LEZZJONI 2
Alla ħalaq l-ewwel raġel u mara
Ġeħova għamel ġnien f’post jismu Għeden. Dan il-ġnien kien mimli fjuri, siġar, u annimali. Imbagħad Alla għamel l-ewwel raġel mit-trab u nefaħ fi mnifsejh, u semmieh Adam. Taf x’ġara mbagħad? Ir-raġel sar persuna ħajja! Ġeħova ried lil Adam jieħu ħsieb il-ġnien, u Hu qallu biex jagħti isem lil kull annimal.
Ġeħova ta lil Adam kmand importanti. Hu qal lil Adam: ‘Mill-frott tas-siġar kollha tistaʼ tiekol, ħlief minn siġra waħda speċjali. Jekk tiekol mill-frott taʼ dik is-siġra, int tmut żgur.’
Iktar tard Ġeħova qal: ‘Se nagħmel lil xi ħadd biex jgħin lil Adam.’ Hu ġiegħel lil Adam jorqod fil-fond, u mbagħad Alla ħadlu waħda mill-kustilji biex joħloq mara għal Adam. Isimha kien Eva. Adam u Eva saru l-ewwel familja. Kif ħassu Adam dwar il-mara tiegħu?
Hu tant ħassu ferħan li qal: ‘Ara x’għamel Ġeħova mill-kustilja tiegħi! Sa fl-aħħar! Għandi lil xi ħadd bħali.’Ġeħova qal lil Adam u Eva biex ikollhom it-tfal u jimlew l-art. Hu riedhom jieħdu pjaċir jaħdmu flimkien f’li jagħmlu l-art kollha ġenna, jew ġnien sabiħ, bħall-ġnien tal-Għeden. Imma mhux hekk ġara. Taf għala? Se nitgħallmu iktar fil-lezzjoni li jmiss.
“Sa mill-bidu dak li ħalaqhom għamilhom raġel u mara.”—Mattew 19:4