Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU TMIENJA

X’inhi s-Saltna t’Alla?

X’inhi s-Saltna t’Alla?

1. Liema talba famuża se niddiskutu issa?

MILJUNI taʼ nies jafu t-​talba famuża msejħa t-​Talba tal-​Missierna. Ġesù uża din it-​talba biex jgħallem lid-​dixxipli tiegħu kif għandhom jitolbu. Għal liema affarijiet talab? U din it-​talba għala hi importanti għalina llum?

2. Ġesù għal liema tliet affarijiet importanti għallimna biex nitolbu?

2 Ġesù qal: “Hekk, mela, itolbu: ‘Missierna fis-​smewwiet, ħa jitqaddes ismek. Ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int, kif fis-​sema, ukoll fuq l-​art.’” (Aqra Mattew 6:9-​13.) Ġesù għala għallimna biex nitolbu għal dawn it-​tliet affarijiet?—Ara n-​Nota fl-​aħħar numru 20.

3. X’hemm bżonn inkunu nafu dwar is-​Saltna t’Alla?

3 Aħna tgħallimna li Alla jismu Ġeħova. Tkellimna wkoll dwar x’inhi r-​rieda t’Alla għall-​bnedmin u għall-​art. Imma Ġesù x’ried ifisser meta qal: “Ħa tiġi saltnatek”? Issa se nitgħallmu x’inhi s-​Saltna t’Alla, x’se tagħmel, u kif se tqaddes l-​isem t’Alla.

X’INHI S-​SALTNA T’ALLA?

4. X’inhi s-​Saltna t’Alla, u min hu s-​Sultan tagħha?

4 Ġeħova stabbilixxa gvern fis-​sema u fil-​Bibbja dan il-​gvern jissejjaħ is-​Saltna t’Alla. Hu għażel lil Ġesù biex ikun is-​Sultan taʼ din is-​Saltna. Ġesù hu “s-​Sultan tas-​slaten u s-​Sid tas-​sidien.” (1 Timotju 6:15) Hu jistaʼ jagħmel iktar ġid milli qatt jistaʼ jagħmel kwalunkwe mexxej uman, u hu iktar setgħan mill-​mexxejja umani kollha f’daqqa.

5. Il-​gvern t’Alla minn fejn se jsaltan u fuq xiex?

5 Erbgħin jum wara l-​irxoxt tiegħu, Ġesù mar lura s-​sema. Eventwalment, Ġeħova ħatru bħala s-​Sultan tas-​Saltna. (Atti 2:33) Il-​gvern t’Alla se jsaltan fuq l-​art mis-​sema. (Rivelazzjoni 11:15) Huwa għalhekk li l-​Bibbja ssejjaħ is-​Saltna t’Alla ‘saltna tas-​sema.’—2 Timotju 4:18.

6, 7. Ġesù għala hu aħjar minn kull sultan uman?

6 Il-​Bibbja tgħid li Ġesù hu akbar minn kull sultan uman ieħor għax hu “l-​uniku wieħed li għandu l-​immortalità.” (1 Timotju 6:16) Il-​ħakkiema umani eventwalment kollha jmutu, imma Ġesù qatt mhu se jmut. Il-​ġid kollu li Ġesù se jagħmel għalina se jibqaʼ għal dejjem.

7 Il-​profezija tal-​Bibbja tgħid li Ġesù se jkun Sultan ġust u ħanin: “Fuqu jrid jistrieħ l-​ispirtu taʼ Ġeħova, l-​ispirtu taʼ l-​għerf u taʼ l-​abbiltà li jifhem, l-​ispirtu taʼ l-​għoti taʼ pariri u tas-​setgħa, l-​ispirtu taʼ l-​għarfien u tal-​biżaʼ taʼ Ġeħova; u hu jsib għaxqa fil-​biżaʼ taʼ Ġeħova. U mhux se jiġġudika biss fuq dak li jara b’għajnejh, lanqas ma jwiddeb [jew, jagħti parir] sempliċement skond dak li jismaʼ b’widnejh. U bis-​sewwa jiġġudika lill-​batuti.” (Isaija 11:2-​4) Tixtieq int li s-​sultan tiegħek ikun bħal dan?

