Ix-Xkiel Tiegħi Kien l-Ilbies u d-Dehra
Ix-Xkiel Tiegħi Kien l-Ilbies u d-Dehra
KIF RAKKONTAT MINN EILEEN BRUMBAUGH
JIEN trabbejt fir-reliġjon taʼ l-Ordni l-Qadima tal-Fratellanza Battista Ġermaniża, li hija simili għar-reliġjonijiet taʼ l-Amish u l-Mennoniti. Il-moviment tal-Fratellanza beda fil-Ġermanja fl-1708 bħala parti mill-qawmien spiritwali msejjaħ Pjetiżmu. The Encyclopedia of Religion tgħid li l-Pjetiżmu kien jintgħaraf minn “konvinzjoni li l-bnedmin għandhom bżonn l-evanġelju taʼ Kristu.” Din il-ħarsa wasslet lill-moviment biex jagħmel kampanji missjunarji f’diversi pajjiżi u dawn irnexxew.
Fl-1719 grupp żgħir immexxi minn Alexander Mack ġie f’dik li hija issa Pennsylvania, fl-Istati Uniti. Minn dakinhar ’l hawn, ġew ifformati gruppi oħrajn u dawn infirdu minn xulxin. Kull grupp żamm maʼ l-interpretazzjoni tiegħu stess tat-tagħlim taʼ Alexander Mack. Il-knisja żgħira tagħna kellha madwar 50 membru. Kienu jiġu enfasizzati ħafna l-qari tal-Bibbja u l-ubbidjenza stretta għad-deċiżjonijiet uffiċjali tal-membri tal-knisja.
Il-familja tiegħi kienet ilha żżomm maʼ dan it-twemmin u l-istil taʼ ħajja għal minn taʼ l-inqas tliet ġenerazzjonijiet. Jien ngħaqadt mal-knisja u tgħammidt meta kelli 13-il sena. Trabbejt bi twemmin li kien jgħid li huwa ħażin li jkollok jew tuża karozza, trakter, telefon, jew anki radju jew kull invenzjoni oħra li taħdem bl-elettriku. Il-membri nisa kienu jilbsu sempliċi, u ma konniex naqtgħu xagħarna jew inħallu rasna mikxufa. L-irġiel kienu jħallu d-daqna. Aħna konna naħsbu illi biex ma nkunux parti mid-dinja ma stajniex nilbsu ħwejjeġ moderni, nagħmlu l-mejkapp, jew nilbsu ġojjellerija. Għalina dawn kienu espressjonijiet taʼ kburija midinba.
Aħna konna nqisu l-Bibbja bħala l-ikel spiritwali tagħna u ġejna mgħallmin li għandu jkollna rispett profond għaliha. Kull fil-għodu qabel nieħdu xi ħaġa taʼ l-ikel, konna ninġabru fis-salott u nisimgħu lill-Papà jaqra kapitlu mill-Bibbja u jikkummenta fuq dak li jkun qara. Imbagħad konna ninżlu kollha għarkopptejna hekk kif il-Papà kien jgħid it-talba. Imbagħad, il-Mamà kienet tgħid it-Talba tal-Missierna. Jien dejjem kont inħares ’il quddiem għall-qima taʼ fil-għodu, għax il-familja kienet tkun kollha miġbura flimkien u medhija fuq affarijiet spiritwali.
Aħna konna ngħixu f’razzett ħdejn Delphi, Indiana, fejn konna nkabbru diversi wċuħ tar-rabaʼ. Konna nġorru l-prodotti lejn iċ-ċentru tal-belt biż-żiemel u l-karettun, u mbagħad inbigħuhom fit-triq jew minn bieb għal bieb. Ħassejna li x-xogħol iebes kien parti mis-servizz tagħna lil Alla. Allura ffokajna fuqu, minbarra l-Ħadd, meta ma kellna nagħmlu ebda “xogħol il-ħaddiem.” Iżda xi drabi l-familja tagħna tant kien ikollha x’tagħmel fir-razzett li kien taʼ sfida li nżommu din il-ħarsa spiritwali.
