Kif Nistaʼ Nikkontrolla t-Tempra?
Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
Kif Nistaʼ Nikkontrolla t-Tempra?
Kemm-il darba titlef it-tempra?
□ Qatt
□ Kull xahar
□ Kull ġimgħa
□ Kuljum
Min x’aktarx li jġiegħlek titlifha?
□ Ħadd
□ It-tfal tal-iskola
□ Il-ġenituri
□ Ħuti
□ Oħrajn
Hawn taħt, iddeskrivi sitwazzjoni li s-soltu tirrabjak.
□ ․․․․․
JEKK niżżilt ✔ ħdejn “Qatt” u “Ħadd” u ħallejt l-aħħar waħda vojta, prosit—taf tikkontrolla t-tempra!
Madankollu, kulħadd jirreaġixxi b’modi differenti għal sitwazzjonijiet diffiċli u għandu xi nuqqas jew ieħor. Il-kittieb Bibliku Ġakbu qal: “Ilkoll nitfixklu ħafna drabi.” (Ġakbu 3:2) Fil-fatt, forsi dwar it-tempra tiegħek tħossok bħal Serena, a li għandha 17-il sena. Hi tgħid: “Ir-rabja tinġemaʼ fija, u spiss nisfogaha mal-ewwel persuna li tirritani. Jistgħu jkunu l-ġenituri, oħti, jew saħansitra l-kelb!”
Niddistingwu l-Ideat Żbaljati mill-Fatti
Issibha diffiċli biex tikkontrolla t-tempra? Jekk inhu hekk tistaʼ ssib l-għajnuna. Imma l-ewwel nett, ejja neħilsu minn ftit ideat żbaljati.
◼ Idea żbaljata: “Ma nistax nikkontrolla t-tempra—fil-familja lkoll rasna sħuna!”
Fatt: Forsi veru li għandek ‘it-tendenza li tinkorla’—jistaʼ jkun minħabba li tiġi influwenzat mill-familja, mill-ambjent, jew minn fatturi oħrajn. (Proverbji 29:22) Imma dak li tagħmel b’dik il-korla huwa fil-kontroll tiegħek. Il-mistoqsija hi, Min trid tkun fejn jidħlu l-emozzjonijiet tiegħek—is-sewwieq jew il-passiġġier? Oħrajn tgħallmu jikkontrollaw ir-rabja tagħhom, u int tistaʼ titgħallem ukoll!—Kolossin 3:8-10.
Skrittura importanti: “Ħa jitwarrab minnkom kull imrar malizzjuż u rabja u korla u twerżiq u tgħajjir.”—Efesin 4:31.
◼ Idea żbaljata: “Jekk inħossni rrabjat, aħjar ngħid dak li għandi ngħid milli nżomm kollox fija.”
Fatt: Iż-żewġ metodi jistgħu jagħmlu ħsara lil saħħtek. Veru, li ‘tisfoga’ t-tħassib tiegħek għandu żmienu. (Ġob 10:1) Imma dan ma jfissirx li għandek tkun bħal bomba li se tisplodi minn mument għall-ieħor. Tistaʼ titgħallem tesprimi emozzjonijiet qawwijin mingħajr ma tisplodi.
Skrittura importanti: “Ilsir tal-Mulej m’għandux għalfejn jiġġieled, imma għandu 2 Timotju 2:24.
jkun ġentili maʼ kulħadd, . . . iżomm ruħu mrażżan.”—◼ Idea żbaljata: “Jekk inkun ‘ġentili maʼ kulħadd,’ kulħadd jagħmilni tapit.”
Fatt: In-nies jifhmu li biex turi r-rażan trid tkun verament b’saħħtek, u se jirrispettawk iktar jekk turih.
Skrittura importanti: “Jekk inhu possibbli, sakemm jiddependi minnkom, żommu l-paċi mal-bnedmin kollha.”—Rumani 12:18.
Kif Tikkontrolla t-Tempra
Jekk għandek it-tendenza li jitilgħulek, forsi s’issa kont tagħti t-tort lil ħaddieħor meta tiżbroffa. Pereżempju, qatt għedt, “Mhux hi tellgħethomli?” jew “Hu qabbiżhieli”? Jekk inhu hekk, kliemek stess jissuġġerixxi li ħaddieħor qed jikkontrolla l-emozzjonijiet tiegħek. Kif tistaʼ terġaʼ tieħu r-riedni f’idejk? Ipprova dan li ġej.
Erfaʼ r-responsabbiltà. L-ewwel pass hu li tammetti li int—u int biss—tistaʼ “ġġiegħel” lilek innifsek tirrabja. Għalhekk, neħħi mill-vokabolarju tiegħek kliem li jakkuża lil ħaddieħor. Minflok ma tgħid, “Mhux hi tellgħethomli?” ammetti miegħek innifsek, ‘Jien ħallejt in-nervi jitilgħuli.’ Minflok ma tgħid, “Hu qabbiżhieli,” ammetti miegħek innifsek, ‘Jien għażilt li nirreaġixxi żżejjed.’ Meta taċċetta r-responsabbiltà għall-azzjonijiet tiegħek, tkun iktar kapaċi tikkontrollahom.—Galatin 6:5.
Il-problema ilqgħalha minn qabel. Il-Bibbja tgħid: “Min hu prudenti jara l-gwaj u jinħeba, imma dawk taʼ bla esperjenza jibqgħu sejrin u jkollhom iħallsu l-piena.” (Proverbji 22:3) Mela hu importanti li l-problema tilqgħalha minn qabel. Staqsi lilek innifsek, ‘Meta hemm l-iktar ċans li jitilgħuli?’ Pereżempju, tfajla jisimha Megan qalet: “Jien naħdem bil-lejl, u meta nispiċċa x-xift, inkun għajjiena mejta. F’dawk il-ħinijiet tistaʼ taqbiżli ċ-ċinga kważi mix-xejn.”
