Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 3

Dak li Għamel l-Affarijiet Kollha

Dak li Għamel l-Affarijiet Kollha

Min għamilhom l-​affarijiet ħajjin kollha?

JIEN naf xi ħaġa sabiħa ħafna. Tixtieq tkun taf x’inhi?— Ħares lejn idek. Ċaqlaq subgħajk. Issa aqbad xi ħaġa. Idek tistaʼ tagħmel ħafna affarijiet, u tagħmilhom sew. Taf min għamilhom idejna?—

Iva, dan kien l-​istess Wieħed li għamel il-​ħalq, l-​imnieħer, u l-​għajnejn tagħna. Dan kien Alla, Missier lGħalliem il-​Kbir. M’aħniex ferħanin li Alla tana l-​għajnejn?— Bihom nistgħu naraw ħafna affarijiet. Nistgħu naraw il-​fjuri. Nistgħu naraw il-​ħaxix aħdar u ssema blu. Nistgħu anki naraw għasafar żgħar jieklu bħal dawk li hemm fl-​istampa. Veru, kemm hu sabiħ li nistgħu naraw affarijiet bħal dawn! Int taqbel?—

Imma min għamilhom dawn l-​affarijiet? Jistaʼ jkun li għamilhom xi bniedem? Le. In-​nies jistgħu jagħmlu dar. Imma ħadd ma jistaʼ jagħmel il-​ħaxix li jikber. In-​nies ma jistgħux jagħmlu għasfur żgħir, fjura, jew xi ħaġa ħajja oħra. Kont tafu dan?—

Alla huwa dak li għamel dawn l-​affarijiet kollha. Alla għamel is-​sema u l-​art. Għamel in-​nies ukoll. Hu ħalaq lill-​ewwel raġel u lill-​ewwel mara. Ġesù, l-​Għalliem il-​Kbir, hekk għallimna.—Mattew 19:​4-6.

Ġesù kif kien jaf li Alla għamel lir-​raġel u lill-​mara? Jistaʼ jkun li Ġesù ra lil Alla jagħmilhom?— Iva, hu rah. Ġesù kien m’Alla meta Alla għamel lir-​raġel u lill-​mara. Ġesù kien l-​ewwel persuna li għamel Alla. Ġesù kien anġlu, u kien jgħix fis-​sema maʼ Missieru.

Il-​Bibbja tgħidilna li Alla qal: “Ħa nagħmlu l-​bniedem.” (Ġenesi 1:26) Taf maʼ min kien qiegħed jitkellem Alla?— Kien qiegħed jitkellem maʼ Ibnu. Kien qiegħed jitkellem maʼ dak li iktar tard ġie fuq l-​art u sar Ġesù.

M’hijiex xi ħaġa sabiħa din? Aħseb ftit! Meta nisimgħu minn Ġesù, inkunu qed nitgħallmu minn dak li kien m’Alla meta Alla għamel l-​art u l-​affarijiet l-​oħra kollha. Ġesù tgħallem ħafna affarijiet meta kien jaħdem maʼ Missieru fis-​sema. Mhux taʼ b’xejn li Ġesù hu l-​Għalliem il-​Kbir!

Taħseb li Alla kien imdejjaq waħdu qabel ma għamel lil Ibnu?— Le, ma kienx. Allura, jekk ma kienx imdejjaq, għala għamel affarijiet ħajjin oħra?— Hu għamel dan għax hu Alla taʼ mħabba. Ried li oħrajn jgħixu u jgawdu l-​ħajja. Aħna għandna nirringrazzjawh lil Alla talli tana l-​ħajja.

Dak kollu li għamel Alla jurina li hu jħobbna. Alla għamel ix-​xemx. Ix-​xemx tagħtina d-​dawl u żżommna sħan. Li kieku m’għandniex ix-​xemx, kollox ikun kiesaħ u xejn ma jkun jistaʼ jgħix fuq l-​art. M’intix ferħan li Alla għamel ix-​xemx?—

Alla għamel ix-​xita wkoll. Forsi xi kultant ma tiħux pjaċir biha għax ma tkunx tistaʼ toħroġ tilgħab barra meta tagħmel ix-​xita. Imma x-​xita tgħin il-​fjuri jikbru. Mela meta naraw fjuri sbieħ, lil min se ngħidu grazzi?— Lil Alla. U lil min għandna ngħidu grazzi meta nieklu frott u ħaxix b’togħma tajba?— Għandna nirringrazzjaw lil Alla għax l-​affarijiet jikbru bix-​xemx u x-​xita li għamel hu.