Iż-Żwieġ u l-Familja
Fl-1963, meta kelli 17-il sena, iżżewwiġt lil James, membru ieħor tal-Fratellanza l-Qadima. Sal-bużnanniet tiegħu kienu membri tar-reliġjon tal-Fratellanza l-Qadima. It-tnejn li aħna kellna xewqa qawwija li naqdu lil Alla u konna nemmnu li l-knisja tagħna kienet l-unika waħda vera.
Sa l-1975 kellna sitt itfal, u fl-1983 twieled is-sebaʼ u l-aħħar wieħed. Rebecca, it-tieni waħda, kienet l-unika tifla. Konna naħdmu ħafna, nonfqu ftit, u ngħixu ħajja sempliċi. Ipprovajna nnisslu f’uliedna l-istess prinċipji Bibliċi li konna tgħallimna mill-ġenituri tagħna u minn oħrajn fil-Fratellanza l-Qadima.
Id-dehra taʼ barra kienet importanti ħafna għall-Fratellanza l-Qadima. Konna nħossu li peress li ħadd ma setaʼ jaqra l-qalb, il-mod kif persuna kienet tilbes kien jikxef x’kienet minn ġewwa. B’hekk, jekk xi waħda mill-membri kienet tgħolli xagħarha żżejjed kienet titqies bħala mara kburija. Jekk id-disinn fuq id-drapp tal-libsa sempliċi tagħna kien jagħti wisq fl-għajn, dan kien jindika wkoll li l-persuna kienet kburija. Xi drabi, dawn il-kwistjonijiet kienu jsiru iktar importanti mill-Iskrittura nfisha.
Esperjenza fil-Ħabs
Lejn l-aħħar tas-snin 60, ħu r-raġel, Jesse, li wkoll kien trabba fit-twemmin tal-Fratellanza l-Qadima, intbagħat il-ħabs minħabba li ma riedx jaċċetta s-servizz militari. Waqt li kien hemm, iltaqaʼ max-Xhieda taʼ Jehovah, li wkoll iħossu li jekk jieħdu sehem fil-gwerer ma jkunux qed jaqblu mal-prinċipji Bibliċi. (Isaija 2:4; Mattew 26:52) Jesse kellu ħafna diskussjonijiet fuq il-Bibbja max-Xhieda u setaʼ jara l-kwalitajiet tagħhom direttament. Wara ħafna studju tal-Bibbja, hu tgħammed bħala wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah—b’dispjaċir kbir għalina.
Jesse kellem lir-raġel tiegħi dwar l-affarijiet li kien tgħallem. Għamel arranġament ukoll biex James ikun jistaʼ jirċievi regolarment ir-rivisti Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! Iktar ma James beda jaqrahom, iktar beda jinteressa ruħu fil-Bibbja. Peress li James minn dejjem xtaq jaqdi lil Alla imma taʼ spiss kien iħossu mbiegħed minnu, kull ħaġa li setgħet tgħinu jersaq eqreb lejn Alla kienet tinteressah ħafna.
L-anzjani tagħna inkuraġġewna biex naqraw ir-rivisti reliġjużi tar-reliġjonijiet taʼ l-Amish, il-Mennoniti, u reliġjonijiet oħrajn tal-Fratellanza l-Qadima, avolja konna nikkunsidraw dawn ir-reliġjonijiet bħala parti mid-dinja. Iżda missieri kellu preġudizzju qawwi kontra x-Xhieda. Ħass li qatt ma kellna naqraw It-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! Allura ħadt qatgħa meta rajt lil James jaqrahom. Bżajt li kien se jieħu xi tagħlim falz.
