Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 5

L-arka taʼ Noè

L-arka taʼ Noè

Maż-​żmien, kien hemm ħafna nies fuq l-​art. Ħafna minnhom kienu ħżiena. Anke xi anġli fis-​sema saru ħżiena. Huma telqu l-​post tagħhom fis-​sema biex jiġu hawn fuq l-​art. Taf għala għamlu hekk? Biex b’hekk huma setgħu jinbidlu fi rġiel umani u jiżżewġu nisa.

In-​nisa kellhom ulied subien minn dawn l-​anġli. Dawn is-​subien kibru u kienu b’saħħithom ħafna u saru bulijiet. Huma kienu jweġġgħu lin-​nies. Ġeħova ma setax iħalli l-​affarijiet jibqgħu sejrin hekk. Allura, iddeċieda li jeqred lin-​nies ħżiena b’dulluvju.

Imma kien hemm raġel li kien differenti. Hu kien iħobb lil Ġeħova. Kien jismu Noè. Hu kellu mara u tliet subien, Sem, Ħam, u Ġafet, u kull wieħed minnhom kellu mara. Ġeħova qal lil Noè biex jibni arka kbira, li hi kaxxa kbira tal-​injam li tistaʼ tifflowtja fuq l-​ilma, biex hu u l-​familja tiegħu jkunu jistgħu jsalvaw mid-​Dulluvju. Ġeħova qal ukoll lil Noè biex idaħħal ħafna annimali ġewwa l-​arka biex huma wkoll jibqgħu ħajjin.

Noè mill-​ewwel beda jibni l-​arka. Hu u l-​familja tiegħu damu madwar 50 sena biex jibnuha. Huma bnew l-​arka eżatt kif kien qalilhom Ġeħova. Matul dak iż-​żmien, Noè wissa lin-​nies dwar li kien ġej Dulluvju. Imma ħadd ma semaʼ minnu.

Fl-​aħħar, kien wasal il-​ħin biex jidħlu fl-​arka. Ejja naraw x’ġara mbagħad.

“Għax bħalma kienu jiem Noè, hekk tkun il-​preżenza taʼ Bin il-​bniedem.”—Mattew 24:37