LEZZJONI 95
Xejn ma setaʼ jwaqqafhom
Kien hemm raġel li ma setax jimxi li kuljum kien joqgħod bilqiegħda fil-bieb tat-tempju jittallab. Darba waħda, waranofsinhar, ra lil Pietru u lil Ġwanni deħlin ġot-tempju. Hu qalilhom: ‘Jekk jogħġobkom, tuni xi ħaġa.’ Pietru qallu: ‘Jien għandi xi ħaġa aħjar mill-flus xi ntik. F’isem Ġesù, qum u imxi!’ Imbagħad, Pietru għenu jqum, u r-raġel beda jimxi! Il-folla tant kienet ferħana b’dan il-miraklu li ħafna iktar nies bdew jemmnu.
Imma l-qassisin u s-Sadduċej kienu rrabjati. Huma qabdu lill-appostli, u ħaduhom quddiem is-Sinedriju li hu l-qorti tal-mexxejja reliġjużi. Dawn riedu jkunu jafu min tahom il-qawwa u l-awtorità biex ifejqu lil dan ir-raġel. Pietru qal: ‘Aħna rċivejna l-qawwa mingħand Ġesù Kristu, dak li intom qtiltu.’ Il-mexxejja reliġjużi għajtu: ‘Ieqfu tkellmu fuq Ġesù!’ Imma l-appostli wiġbuhom: ‘M’aħniex se nieqfu. Aħna ma nistgħux ma nitkellmux dwaru.’
Hekk kif ġew meħlusin, Pietru u Ġwanni marru għand id-dixxipli l-oħra u qalulhom x’kien ġara. Huma talbu flimkien lil Ġeħova: ‘Jekk jogħġbok, għinna nkunu kuraġġużi biex inkomplu nagħmlu x-xogħol tiegħek.’ Ġeħova tahom l-ispirtu qaddis tiegħu, u huma komplew jippritkaw u jfejqu n-nies. U ħafna iktar nies bdew jemmnu. Is-Sadduċej tant bdew jgħiru li arrestaw lill-appostli u tefgħuhom il-ħabs. Imma matul il-lejl, Ġeħova bagħat anġlu biex jiftħilhom il-bibien tal-ħabs, u qal lill-appostli: ‘Morru lura fit-tempju u għallmu hemmhekk.’
Filgħodu, l-uffiċjali qalu lis-Sinedriju: ‘Il-ħabs hu msakkar imma l-irġiel li intom arrestajtu mhumiex hemm!’ Xi ħadd ieħor qal: ‘Qegħdin fit-tempju jgħallmu lin-nies!’ Għal darb’oħra, l-appostli ġew arrestati u
ħaduhom quddiem is-Sinedriju. Il-qassis il-kbir qal: ‘Aħna għednielkom biex ma titkellmux dwar Ġesù!’ Imma Pietru wieġbu: ‘Aħna għandna nobdu lil Alla bħala l-mexxej tagħna u mhux lill-bnedmin.’Il-mexxejja reliġjużi tant kienu rrabjati li riedu joqtlu lill-appostli. Imma Fariżew jismu Gamaljel qam bilwieqfa u qal: ‘Oqogħdu attenti! Jistaʼ jkun li Alla qiegħed maʼ dawn l-irġiel. Intom hekk tridu, tiġġieldu kontra Alla?’ Huma semgħu mill-parir tiegħu. Wara li sawtu lill-appostli, huma kkmandawhom għal darb’oħra biex jieqfu jippritkaw, imbagħad ħallewhom imorru. Imma dan ma waqqafx lill-appostli. Huma bil-kuraġġ komplew jippritkaw l-aħbar tajba, kemm fit-tempju kif ukoll minn dar għal dar.
“Jeħtieġ li aħna nobdu lil Alla bħala ħakkiem [jew, mexxej] u mhux lill-bnedmin.”—Atti 5:29