Madankollu, lil James kienu ilhom li ġewh dubji dwar xi twemmin tal-Fratellanza l-Qadima li skond hu kienu jikkontradixxu l-Bibbja—speċjalment it-tagħlim li kull “xogħol il-ħaddiem” nhar taʼ Ħadd huwa dnub. Per eżempju, ir-reliġjon tal-Fratellanza l-Qadima kienet tgħallem li nhar taʼ Ħadd tistaʼ tisqi l-annimali tiegħek imma ma tistax taqlaʼ ħaxixa ħażina. L-anzjani ma setgħux jagħtuh raġuni Skritturali għal din ir-regola. Bil-mod il-mod, lili wkoll bdew jiġuni dubji dwar tagħlim bħal dan.
Peress li kien ilna ħafna żmien nemmnu li l-knisja tagħna kienet il-knisja t’Alla u konna nafu minn xiex konna se ngħaddu jekk nitilqu minnha, sibnieha iebsa biex ninqatgħu minn mal-Fratellanza l-Qadima. Madankollu, il-kuxjenza tagħna ma setgħetx tkompli tħallina nibqgħu f’reliġjon li ħassejna li ma kinitx taqbel mal-Bibbja f’kollox. Għalhekk, fl-1983 ktibna ittra li fiha spjegajna r-raġunijiet tagħna għala tlaqna u tlabna li l-ittra tinqara lill-kongregazzjoni. Ġejna mkeċċijin mis-sħubija tal-grupp.
Tfittxija għar-Reliġjon Vera
Wara dan, bdejna nfittxu r-reliġjon vera. Konna qed infittxu l-konsistenza, reliġjon segwita minn uħud li kienu jagħmlu
l-affarijiet li kienu jgħallmu lil oħrajn biex jagħmlu. L-ewwelnett, qtajna barra kull reliġjon li kienet tieħu sehem fil-gwerra. Xorta bqajna miġbudin lejn ir-reliġjonijiet “sempliċi,” għax konna nħossu li stil taʼ ħajja u lbies sempliċi kienu juru li r-reliġjon ma kinitx parti mid-dinja. Mill-1983 sa l-1985, sibna l-ħin biex induru mal-pajjiż kollu, neżaminaw reliġjon wara l-oħra—il-Mennoniti, il-Quakers, u gruppi “sempliċi” oħra.Matul dak il-perijodu x-Xhieda taʼ Jehovah kienu jiġu jżuruna fir-razzett tagħna, ħdejn Camden, Indiana. Konna nisimgħuhom, u nitolbuhom biex jużaw biss il-verżjoni tal-Bibbja tal-King James. Kont nirrispettaha l-opinjoni tax-Xhieda dwar il-gwerer. Imma kien diffiċli għalija biex nismagħhom għax billi ma setgħux jifhmu l-bżonn li ma jkunux parti mid-dinja billi jilbsu ħwejjeġ sempliċi, ħassejt li ma setax ikollhom ir-reliġjon vera. Kont naħseb li l-kburija kienet iġġiegħel lin-nies jilbsu differenti minna. Kont nemmen li l-affarijiet li wieħed ikollu kienu jagħmluh kburi.
James beda jmur fis-Sala tas-Saltna tax-Xhieda taʼ Jehovah, u kien jieħu miegħu lil xi ftit mit-tfal tagħna. Jien kont ħadtha bi kbira ħafna. Ir-raġel ħeġġiġni biex immur miegħu, imma żammejt lura. Imbagħad darba minnhom qalli, “Avolja ma taqbilx mat-tagħlim kollu tagħhom, almenu mur u ara int stess kif jittrattaw lil xulxin.” Din kienet xi ħaġa li lilu impressjonatu ħafna.
Fl-aħħar mill-aħħar, iddeċidejt li mmur imma noqgħod b’sebaʼ għajnejn. Dħalt fis-Sala tas-Saltna bil-libsa u l-kappa sempliċi tiegħi. Xi wħud minn uliedna s-subien kienu ħafjin, u l-ħwejjeġ tagħhom kienu sempliċi wkoll. Madankollu, ix-Xhieda ġew fuqna u ttrattawna bi mħabba. Ħsibt bejni u bejn ruħi, ‘Aħna differenti, imma xorta qed jaċċettawna kif aħna.’
