja Ortodossa.”
Problemi Legali Ġodda
Prattiki fil-mediċina riproduttiva, li darba tqiesu li kienu impossibbli, qed joħolqu dilemmi legali ġodda. “Kull sena, qed jitwieldu iktar u iktar trabi mill-isperma jew mill-embriji li jkunu ġew maħżunin għal diversi xhur jew snin,” jispjega ġurnal Amerikan (The Wall Street Journal). “F’xi każi, ġenitur minnhom ikun diġà miet, ġeneralment il-missier.” Fl-Istati Uniti, xi orfni jingħataw pagamenti kull xahar mis-sistema tas-Sigurtà Soċjali. Imma l-liġijiet taʼ stati differenti jvarjaw dwar jekk pagamenti bħal dawn għandhomx isiru jekk it-tarbija titnissel wara l-mewt taʼ wieħed mill-ġenituri. “It-teknoloġija avanzat ħafna iktar milli qatt bassret il-liġi,” qal Sonny Miller, avukat minn Minnesota.