LEZZJONI 47
Ġeħova jsaħħaħ lil Elija
Ġeżabel, xħin semgħet xi ġralhom il-profeti taʼ Bagħal, irrabjat ħafna. Hi bagħtet messaġġ lil Elija: ‘Għada, int se tmut bħall-profeti taʼ Bagħal.’ Elija beda jibżaʼ u telaq jiġri fid-deżert. Hu beda jitlob: ‘Ġeħova, ma niflaħx nissaporti iżjed. Ħallini mmut.’ Elija ħassu għajjien ħafna u għalhekk raqad taħt siġra.
Anġlu qajmu u bil-ħlewwa qallu: ‘Qum u kul.’ Elija ra ftira fuq ġebel sħun u buqar bl-ilma. Hu kiel u xorob u reġaʼ mar jorqod. L-anġlu reġaʼ qajmu u qallu: ‘Kul. Għandek bżonn li tkun f’saħħtek biex tivvjaġġa.’ Allura Elija kiel ftit ieħor. Imbagħad, hu vvjaġġa 40 ġurnata u 40 lejl, sakemm wasal ħdejn il-Muntanja Ħoreb. Hemmhekk, Elija ra għar u daħal ġo fih biex jorqod. Imma Ġeħova kellmu u qallu: ‘X’qed tagħmel hawn, Elija?’ Hu wieġbu: ‘L-Iżraelin ma żammewx il-wegħda li għamlu miegħek. Huma kissru l-artali tiegħek u qatlu lill-profeti tiegħek. Issa qed jipprovaw joqtlu lili wkoll.’
Ġeħova qallu: ‘Oħroġ mill-għar u ibqaʼ wieqaf hemm, fuq il-muntanja.’ L-ewwel, għadda riħ qawwi ħafna minn quddiem l-għar. Imbagħad, kien hemm terremot u wara kien hemm nar. Fl-aħħar, Elija semaʼ leħen kalm u fil-baxx. Hu għatta wiċċu bil-libsa tiegħu u baqaʼ hemm, quddiem l-għar. Imbagħad, Ġeħova staqsieh għala kien ħarab. Elija wieġbu: ‘Jien biss għadni naqdi lilek.’ Imma Ġeħova qallu: ‘Int m’intix waħdek. Hemm 7,000 Iżraeli ieħor li għadu jqim lili. Mur u agħmel lil Eliżew profeta minflokok.’ Minnufih, Elija telaq biex jagħmel dak li kien qallu Ġeħova. Taħseb li Ġeħova se jgħin anke lilek meta tagħmel dak li jgħidlek hu? Iva, hu żgur li jgħinek. Ejja nitgħallmu dwar xi ħaġa li ġrat fiż-żmien meta ma kinitx qed tagħmel xita.
“Tkunu ansjużi fuq xejn, imma f’kollox b’talb u b’suppliki [jew, talb bil-ħerqa] flimkien maʼ radd il-ħajr ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu.”—Filippin 4:6