Bqajt impressjonata bl-attitudni tagħhom kollha mħabba, imma xorta bqajt determinata li mmur biex nara biss. Ma kontx inqum bil-wieqfa jew inkanta l-għanjiet tagħhom. Wara l-laqgħa kont nibbombardjahom bil-mistoqsijiet dwar affarijiet li kont naħseb li ma kinux qed jagħmluhom tajjeb jew dwar it-tifsira taʼ ċerti skritturi. Avolja ma tantx kont nuża tattika, kull persuna li staqsejt ħadet interess veru fija. Bqajt impressjonata wkoll bil-fatt li stajt nistaqsi l-istess ħaġa lil uħud differenti u nieħu tweġibiet li kienu jaqblu flimkien. Xi drabi kienu jiktbuli t-tweġiba, u dan kien t’għajnuna kbira għax imbagħad kont inkun nistaʼ nistudja l-materjal waħdi iktar tard.
Fis-sajf taʼ l-1985, morna bħala familja għall-konvenzjoni tax-Xhieda taʼ Jehovah f’Memphis, Tennessee—biex naraw biss. James kien għad kellu d-daqna, u konna għadna nilbsu lbies sempliċi. Bejn sessjoni u oħra rari kien hemm mument fejn ma kienx hemm xi ħadd ikellimna. L-imħabba, l-attenzjoni, u l-fatt li ġejna aċċettati laqtuna ħafna. Bqajna impressjonati wkoll bl-għaqda, għax morna fejn morna għal-laqgħat, it-tagħlim kien kollu l-istess.
James tqanqal mill-interess persunali li wrew ix-Xhieda u aċċetta studju tal-Bibbja. Kien jifli kollox biex ikun ċert minn dak li kien qed jitgħallem u jsib il-prova tiegħu. (Atti 17:11; 1 Tessalonikin 5:21) Maż-żmien, James ħass li kien sab il-verità. Madankollu, jien ħassejtni bejn ħalltejn. Xtaqt nagħmel dak li hu sewwa, imma ma ridtx “insir moderna” u nitqies bħala “tad-dinja.” Meta aċċettajt għall-ewwel darba li noqgħod għal studju tal-Bibbja, kelli l-King James Version fuq sieq waħda u l-verżjoni iktar moderna tan-New World Translation fuq l-oħra. Iċċekkjajt kull vers fiż-żewġ traduzzjonijiet sabiex inkun ċerta li ma kontx qed niġi mqarrqa.
Kif Ikkonvinċejt Ruħi
Hekk kif bdejna nistudjaw max-Xhieda, tgħallimna li Missierna tas-sema huwa Alla wieħed, mhux tlieta f’wieħed, u li aħna nfusna erwieħ u mhux għandna xi ruħ immortali. (Ġenesi 2:7, Għaqda Biblika Maltija, L-Ewwel Edizzjoni [1984]; 1 Korintin 15:45; Dewteronomju 6:4; Eżekjel 18:4, Karm Żammit; 1 Korintin 8:5, 6) Tgħallimna wkoll li l-infern hu l-qabar komuni tan-nies kollha, mhux post taʼ turment bin-nar. (Ġob 14:13; Salm 16:10; Koħèlet 9:5, 10; Atti 2:31) Meta tgħallimna l-verità dwar l-infern kienet xi ħaġa kbira, peress li r-reliġjon tal-Fratellanza l-Qadima ma setgħetx taqbel dwar it-tifsir tiegħu.
Madankollu, xorta ma stajtx nifhem kif ix-Xhieda setaʼ kellhom ir-reliġjon vera meta, f’moħħi, kienu għadhom parti mid-dinja. Ma kinux jgħixu ħajja “sempliċi,” li kont naħseb li tant kienet neċessarja. Madankollu, fl-istess ħin irrealizzajt li kienu qed iwettqu l-kmand taʼ Ġesù biex jippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna lin-nies kollha. Kemm ħassejtni mħawda!—Mattew 24:14; 28:19, 20.