8. Kif nafu li Ġesù mhux se jsaltan waħdu?

8 Alla għażel lil xi bnedmin biex isaltnu maʼ Ġesù fis-​Saltna tas-​sema. Pereżempju, l-​appostlu Pawlu qal lil Timotju: “Jekk nibqgħu nissaportu, se nsaltnu wkoll flimkien.” (2 Timotju 2:12) Kemm se jkun hemm isaltnu maʼ Ġesù?

9. (a) Kemm se jkun hemm isaltnu maʼ Ġesù? (b) Alla meta beda jagħżel lil dawn l-​uħud?

9 Bħalma tgħallimna f’Kapitlu 7, l-​appostlu Ġwanni ngħata viżjoni li fiha ra lil Ġesù bħala Sultan fis-​sema maʼ 144,000 sultan ieħor. Min huma l-​144,000? Ġwanni jispjega li huma għandhom “ismu [jiġifieri, isem Ġesù] u isem Missieru miktubin fuq ġbinhom.” U jżid jgħid: “Dawn huma dawk li jibqgħu mexjin wara l-​Ħaruf [jiġifieri, Ġesù] kulfejn imur. Dawn inxtraw minn fost il-​bnedmin.” (Aqra Rivelazzjoni 14:1, 4.) Il-​144,000 huma Kristjani leali li Alla għażel biex “isaltnu għal fuq l-​art” maʼ Ġesù. Meta jmutu, huma jiġu rxoxtati u jgħixu fis-​sema. (Rivelazzjoni 5:10) Minn żmien l-​appostli ’l hawn, Ġeħova għażel lil Kristjani leali biex ikunu parti minn dan il-​grupp taʼ 144,000 sultan.

10. Għala hu att taʼ mħabba li Ġeħova għamel arranġament biex Ġesù u l-​144,000 isaltnu fuq il-​bnedmin?

10 Ġeħova tant jimpurtah minna li hu għamel arranġament biex xi bnedmin isaltnu maʼ Ġesù. Ġesù se jkun mexxej tajjeb għax hu jifhimna. Hu jaf x’jiġifieri li tkun uman u li tbati. Pawlu qal li Ġesù jħoss għalina, hu jistaʼ “jagħder id-​dgħjufijiet tagħna,” u “ġie provat fl-​aspetti kollha bħalna.” (Ebrej 4:15; 5:8) Il-​144,000 ukoll jafu xi jfisser li tkun uman. U huma tqabdu mal-​imperfezzjoni u l-​mard. Allura nistgħu nkunu ċerti li Ġesù u l-​144,000 mhux biss se jifhmu kif inħossuna imma wkoll il-​problemi li jkollna nissieltu magħhom.

X’SE TAGĦMEL IS-​SALTNA T’ALLA?

11. Ġesù għala għallem lid-​dixxipli tiegħu jitolbu biex ir-​rieda t’Alla sseħħ fis-​sema?

11 Ġesù għallem lid-​dixxipli tiegħu jitolbu biex ir-​rieda t’Alla sseħħ fis-​sema. Għala? F’Kapitlu 3 sirna nafu li Satana x-​Xitan irribella kontra Ġeħova. Wara li Satana rribella, Ġeħova ħalla lilu u lill-​anġli mhux leali, jew id-​demonji, jibqgħu fis-​sema għal xi żmien. Allura mhux kulħadd fis-​sema kien qed jagħmel ir-​rieda t’Alla. F’Kapitlu 10 se nitgħallmu iktar dwar Satana u d-​demonji.

12. Liema żewġ ġrajjiet importanti huma deskritti f’​Rivelazzjoni 12:10?

12 Il-​Bibbja tispjega li ftit wara li Ġesù ntgħamel Sultan tas-​Saltna t’Alla, hu kellu jiggwerra kontra Satana. (Aqra Rivelazzjoni 12:7-​10.) Vers 10 jiddeskrivi żewġ ġrajjiet importanti ħafna. Is-​Saltna t’Alla tibda tirrenja b’Ġesù Kristu bħala s-​Sultan, u Satana jitkeċċa ’l barra mis-​sema. Kif se naraw, dawn il-​ġrajjiet diġà seħħew.

