KAPITLU 21
Għandna Niftaħru b’Xi Ħaġa?
XI JFISSER li tiftaħar? Taf?— Ħa nagħtik eżempju. Qatt ipprovajt tagħmel xi ħaġa li ma tantx tkun tajjeb fiha? Forsi pprovajt tixxottja ballun tal-futbol. Jew forsi pprovajt taqbeż il-ħabel. Qatt kien hemm xi ħadd li qallek, “Ħa! Ħa! Ħa! Jien naf nagħmilha aħjar minnek”?— Dik il-persuna kienet qed tiftaħar.
Kif tħossok meta oħrajn jagħmlu hekk? Tieħu pjaċir?— Mela, kif taħseb li jħossuhom l-oħrajn jekk int toqgħod tiftaħar bik innifsek?— Tkun qalbek tajba jekk tgħid lil xi ħadd, “Jien aħjar minnek”?— Jieħu pjaċir Ġeħova b’nies li jagħmlu hekk?—
L-Għalliem il-Kbir kien jaf nies li kienu jaħsbu li huma aħjar minn ħaddieħor. Kienu jiftaħru bihom infushom u jqisu lil kulħadd inqas minnhom. Allura darba waħda Ġesù qalilhom storja biex jurihom kemm kien ħażin li tiftaħar bik innifsek. Ejja nisimgħuha.
L-istorja hija dwar Fariżew u kollettur tat-taxxi. Il-Fariżej kienu għalliema reliġjużi li ħafna drabi kienu jaġixxu taparsi huma tajbin jew iktar qaddisin minn nies oħrajn. Il-Fariżew fl-istorja taʼ Ġesù mar fit-tempju t’Alla f’Ġerusalemm biex jitlob.
Ġesù qal li kien hemm kollettur tat-taxxi li wkoll mar it-tempju biex jitlob. Ħafna min-nies ma kinux iħobbuhom lill-kolletturi tat-taxxi. Kienu jħossu li dawn kienu jipprovaw jisirquhom. U huwa veru li ħafna mill-kolletturi tat-taxxi mhux dejjem kienu onesti.
Fit-tempju, il-Fariżew beda jitlob lil Alla hekk: ‘O Alla, nirringrazzjak li jien m’iniex bniedem midneb bħal nies oħra. Ma nisraqx lin-nies jew nagħmel affarijiet ħżiena oħra. M’iniex bħal dak il-kollettur tat-taxxi t’hemmhekk. Jien raġel tajjeb. Darbtejn fil-ġimgħa ma nikolx biex ikolli iktar ħin naħseb fuqek. U nagħti lit-tempju ħaġa minn kull għaxar affarijiet li jkolli.’ Il-Fariżew kien mingħalih li hu aħjar mill-oħrajn, hux veru?— U qagħad jgħid hekk lil Alla wkoll.
Imma l-kollettur tat-taxxi m’għamilx hekk. Lanqas biss ried iħares ’il fuq lejn is-sema meta kien qed jitlob. Baqaʼ wieqaf ’il bogħod b’rasu baxxuta. Il-kollettur tat-taxxi ddispjaċieh ħafna minħabba d-dnubiet tiegħu, u beda jħabbat fuq sidru bid-dwejjaq. Ma pprovax jgħid lil Alla kemm kien tajjeb. Anzi hu talab: “O Alla, kun ħanin miegħi għax jien midneb.”
Min taħseb li għoġob lil Alla minn dawn iż-żewġt irġiel? Il-Fariżew, dak li ħaseb li kien tajjeb ħafna? Jew il-kollettur tat-taxxi, dak li ddispjaċieh tad-dnubiet tiegħu?—
Ġesù qal li l-kollettur tat-taxxi għoġob lil Alla. Għala? Ġesù spjega: ‘Għax kulmin jipprova jidher aħjar minn oħrajn se jitbaxxa. Imma min jaħseb li hu baxx se jitgħolla.’—Luqa 18:9-14.
Liema lezzjoni kien qed jgħallem Ġesù fl-istorja tiegħu?— Kien qed jgħallimna
li nagħmlu ħażin jekk naħsbu li aħna aħjar minn ħaddieħor. Forsi ma ngħidux bil-kliem li naħsbu li aħna aħjar, imma bil-mod kif inġibu ruħna nistgħu nuru li naħsbu li aħna aħjar. Qatt ġibt ruħek hekk?— Ħu l-eżempju taʼ l-appostlu Pietru.Meta Ġesù qal lill-appostli tiegħu li kollha kemm huma kienu se jitilquh meta jiġi arrestat, Pietru ftaħar: ‘Lanqas jekk l-oħrajn kollha jitilquk, jien qatt ma nitilqek!’ Imma Pietru kellu żball. Kien jaħseb li hu tajjeb wisq. Fil-fatt veru telqu lil Ġesù. Però, reġaʼ lura, kif se nitgħallmu f’Kapitlu 30 taʼ dan il-ktieb.—Mattew 26:31-33.