Matul dan iż-żmien kritiku, l-imħabba tax-Xhieda għenitni nkompli ninvestiga. Il-kongregazzjoni kollha ħadet interess fil-familja tagħna. Meta diversi membri tal-kongregazzjoni kienu jgħaddu sa ħdejna—xi drabi billi jivvintaw skuża li jridu jixtru l-ħalib u l-bajd mingħandna sabiex jiġu jarawna—bdejna nqisuhom bħala nies verament twajbin. Id-dar tagħna ma kinitx titħalla barra għax xi Xhud partikulari kien qed jistudja magħna. Minflok, kull meta kien ikun hemm xi ħadd mill-kongregazzjoni ħdejn id-dar tagħna, kien jiġi jarana. Aħna kellna bżonnha ħafna din l-opportunità biex insiru nafu lix-Xhieda, u sirna napprezzaw l-interess u l-imħabba ġenwina tagħhom.
Mhux ix-Xhieda fil-kongregazzjoni l-iktar viċin tagħna biss urew dan l-interess persunali. Meta kont qed nissielet mal-kwistjoni taʼ lbies u dehra xierqa, ġiet tarani Kay Briggs, Xhud minn kongregazzjoni fil-qrib u li kienet tippreferi tilbes ħwejjeġ sempliċi u ma tagħmilx mejkapp. Magħha ħassejtni komda u stajt niftaħ qalbi iktar. Imbagħad darba waħda ġie jarani Lewis Flora, li wkoll kien trabba f’reliġjon “sempliċi.” Hu setaʼ jara d-dilemma li kelli mill-ħarsa taʼ wiċċi u bagħatli ittra t’għaxar paġni biex jipprova jserraħli l-moħħ tant imħawwad li kelli. Il-qalb tajba li wera bikkietni, u qrajt l-ittra tiegħu darba wara l-oħra.
Jien tlabt lill-indokratur li jivvjaġġa, Ħuna O’Dell, biex jispjegali Isaija 3:18-23 u l-1 Pietru 3:3, 4. “Dawn il-versi ma jurux li hemm bżonn taʼ lbies sempliċi biex nogħġbu lil Alla?” staqsejt jien. Hu rraġuna: “Fiha xi ħaġa ħażina li tilbes barnuża? Ħażin li tagħmel malji fix-xagħar?” Fil-Fratellanza l-Qadima konna nimmaljaw xagħar il-bniet, u n-nisa kienu jilbsu l-barnuża. Stajt nara li ma kienx hemm konsistenza, u bqajt impressjonata bil-paċenzja u l-qalb tajba li wera l-indokratur li jivvjaġġa.
Bil-mod il-mod, bdejt nikkonvinċi ruħi iktar u iktar, imma kien hemm kwistjoni waħda li xorta kienet għadha ddejjaqni ħafna—li n-nisa kienu jaqtgħu xagħarhom. L-anzjani Kristjani rraġunaw miegħi li x-xagħar taʼ xi nisa jitwal biss sa ċertu tul, filwaqt li t’oħrajn jistaʼ jitwal mhux ħażin. Kien ix-xagħar taʼ mara waħda aħjar minn taʼ l-oħra minħabba f’hekk? Għenuni nara wkoll li l-kuxjenza hija importanti fejn jidħlu l-ilbies u d-dehra u tawni informazzjoni bil-miktub biex niħodha miegħi d-dar u naqraha.
Naġixxu fuq Dak li Tgħallimna
Konna qed infittxu frott tajjeb, u sibnieh. Ġesù qal: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.” (Ġwanni 13:35) Konna konvinti li x-Xhieda taʼ Jehovah huma nies li juru mħabba vera. Madankollu, dan kien żmien taʼ konfużjoni għat-tfal il-kbar, Nathan u Rebecca, peress li kienu aċċettaw ir-reliġjon tal-Fratellanza l-Qadima u tgħammdu fiha. Maż-żmien, huma tqanqlu mill-veritajiet Bibliċi li qsamna magħhom, kif ukoll mill-imħabba li ntwerew mix-Xhieda.
