LEZZJONI 83
Ġesù jitmaʼ lil eluf taʼ nies
Eżatt qabel il-festa tal-Qbiż tas-sena 32, l-appostli ġew lura wara ħafna sigħat jippritkaw. Kienu għajjenin, u allura Ġesù qalilhom biex imorru miegħu bid-dgħajsa lejn Betsajda ħalli jistrieħu. Imma xħin waslu qrib ix-xatt, Ġesù ra li kien hemm eluf taʼ nies li kienu segwewh. Għalkemm Ġesù xtaq li jkun waħdu mal-appostli, hu laqaʼ lin-nies b’qalb tajba. Hu fejjaq lill-morda u beda jgħallimhom. Ġesù dam il-ġurnata kollha jgħallimhom dwar is-Saltna t’Alla. Meta sar filgħaxija, ġew l-appostli ħdejh u qalulu: ‘In-nies żgur li qabadhom il-ġuħ. Ibgħathom ħalli jmorru jixtru xi ħaġa x’jieklu.’
Ġesù qalilhom: ‘M’għandhomx għalfejn jitilqu. Agħtuhom xi ħaġa x’jieklu hawnhekk.’ L-appostli staqsewh: ‘Tridna mmorru nixtrulhom il-ħobż?’ Filippu, wieħed mill-appostli, qal: ‘Anke kieku kellna ħafna flus, ma nistgħux nixtru biżżejjed ħobż għal din il-folla kbira.’
Ġesù staqsiehom: ‘Kemm għandna ikel?’ Indrì qal: ‘Għandna ħames ħobżiet u żewġ ħutiet żgħar. Dan mhux biżżejjed għal dawn in-nies kollha.’ Ġesù qal: ‘Ġibuli l-ħobż u l-ħut.’ Hu qal lin-nies biex joqogħdu bilqiegħda fuq il-ħaxix fi gruppi taʼ 50 u 100. Ġesù ħa l-ħobż u l-ħut, ħares ’il fuq lejn is-sema, u talab. Imbagħad ta l-ikel lill-appostli u huma qassmuh lin-nies. Il-5,000 raġel u wkoll nisa u tfal, kollha kielu sakemm xebgħu. Wara, l-appostli ġabru dak li kien baqaʼ, biex ma jinħela xejn. Imlew
12-il qoffa mimlija! Dan kien miraklu tal-għaġeb, hux vera?In-nies tant stagħġbu b’dan li riedu jagħmlu lil Ġesù s-sultan tagħhom. Imma Ġesù kien jaf li għal Ġeħova kien għadu ma wasalx il-waqt għalih li jkun sultan. Għalhekk bagħat lill-folol, u qal lill-appostli biex imorru fuq in-naħa l-oħra tal-baħar tal-Galilija. Huma rikbu fuq id-dgħajsa, u Ġesù telaʼ fuq il-muntanja waħdu. Għala? Għax xtaq li jkollu ħin biex jitlob lil Missieru. Għalkemm kien ikollu ħafna x’jagħmel, Ġesù dejjem għamel il-ħin biex jitlob.
“Taħdmux għall-ikel li jintemm [jew, jispiċċa] imma għall-ikel li jibqaʼ għall-ħajja taʼ dejjem, li jagħtikom Bin il-bniedem.”—Ġwanni 6:27