Ejja nieħdu eżempju fi żmienna. Forsi l-għalliema tkun qed tistaqsi xi mistoqsijiet lilek u lil xi ħadd mit-tfal tal-klassi. X’tagħmel jekk int tkun taf it-tweġibiet mill-ewwel, imma l-istudent l-ieħor ma jkunx jafhom? Ovvjament, int tieħu pjaċir li taf it-tweġibiet. Imma tkun qalbek tajba jekk tqabbel lilek innifsek maʼ dak li jdum biex iwieġeb?— Tajjeb li tipprova tidher bravu billi ġġiegħel lill-persuna l-oħra tidher inqas brava minnek?—
Il-Fariżew hekk għamel. Qagħad jiftaħar li kien aħjar mill-kollettur tat-taxxi. Imma l-Għalliem il-Kbir qal li l-Fariżew kien qed jagħmel ħażin. Veru li forsi xi ħadd ikun jaf jagħmel xi ħaġa aħjar minn ħaddieħor. Imma dan ma jfissirx li fil-fatt huwa persuna aħjar.
Allura jekk nafu iktar minn ħaddieħor, ikollna raġun jekk noqogħdu niftaħru?— Aħseb ftit. Aħna għamilnieh moħħna?— Le, Alla tana moħħ kull wieħed. U kważi kull ħaġa li nafu, tgħallimnieha mingħand ħaddieħor. Forsi qrajna xi ħaġa f’xi ktieb. Jew forsi xi ħadd qalilna biha. Anki jekk fhimna xi ħaġa waħedna, kif irnexxielna?— Iva, billi użajna l-moħħ li tana Alla.
Meta xi ħadd jagħmel l-isforz tiegħu, int tkun qalbek tajba jekk tgħidlu xi ħaġa li tferrħu. Għidlu li għoġbok dak li għamel. Forsi tistaʼ wkoll tgħinu jmur aħjar. Int kieku hekk tixtieq li jagħmel miegħek ħaddieħor, mhux hekk?—
Xi nies huma iktar b’saħħithom minn nies oħra. Għandek għalfejn tiftaħar jekk int iktar b’saħħtek minn ħuk jew oħtok?— Le, m’għandikx. L-ikel li nieklu jgħinna nsiru iktar b’saħħitna. U Alla jagħti x-xemx u x-xita u kull ħaġa oħra li hemm bżonn biex ikollna l-ikel, mhux hekk?— Mela, jekk insiru iktar b’saħħitna rridu ngħidu grazzi lil Alla.—Atti 14:16, 17.
Ħadd minna ma jieħu pjaċir jismaʼ lil xi ħadd jiftaħar bih innifsu, hux veru?— Ejja niftakru kliem Ġesù: “Bħalma tridu li l-bnedmin jagħmlulkom, agħmlu l-istess lilhom.” Jekk nagħmlu hekk, qatt ma se nkunu bħall-Fariżew li ftaħar bih innifsu fl-istorja li qal l-Għalliem il-Kbir.—Luqa 6:31.
Marku 10:18) Avolja l-Għalliem il-Kbir kien perfett, ma qagħadx jiftaħar bih innifsu. Imma hu ta t-tifħir kollu lil Missieru, Ġeħova.
Darba waħda xi ħadd sejjaħ lil Ġesù tajjeb. Qal l-Għalliem il-Kbir, ‘Iva, jien tajjeb’?— Le. Minflok, hu qal: “Ħadd m’hu tajjeb, ħlief Alla biss.” (Allura hemm xi ħadd li nistgħu niftaħru bih?— Iva, hemm. Nistgħu niftaħru bil-Ħallieq tagħna, Alla Ġeħova. Meta naraw is-sbuħija tax-xemx nieżla jew xi ħolqien sabiħ ieħor, nistgħu ngħidu lil xi ħadd, ‘L-Alla kbir tagħna, Ġeħova, għamilha din!’ Ejja nkunu dejjem lesti li nitkellmu dwar l-affarijiet sbieħ ferm li Ġeħova diġà għamel u li se jagħmel fil-futur.
Aqra x’tgħid l-Iskrittura dwar il-ftaħir, u tgħallem kif m’għandniex niftaħru bina nfusna: Proverbji 16:5, 18; Ġeremija 9:22, 23 (9:23, 24, “NW”); l-1 Korintin 4:7; u 13:4.