Mistoqsija: F’liema ċirkustanzi hemm l-iktar ċans li jitilgħulek?
․․․․․
Ippjana li tirreaġixxi aħjar. Meta xi ħadd jirrabjak, ħu nifs qawwi, baxxi leħnek, u tkellem bil-mod. Minflok ma takkuża lil dak li jkun (“Ja ħalliel! Ħadtli l-flokk mingħajr m’għedtli!”) ipprova esprimi kif teffettwak l-azzjoni. (“Veru niddejjaq
meta nkun irrid nilbes flokk u nsib li int ‘isselliftu’ mingħajr m’għedtli.”)Taħriġ: Aħseb f’sitwazzjoni reċenti li fiha tlift it-tempra.
1. X’kien li rrabjak?
․․․․․
2. Kif irreaġixxejt? (X’għedt u/jew x’għamilt?)
․․․․․
3. Kif stajt irreaġixxejt aħjar?
․․․․․
Qis il-konsegwenzi. Diversi prinċipji Bibliċi jistgħu jgħinuk tagħmel dan. Pereżempju:
◼ Proverbji 12:18: “Hemm min jitkellem bla ma jaħsibha qisu b’daqqiet taʼ sejf.” Il-kliem jistaʼ jweġġaʼ, u meta titlef it-tempra, kważi tistaʼ tibqaʼ ċert li se tgħid xi ħaġa li iktar tard se jiddispjaċik li għedtha.
◼ Proverbji 29:11: “L-istupidu jisfoga r-rabja għalkollox, imma l-għaref iżomm kalm sa l-aħħar.” Fl-aħħar mill-aħħar, meta tirreaġixxi bi kliem mhux kontrollat, int se tidher stupidu.
◼ Proverbji 14:30: “Qalb kalma hija l-ħajja tal-ġisem.” Temperament ħażin mhux tajjeb għal saħħtek! Waħda tfajla jisimha Anita tgħid: “Ħafna fil-familja tiegħi jbatu bil-pressjoni għolja, u l-fatt li faċli nħossni stressata jġegħelni naħsibha darbtejn qabel nitlef it-tempra.”
It-tagħlima x’inhi? Aħseb dwar il-konsegwenzi taʼ kliemek u l-azzjonijiet tiegħek. Heather, li għandha 18-il sena, tgħid: “Jien nistaqsi lili nnifsi, ‘X’jiġri jekk nitlef it-tempra maʼ din il-persuna? X’se taħseb fuqi? Kif se tiġi effettwata r-relazzjoni tagħna? Kif inħossni kieku xi ħadd kellu jaġixxi hekk miegħi?’” Tistaʼ tistaqsi mistoqsijiet simili qabel titkellem jew qabel tibgħat xi messaġġ—sew jekk bil-posta, bit-telefon, permezz taʼ messaġġ bil-kompjuter, bil-mobile, u sew jekk b’e-mail.
Mistoqsija: X’jistaʼ jiġri jekk xi ħadd jirritak u int twieġeb billi tibgħatlu messaġġ li jindika rabja?
․․․․․
Fittex l-għajnuna. “Kif il-ħadid isinn il-ħadid, hekk bniedem jirfina lil sieħbu,” jgħid Proverbji 27:17. (Għaqda Biblika Maltija) Għala ma tistaqsix lil xi ġenitur jew ħabib matur kif jibqaʼ kalm?
Ħu nota tal-progress tiegħek. Uża djarju biex tieħu nota tal-progress tiegħek. Kull darba li titlef il-kontroll, ikteb (1) x’ġara, (2) kif irreaġixxejt, u (3) kif stajt irreaġixxejt aħjar. Maż-żmien issib li l-aħjar reazzjoni ssir l-ewwel waħda!
Iktar artikli mis-serje “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu” jistgħu jinstabu fil-Web site www.watchtower.org/ype
[Nota taʼ taħt]
a Xi ismijiet f’dan l-artiklu ġew mibdulin.
AĦSEB DWAR DAN
Xi drabi, anki nies li ma naħsbuhomx li jitilfu t-tempra għamlu dan għal ftit mumenti. X’lezzjonijiet nistgħu nitgħallmu minn dawn l-eżempji?
◼ Mosè.—Numri 20:1-12; Salm 106:32, 33.
◼ Pawlu u Barnaba.—Atti 15:36-40.
[Kaxxa/Stampi f’paġna 20]
X’JGĦIDU DAWK TAʼ MPAREK
“Meta nesprimi dak li nħoss fid-djarju tiegħi—jew lil ommi—inkun nistaʼ nibqaʼ kalma.”—Alexis, l-Istati Uniti.
“Jekk inkun stressata għall-aħħar noħroġ nimxi ngħaġġel biex naħli l-enerġija, u l-arja tgħinni naħseb aħjar.”—Elizabeth, l-Irlanda.
“Mentalment noħroġ mis-sitwazzjoni u nistaqsi, ‘X’jiġri jekk naqbad inwerżaq?’ Dejjem nispiċċa nirrealizza li dan ma jgħinx!”—Graeme, l-Awstralja.
[Kaxxa f’paġna 20]
KONT TAF?
Kultant, Alla stess iħossu rrabjat. Madankollu, l-emozzjonijiet tiegħu dejjem huma ġustifikati, u hu jżomm kontroll sħiħ. Qatt ma jirreaġixxi żżejjed!—Eżodu 34:6; Dewteronomju 32:4; u Isaija 48:9.
[Stampa f’paġna 21]
Int tiddetermina jekk tfurx jew le fit-temperament tiegħek