Privacy Settings

To provide you with the best possible experience, we use cookies and similar technologies. Some cookies are necessary to make our website work and cannot be refused. You can accept or decline the use of additional cookies, which we use only to improve your experience. None of this data will ever be sold or used for marketing. To learn more, read the Global Policy on Use of Cookies and Similar Technologies. You can customize your settings at any time by going to Privacy Settings.

Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Fariżej jistaqsu mistoqsijiet lil raġel li qabel kien agħmi

LEZZJONI 85

Ġesù jfejjaq fis-Sabat

Ġesù jfejjaq fis-Sabat

Il-​Fariżej kienu jobogħduh lil Ġesù, u allura bdew jipprovaw isibu xi ħaġa fih biex biha jkunu jistgħu jarrestawh. Huma qalu li hu m’għandux ifejjaq lin-​nies morda fis-​Sabat għax din kienet ġurnata li fiha kienu jistrieħu. Imma darba waħda, fis-​Sabat, Ġesù ltaqaʼ maʼ raġel li kien twieled agħmi, jittallab fit-​triq. Hu qal lid-​dixxipli tiegħu: ‘Araw kif il-​qawwa t’Alla se tgħin lil dan ir-​raġel.’ Wara li qal hekk, Ġesù ħallat ftit bżieq minn tiegħu mat-​trab tal-​art u għamel taħlita, u poġġieha fuq għajnejn ir-​raġel. Ġesù mbagħad qallu: ‘Mur u aħsel għajnejk fl-​għadira taʼ Silogħam.’ Ir-​raġel hekk għamel, u mbagħad għall-​ewwel darba f’ħajtu setaʼ jara.

In-​nies baqgħu mistagħġbin. Huma qalu: ‘Dan hu l-​istess raġel li kien joqgħod bilqiegħda jittallab, jew xi ħadd li jixbhu?’ Ir-​raġel qalilhom: ‘Jien hu.’ In-​nies staqsewh: ‘Issa kif qed tara?’ Meta qalilhom x’kien ġara, huma ħaduh għand il-​Fariżej.

Ir-​raġel qal lill-​Fariżej: ‘Ġesù poġġieli taħlita fuq għajnejja u qalli biex immur naħsilhom. Jien hekk għamilt, u issa nistaʼ nara.’ Il-​Fariżej qalu: ‘Jekk Ġesù qed ifejjaq fis-​Sabat, mela ma jistax ikun li l-​qawwa tiegħu ġejja minn Alla.’ Imma oħrajn qalu: ‘Li kieku l-​qawwa tiegħu mhux ġejja mingħand Alla, kieku żgur li ma kienx ikun jistaʼ jfejjaq lin-​nies.’

Il-​Fariżej qalu lill-​ġenituri tar-​raġel biex jiġu għandhom, u staqsewhom: ‘Tistgħu tgħidulna kif it-​tifel tagħkom issa qed jara?’ Il-​ġenituri bdew jibżgħu għax il-​Fariżej kienu qalu li kull min kien se jpoġġi fidi f’Ġesù kien se jiġi mkeċċi mis-​sinagoga. Allura huma wieġbu: ‘Ma nafux. Staqsu lilu.’ Għalhekk, il-​Fariżej staqsewh iktar mistoqsijiet sakemm hu qalilhom: ‘Għedtilkom dak kollu li naf. Għala se tibqgħu tistaqsuni?’ Huma rrabjaw ħafna, u keċċewh ’il barra.

Ġesù mar ifittex lir-​raġel u staqsieh: ‘Inti għandek fidi fil-​Messija?’ Ir-​raġel wieġbu: ‘Kieku naf min hu, kont inpoġġi fidi fih.’ Ġesù qallu: ‘Jien hu l-​Messija.’ Kemm wera qalb tajba Ġesù maʼ dan ir-​raġel, hux veru? Hu mhux biss fejqu imma għenu jpoġġi fidi fih bħala l-​Messija.

“Għandkom żball, għax la tafu l-​Iskrittura u lanqas il-​qawwa t’Alla.”—Mattew 22:29