13. X’ġara fis-​sema meta Satana tkeċċa ’l barra?

13 Il-​Bibbja tiddeskrivi l-​ferħ tal-​anġli leali wara li Satana u d-​demonji tiegħu tkeċċew ’il barra mis-​sema. Naqraw: “Ifirħu smewwiet u intom li tgħammru fihom!” (Rivelazzjoni 12:12) Issa hemm il-​paċi u l-​unità fis-​sema għax kulħadd qed jagħmel ir-​rieda t’Alla.

Minn mindu Satana u d-demonji tiegħu tkeċċew mis-sema, kien hawn iktar tbatija fuq l-art. Din it-tbatija dalwaqt se tispiċċa

14. X’ġara fuq l-​art peress li Satana tkeċċa mis-​sema?

14 Imma l-​ħajja fuq l-​art hi differenti ħafna. Qed jiġru affarijiet mill-​agħar lin-​nies “għax ix-​Xitan niżel” u “għandu rabja kbira, għax jaf li żmien qasir baqagħlu.” (Rivelazzjoni 12:12) Satana hu indannat. Hu tkeċċa mis-​sema u jaf li dalwaqt se jiġi meqrud. Hu jagħmel kulma jistaʼ biex mad-​dinja kollha jaqlaʼ l-​inkwiet u jġib l-​uġigħ u t-​tbatija.

15. X’inhi r-​rieda t’Alla għall-​art?

15 Imma r-​rieda t’Alla għall-​art ma nbidlitx. Hu għadu jrid li l-​bnedmin perfetti jgħixu għal dejjem fuq art magħmula ġenna. (Salm 37:29) Allura s-​Saltna t’Alla kif se tagħmel dan possibbli?

16, 17. Danjel 2:44 x’jgħidilna dwar is-​Saltna t’Alla?

16 Il-​profezija taʼ Danjel 2:44 tgħid: “Fi żmien dawn is-​slaten, l-​Alla tas-​sema jwaqqaf saltna li qatt ma tinqered. U din is-​saltna ma tgħaddix għal għand poplu ieħor. Hi se tfarrak u ttemm dawn is-​saltniet kollha, u hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem.” Din il-​profezija x’tgħallimna dwar is-​Saltna t’Alla?

17 L-​ewwel, din tgħidilna li s-​Saltna t’Alla kienet se tibda tirrenja “fi żmien dawn is-​slaten.” Dan ifisser li xorta kien se jkun hawn gvernijiet oħrajn fuq l-​art meta s-​Saltna tkun bdiet tirrenja. It-​tieni, din tgħidilna li s-​Saltna t’Alla se tibqaʼ għal dejjem u ebda gvern mhu se jieħu postha. U t-​tielet, se jkun hemm gwerra bejn is-​Saltna t’Alla u l-​gvernijiet taʼ din id-​dinja. Is-​Saltna t’Alla se tirbaħ u ssir l-​uniku gvern li jmexxi għal fuq l-​art. Imbagħad il-​bnedmin se jkollhom l-​aqwa gvern li qatt jistaʼ jkollhom.

18. X’tissejjaħ il-​gwerra finali bejn is-​Saltna t’Alla u l-​gvernijiet taʼ din id-​dinja?

18 Is-​Saltna t’Alla kif se tieħu t-​tmexxija tal-​art taħt idejha? Qabel l-​aħħar gwerra, imsejħa l-​gwerra t’Armageddon, id-​demonji se jqarrqu bis-​“slaten taʼ l-​art abitata kollha, biex jiġbruhom flimkien għall-​gwerra tal-​jum il-​kbir t’Alla li Jistaʼ Kollox.” Iva, gvernijiet umani se jiġġieldu kontra s-​Saltna t’Alla.—Rivelazzjoni 16:14, 16; ara n-​Nota fl-​aħħar numru 10.

19, 20. Għala għandna bżonn li s-​Saltna t’Alla tirrenja għal fuq l-​art?

19 Għala għandna bżonn is-​Saltna t’Alla? Hemm minn tal-​inqas tliet raġunijiet. L-​ewwel, aħna midinbin, allura nimirdu u mmutu. Imma l-​Bibbja tgħid li taħt is-​Saltna t’Alla, se ngħixu għal dejjem. Infatti, Ġwanni 3:16 jgħid: “Alla tant ħabb lid-​dinja li ta l-​Iben uniġenitu tiegħu, biex kulmin jeżerċita l-​fidi fih ma jinqeridx imma jkollu l-​ħajja taʼ dejjem.”