Immaġina li xi ħadd jistaqsik, ‘Veru li Alla għamel lill-​bnedmin u l-​annimali wkoll?’ X’se twieġbu?— Huwa tajjeb li tgħid: “Iva, Alla għamel lill-​bnedmin u l-​annimali.” Imma x’jiġri jekk xi ħadd ma jemminx li Alla veru għamel il-​bnedmin? X’jiġri jekk xi ħadd jgħid li l-​bnedmin ġew mill-​annimali? Il-​Bibbja ma tgħallimx hekk. Din tgħid li Alla ħalaq l-​affarijiet ħajjin kollha.—Ġenesi 1:​26-31.

Jekk xi ħadd għamel id-​dar, min għamel il-​fjuri, is-​siġar, u l-​annimali?

Imma xi ħadd jistaʼ jgħidlek li hu ma jemminx f’Alla. X’se tgħidlu mbagħad?— Għala ma turihx dar? Staqsi lil din il-​persuna: “Min għamilha dik id-​dar?” Kulħadd jaf li xi ħadd bilfors għamilha. Id-​dar żgur ma saritx waħedha!—Ebrej 3:4.

Imbagħad ħu lil din il-​persuna fi ġnien u uriha fjura. Staqsiha: “Min għamilha din?” In-​nies m’għamluhiex. U bħalma d-​dar ma saritx waħedha, lanqas il-​fjura ma saret waħedha. Xi ħadd għamilha. Alla għamilha.

Staqsi lil din il-​persuna biex tieqaf ftit u tismaʼ l-​għanja taʼ xi għasfur. Imbagħad staqsiha: “Min għamel l-​għasafar u għallimhom isaffru?” Alla għamel dan. Alla hu dak li għamel is-​sema u l-​art u l-​affarijiet ħajjin kollha! Hu Dak li jagħti l-​ħajja.

Iżda, xi ħadd ieħor jistaʼ jgħid li hu jemmen biss dak li jara. Forsi jgħid: ‘Jekk ma nistax nara ħaġa, ma nemminx li teżisti.’ Allura, xi nies jgħidu li huma ma jemmnux f’Alla għax ma jistgħux jarawh.

Huwa veru li aħna ma nistgħux narawh lil Alla. Il-​Bibbja tgħid: ‘Ebda bniedem ma jistaʼ jara lil Alla.’ Ħadd, l-​ebda raġel, mara, tifel jew tifla, fuq l-​art ma jistaʼ jara lil Alla. Mela ħadd m’għandu jipprova jagħmel stampa jew statwa t’Alla. Alla stess jgħidilna biex ma nagħmlux statwa tiegħu. Allura, mela, Alla ma jiħux pjaċir jekk ikollna affarijiet bħal dawn fid-​dar tagħna.—Eżodu 20:​4, 5; 33:20; Ġwanni 1:18.

Imma jekk ma tistax tara lil Alla, kif taf li veru hemm Alla? Aħseb fuq dan. Tistaʼ tarah ir-​riħ?— Le. Ħadd ma jistaʼ jarah ir-​riħ. Imma tistaʼ tara x’jagħmel ir-​riħ. Tistaʼ tara l-​weraq jiċċaqlaq x’ħin jgħaddi r-​riħ minn bejn il-​friegħi taʼ siġra. Allura int temmen li hemm ir-​riħ.

Kif taf li veru hemm ir-​riħ?

Int tistaʼ tara wkoll l-​affarijiet li għamel Alla. Meta tara fjura jew għasfur ħaj, tara xi ħaġa li għamilha Alla. Allura int temmen li veru hemm Alla.

Xi ħadd jistaʼ jistaqsik, ‘Min għamel ix-​xemx u l-​art?’ Il-​Bibbja tgħid: “Alla ħalaq is-​sema u l-​art.” (Ġenesi 1:1) Iva, Alla għamel dawn l-​affarijiet sbieħ kollha! Kif tħossok dwar dan?—

M’huwiex sabiħ li tkun ħaj? Nistgħu nisimgħu l-​għasafar isaffru. Nistgħu naraw il-​fjuri u l-​affarijiet l-​oħra li għamel Alla. U nistgħu nieklu l-​ikel li tana Alla.

Aħna għandna nirringrazzjaw lil Alla taʼ dawn l-​affarijiet kollha. L-​iktar ħaġa importanti għalxiex ngħidulu grazzi hija talli tana l-​ħajja. Jekk verament irridu nirringrazzjaw lil Alla, aħna se nagħmlu xi ħaġa. Din x’inhi?— Se nisimgħu minn Alla, u nagħmlu dak li jgħidilna fil-​Bibbja. B’dan il-​mod nistgħu nuru li nħobbu lil Dak li għamel l-​affarijiet kollha.

Aħna għandna napprezzaw dak kollu li għamel Alla. Kif? Aqra x’hemm miktub f’Salm 139:14; Ġwanni 4:​23, 24; l-​1 Ġwanni 5:21; u Rivelazzjoni 4:11.