Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 14

Ilsir li obda lil Alla

Ilsir li obda lil Alla

Ġużeppi kien wieħed mis-​subien iż-​żgħar taʼ Ġakobb. Ħutu s-​subien li kienu akbar minnu raw li Ġużeppi kien il-​favorit taʼ missierhom. Kif taħseb li ħassewhom dwar dan? Huma kienu jgħiru għal Ġużeppi u bdew jobogħduh. Meta Ġużeppi kien joħlom ħolm stramb, hu kien imur jgħid lil ħutu x’ħolom. Dan il-​ħolm kien ifisser li huma xi darba kienu se jmilu quddiemu. Allura, issa bdew jobogħduh saħansitra iktar!

Darba waħda, ħutu s-​subien kienu qed jieħdu ħsieb in-​nagħaġ viċin il-​belt taʼ Sikem. Ġakobb bagħat lil Ġużeppi biex jara kif inhuma sejrin. Mill-​bogħod raw lil Ġużeppi ġej u qalu lil xulxin: ‘Ara, ġej dak li jħobb joħlom. Ejja noqtluh!’ Huma qabduh u tefgħuh f’bir vojt. Imma Ġuda, wieħed mill-​aħwa, qal: ‘Toqtluhx! Ejja nbigħuh bħala lsir minflok.’ Għalhekk, biegħu lil Ġużeppi għal 20 biċċa tal-​fidda lil negozjanti minn Midjan li kienu fi triqithom lejn l-​Eġittu.

Imbagħad, ħut Ġużeppi ċappsu sew il-​libsa tiegħu bid-​demm taʼ bodbod, u bagħtuha lil missierhom, u qalulu: ‘Din mhux il-​libsa taʼ ibnek?’ Minħabba f’hekk, Ġakobb ħaseb li Ġużeppi kien ġie maqtul minn annimal salvaġġ. Hu baqaʼ jibki lil Ġużeppi u ħadd ma setaʼ jtih faraġ.

Fl-​Eġittu, Ġużeppi kien mibjugħ bħala lsir lil uffiċjal importanti jismu Potifar. Imma Ġeħova kien maʼ Ġużeppi. Potifar induna li Ġużeppi kien tajjeb f’xogħlu u li setaʼ jafdah. Fi żmien qasir, Potifar għamel lil Ġużeppi responsabbli fuq kull ħaġa li kellu.

Il-​mara taʼ Potifar innotat li Ġużeppi kien gustuż u mibni. Jum wara jum, hi kienet tgħid lil Ġużeppi biex jimtedd magħha. X’kien se jagħmel Ġużeppi? Hu m’aċċettax u qalilha: ‘Le! Dak li qed tgħidli biex nagħmel hu ħażin. Int l-​mara tiegħu, u sidi lili jafdani. Jekk nimtedd miegħek, jien inkun qed nagħmel dnub kontra Alla!’

Darba waħda, il-​mara taʼ Potifar sforzat lil Ġużeppi biex jimtedd magħha. Hi qabditu minn ħwejġu, imma hu ħarab jiġri ’l barra. Meta Potifar ġie lura d-​dar, hi qaltlu li Ġużeppi pprova jimtedd magħha. Imma hi ma kinitx qed tgħid il-​verità. Potifar tant irrabja li tefaʼ lil Ġużeppi fil-​ħabs. Imma Ġeħova qatt ma nesieh lil Ġużeppi.

“Għalhekk, umiljaw ruħkom taħt l-​id setgħana t’Alla, sabiex jeżaltakom fiż-​żmien xieraq.”—1 Pietru 5:6