Per eżempju, Rebecca minn dejjem xtaqet li jkollha relazzjoni intima m’Alla. Sabitha iktar faċli titolbu meta tgħallmet li hu ma fassalx id-destin taʼ kif wieħed se jaġixxi jew x’se jkun il-futur Efesin 5:1) U ħadet pjaċir li ma kellhiex għalfejn tuża l-kliem antik li hemm fil-King James Version biex tindirizzah meta titkellem miegħu. Meta bdiet titgħallem dak li Alla jirrikjedi dwar il-mod kif nitolbuh, kif ukoll l-iskop tiegħu taʼ l-għaġeb għall-bnedmin biex jgħixu għal dejjem f’ġenna taʼ l-art, ħassitha ħafna eqreb lejn il-Ħallieq tagħha.—Salm 37:29; Apokalissi 21:3, 4.
tiegħu. Hi saret ukoll iktar ħabiba t’Alla meta bdiet tapprezza li minflok ma kien parti minn Trinità misterjuża, huwa persuna vera, persuna li setgħet timita. (Privileġġi li Ngawdu Lkoll
Jien u James u l-ħamest itfal il-kbar—Nathan, Rebecca, George, Daniel, u John—tgħammidna bħala Xhieda taʼ Jehovah fis-sajf taʼ l-1987. Harley tgħammed fl-1989, u Simon fl-1994. Il-familja kollha tagħna għadha devota fix-xogħol li Ġesù Kristu kkmanda lis-segwaċi tiegħu biex jagħmlu, jiġifieri, li jxandru l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla.
Il-ħames subien il-kbar—Nathan, George, Daniel, John, u Harley—kif ukoll bintna Rebecca—kollha qdew fl-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Jehovah fl-Istati Uniti. George għadu hemm wara 14-il sena, u Simon, li spiċċa l-iskola fl-2001, dan l-aħħar ukoll sar membru tal-ħaddiema tal-fergħa. Uliedna s-subien kollha huma anzjani jew qaddejja ministerjali fil-kongregazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Jehovah. Ir-raġel tiegħi jaqdi bħala anzjan fil-Kongregazzjoni taʼ Thayer, f’Missouri, u jien għandi ħafna x’nagħmel fil-ministeru.
Issa għandna tliet neputijiet—Jessica, Latisha, u Caleb—u ninsabu ferħanin li naraw lill-ġenituri tagħhom inisslu fil-qlub teneri tagħhom l-imħabba għal Jehovah. Bħala familja, aħna ferħanin li Jehovah ġibidna lejh u għenna nagħrfu n-nies li jġorru ismu mill-imħabba divina li juru.
Aħna nħossu ħafna għal oħrajn li għandhom xewqa qawwija li jogħġbu lil Alla imma li l-kuxjenzi tagħhom forsi ġew imħarrġin skond it-trobbija li kellhom minflok skond il-Bibbja stess. Nisperaw li jkunu jistgħu jsibu l-ferħ li għandna aħna issa meta mmorru minn bieb għal bieb, mhux bil-prodotti tar-rabaʼ, imma bil-messaġġ dwar is-Saltna t’Alla u l-affarijiet taʼ l-għaġeb li se tagħmel. Għajnejja jimtlew bi dmugħ t’apprezzament meta naħseb dwar il-paċenzja u l-imħabba kollha li ntwerejna min-nies li jġorru l-isem taʼ Jehovah!
[Stampi f’paġna 19]
Meta kelli xi sebaʼ snin, u iktar tard meta kbirt
[Stampa f’paġna 20]
James, George, Harley, u Simon, lebsin ħwejjeġ sempliċi
[Stampa f’paġna 21]
F’gazzetta lokali deher dan ir-ritratt tiegħi jien u sejra s-suq bil-prodotti
[Sors]
Journal and Courier, Lafayette, Indiana
[Stampa f’paġna 23]
Mal-familja tagħna llum