LEZZJONI 22
Il-miraklu tal-Baħar l-Aħmar
Hekk kif il-Fargħun semaʼ li l-Iżraelin kienu ħarġu mill-Eġittu, hu reġaʼ bdielu. Hu kkmanda lis-suldati tiegħu: ‘Lestu l-karrijiet tal-gwerra kollha, u ejja mmorru għal warajhom! Ma missniex ħallejniehom imorru.’ Hu u l-irġiel tiegħu telqu jiġru għal wara l-Iżraelin.
Ġeħova kien qed imexxi lill-poplu tiegħu, permezz taʼ kolonna tas-sħab bi nhar u kolonna tan-nar billejl. Hu wassalhom sal-Baħar l-Aħmar, u qalilhom biex jikkampjaw hemmhekk.
Imbagħad, l-Iżraelin raw il-Fargħun u l-armata tiegħu ġejjin jiġru warajhom. Huma nqabdu fin-nofs, bejn il-baħar u s-suldati Eġizzjana. Huma għajtu bil-biki lil Mosè: ‘Żgur ħa mmutu! Missek ħallejtna l-Eġittu.’ Imma Mosè qalilhom: ‘Tibżgħux. Stennew u araw kif Ġeħova se jsalvana.’ Mosè kellu fiduċja kbira f’Ġeħova!
Ġeħova qal lill-Iżraelin biex iżarmaw il-kampijiet. F’dak il-lejl, Ġeħova mexxa s-sħaba u poġġieha bejn l-Eġizzjani u l-Iżraelin. Xħin għamel hekk, fuq in-naħa tal-Eġizzjani kien hemm id-dlam imma fuq in-naħa tal-Iżraelin kien hemm id-dawl.
Ġeħova qal lil Mosè biex jiftaħ idejh fuq il-baħar. Imbagħad Ġeħova ġiegħel li riħ qawwi jonfoħ matul il-lejl kollu. Minħabba dan,
il-baħar inferaq fit-tnejn, u fin-nofs infetaħ passaġġ. Miljuni taʼ Iżraelin qasmu għan-naħa l-oħra fuq art niexfa bejn il-ħitan tal-ilma.L-armata tal-Fargħun niżlu jiġru għal wara l-Iżraelin. Imbagħad, Ġeħova tefaʼ l-armata Eġizzjana f’konfużjoni. Ir-roti tal-karrijiet tagħhom bdew jinqalgħu. Is-suldati għajtu: ‘Ejja nduru lura! Ġeħova qed jiġġieled għalihom.’
Ġeħova qal lil Mosè: ‘Iftaħ idejk fuq il-baħar.’ F’daqqa waħda, il-ħitan tal-ilma niżlu fuq l-armata Eġizzjana. Il-Fargħun u l-irġiel kollha tiegħu mietu. Lanqas wieħed minnhom ma salva.
Fuq in-naħa l-oħra tal-baħar, folla kbira taʼ nies faħħru lil Alla b’għanja: ‘Għannu lil Ġeħova, għax kbira hi l-glorja tiegħu. Iż-żiemel u r-rikkieb tiegħu tefagħhom fil-baħar.’ Waqt li n-nies bdew ikantaw, in-nisa qagħdu jiżfnu u jdoqqu t-tanburlini. Issa kollha kienu ferħanin għax fl-aħħar ġew meħlusin.
“B’hekk, inkunu mimlijin kuraġġ u ngħidu: ‘Ġeħova hu dak li jgħinni; m’iniex se nibżaʼ. X’jistaʼ jagħmilli l-bniedem?’”—Ebrej 13:6