20 It-​tieni raġuni għala għandna bżonn is-​Saltna t’Alla hi li aħna mdawrin b’nies mill-​agħar. Ħafna jigdbu u jqarrqu u huma immorali. Aħna ma nistgħu nagħmlu xejn biex inneħħu lil dawn l-​uħud, imma Alla jistaʼ u hekk se jagħmel. Nies li jibqgħu jagħmlu affarijiet mill-​agħar se jiġu meqrudin f’Armageddon. (Aqra Salm 37:10.) It-​tielet raġuni għala għandna bżonn is-​Saltna t’Alla hi għax il-​gvernijiet umani wrew li huma bla ħila, kattivi, jew korrotti. Huma mhumiex interessati f’li jgħinu lin-​nies biex jobdu lil Alla. Il-​Bibbja tgħid li “l-​bniedem iddomina lill-​bniedem bi ħsara għalih.”—Ekkleżjasti 8:9.

21. Is-​Saltna kif se tagħmel ċert li ssir ir-​rieda t’Alla fuq l-​art?

21 Wara Armageddon, is-​Saltna t’Alla se tagħmel ċert li ssir ir-​rieda t’Alla fuq l-​art. Pereżempju, se tneħħi lil Satana u d-​demonji tiegħu. (Rivelazzjoni 20:1-​3) Eventwalment, ħadd mhu se jimrad jew imut. Minħabba l-​fidwa, il-​bnedmin leali kollha se jkunu jistgħu jgħixu għal dejjem f’Ġenna tal-​art. (Rivelazzjoni 22:1-​3) Is-​Saltna se tqaddes l-​isem t’Alla. Dan xi jfisser? Ifisser li meta l-​gvern t’Alla jkun qed imexxi fuq l-​art, il-​bnedmin kollha se jonoraw l-​isem taʼ Ġeħova.—Ara n-​Nota fl-​aħħar numru 21.

ĠESÙ META SAR SULTAN?

22. Kif nafu li Ġesù ma sarx Sultan meta kien fuq l-​art jew eżatt wara li ġie rxoxtat?

22 Ġesù għallem lid-​dixxipli tiegħu biex jitolbu: “Ħa tiġi saltnatek.” Allura kien ovvju li l-​gvern t’Alla kellu jiġi fil-​futur. Ġeħova l-​ewwel kien se jistabbilixxi l-​gvern tiegħu u lil Ġesù jagħmlu Sultan. Sar Ġesù Sultan eżatt malli reġaʼ lura s-​sema? Le, kien se jkollu jistenna. Xi żmien wara l-​irxoxt taʼ Ġesù, kemm Pietru kif ukoll Pawlu wrew dan b’mod ċar meta applikaw il-​profezija li nsibu f’​Salm 110:1 għal Ġesù. Fil-​profezija, Ġeħova jgħid: “Oqgħod bil-​qiegħda fuq il-​lemin tiegħi, sakemm inqiegħed l-​għedewwa tiegħek bħala banketta għal saqajk.” (Atti 2:32-​35; Ebrej 10:12, 13) Ġesù kemm kien se jkollu jistenna qabel ma Ġeħova kien se jaħtru bħala Sultan?

Is-Saltna t’Alla se tagħmel ċert li r-rieda t’Alla ssir fuq l-art

23. (a) Ġesù meta sar Sultan tal-​gvern t’Alla? (b) X’se nitgħallmu fil-​kapitlu li jmiss?

23 Għal ħafna snin qabel l-​1914, grupp taʼ Kristjani sinċieri fehmu li din kienet se tkun sena importanti fil-​profezija tal-​Bibbja. Ġrajjiet dinjin mill-​1914 ’il quddiem urew li kellhom raġun. Ġesù beda jirrenja bħala Sultan f’dik is-​sena. (Salm 110:2) Ftit wara dan, Satana twaddab ’l isfel lejn l-​art, u issa “żmien qasir baqagħlu.” (Rivelazzjoni 12:12) Fil-​kapitlu li jmiss, se naraw iktar evidenza li qed ngħixu f’dan il-​perijodu taʼ żmien. Se nitgħallmu wkoll li s-​Saltna t’Alla dalwaqt se tagħmel ċert li ssir ir-​rieda t’Alla fuq l-​art.—Ara n-​Nota fl-​aħħar numru 22.