Privacy Settings

To provide you with the best possible experience, we use cookies and similar technologies. Some cookies are necessary to make our website work and cannot be refused. You can accept or decline the use of additional cookies, which we use only to improve your experience. None of this data will ever be sold or used for marketing. To learn more, read the Global Policy on Use of Cookies and Similar Technologies. You can customize your settings at any time by going to Privacy Settings.

KAPITLU 3

Ġeħova jikxef l-iskop tiegħu

Ġeħova jikxef l-iskop tiegħu

KAPITLU DWAR

Kif Ġeħova bil-​mod il-​mod jikxef fehma aħjar tal-​iskop tiegħu, imma biss lil dawk li jibżgħu minnu

1, 2. Ġeħova kif kixef l-​iskop tiegħu għall-​bnedmin?

 ĠENITURI li jimpurtahom minn uliedhom jinkluduhom f’diskussjonijiet dwar il-​familja. Imma joqogħdu attenti mill-​ammont taʼ informazzjoni li jaqsmu maʼ wliedhom. Huma jikxfu biss dawk id-​dettalji li jħossu li wliedhom huma maturi biżżejjed biex jifhmu.

2 Bl-​istess mod, Ġeħova bil-​mod il-​mod kixef l-​iskop tiegħu għall-​bnedmin. Iżda dan għamlu biss meta kien jaf li ż-​żmien kien xieraq. Ikkunsidra ħarsa fuq fuq taʼ kif Ġeħova kixef veritajiet dwar is-​Saltna matul l-​istorja.

Għala hemm bżonn is-​Saltna?

3, 4. Ġeħova għamel predestinazzjoni tal-​mod kif kienu se jaġixxu l-​bnedmin? Spjega.

3 Oriġinalment, is-​Saltna Messjanika ma kinitx parti mill-​iskop taʼ Ġeħova. Għala? Għax Ġeħova m’għamilx predestinazzjoni tal-​mod kif kienu se jaġixxu l-​bnedmin; wara kollox, hu ħalaqhom bil-​libertà tal-​għażla. B’hekk, qal lil Adam u Eva l-​iskop tiegħu għall-​bnedmin, billi qal: “Nisslu u oktru u imlew l-​art u rażżnuha.” (Ġen. 1:28) Barra minn hekk, Ġeħova stenna li jirrispettaw il-​livelli tiegħu taʼ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. (Ġen. 2:16, 17) Adam u Eva setgħu għażlu li jibqgħu leali. Li kieku huma u d-​dixxendenti tagħhom għamlu hekk, ma kienx ikollna bżonn is-​Saltna maħkuma minn Kristu biex twettaq l-​iskop t’Alla. Kieku, issa stess, id-​dinja kienet tkun mimlija b’nies perfetti li lkoll iqimu lil Ġeħova.

4 Ġeħova m’abbandunax l-​iskop tiegħu biex jimla l-​art b’familja umana perfetta meta rribellaw Satana, Adam, u Eva. Minflok, Ġeħova addatta l-​metodu tiegħu biex iwettaq l-​iskop. L-​iskop tiegħu mhuwiex bħal ferrovija li bilfors trid iżżomm maʼ rotta speċifika biex tasal sad-​destinazzjoni tagħha u li tistaʼ tiġi mfixkla jew imwaqqfa bl-​azzjonijiet taʼ ħaddieħor. Ladarba Ġeħova jgħid x’inhu l-​iskop tiegħu, xejn u ħadd fl-​univers kollu ma jistaʼ jwaqqfu milli jwettqu. (Aqra Isaija 55:11.) Jekk ċerta sfida tagħlaq rotta minnhom, Ġeħova sempliċement juża rotta oħra. a (Eżo. 3:14, 15) Meta jara li jkun xieraq, hu jgħid lill-​qaddejja leali tiegħu bil-​metodu l-​ġdid li se juża biex iwettaq l-​iskop tiegħu.

5. Ġeħova kif irreaġixxa għar-​ribelljoni fl-​Għeden?

5 Ġeħova rreaġixxa għar-​ribelljoni fl-​Għeden billi għamel is-​Saltna parti mill-​iskop tiegħu. (Mt. 25:34) F’dak il-​perijodu ikrah fl-​istorja umana, Ġeħova beda jikxef x’mezz kien se juża biex jerġaʼ jibni relazzjoni mal-​umanità. U dan il-​mezz kien se jużah ukoll biex ireġġaʼ lura l-​ħsara kaġunata minn Satana meta bla suċċess ipprova jaħtaf il-​poter. (Ġen. 3:14-​19) Xorta waħda, Ġeħova ma tax id-​dettalji kollha dwar is-​Saltna f’daqqa.

Ġeħova jibda jikxef veritajiet dwar is-​Saltna

6. Ġeħova x’wiegħed, imma x’ma kixifx?

6 Fl-​ewwel profezija, Ġeħova wiegħed li ċertu ‘nisel’ kien se jisħaq lis-​serp. (Aqra Ġenesi 3:15.) Madanakollu, dak iż-​żmien Ġeħova ma kixifx l-​identità taʼ dan in-​nisel u l-​identità tan-​nisel tas-​serp. Infatti, Ġeħova ma rrivelax iktar dettalji dwar dan għal xi 2,000 sena. b

7. Għala ntgħażel Abraham, u liema lezzjoni importanti nitgħallmu minn dan?

7 Eventwalment, Ġeħova għażel lil Abraham bħala l-​wieħed li permezz tiegħu kien se jiġi n-​nisel imwiegħed. Abraham intgħażel għax ‘semaʼ minn kliem Ġeħova.’ (Ġen. 22:18) Nitgħallmu lezzjoni importanti minn dan—Ġeħova jikxef l-​iskop tiegħu biss lil dawk li għandhom biżaʼ bnin minnu.—Aqra Salm 25:14.

8, 9. Ġeħova liema dettalji dwar in-​nisel imwiegħed kixef lil Abraham u Ġakobb?

8 Meta kien qed jitkellem mal-​ħabib tiegħu Abraham permezz t’anġlu, Ġeħova għall-​ewwel darba kixef dan id-​dettall vitali dwar in-​nisel imwiegħed: Kien se jkun bniedem. (Ġen. 22:15-​17; Ġak. 2:23) Imma dan il-​bniedem kif kien se jisħaq lis-​serp? Min kien is-​serp? Iktar ’il quddiem, Alla kien se jwieġeb dawn il-​mistoqsijiet.

9 Ġeħova ddeċieda li n-​nisel imwiegħed kien se jiġi permezz taʼ Ġakobb, it-​tifel tat-​tifel t’Abraham. Ġakobb kien raġel li wera fidi kbira f’Alla. (Ġen. 28:13-​22) Permezz taʼ Ġakobb, Ġeħova qal li l-​Wieħed Imwiegħed kellu jkun dixxendent taʼ bin Ġakobb, Ġuda. Ġakobb ipprofetizza li dan id-​dixxendent taʼ Ġuda kien se jirċievi “xettru,” li jissimbolizza awtorità rjali, u li “l-​popli se jobdu” lil dan in-​nisel. (Ġen. 49:1, 10) B’din id-​dikjarazzjoni, Ġeħova ta x’jifhem li l-​Wieħed Imwiegħed kien se jsir ħakkiem, jew sultan.

10, 11. Ġeħova għala kixef l-​iskop tiegħu lil David u Danjel?

10 Xi 650 sena wara żmien Ġuda, Ġeħova kixef iktar dettalji dwar l-​iskop tiegħu lis-​Sultan David, dixxendent taʼ Ġuda. Ġeħova ddeskriva lil David bħala “raġel għal qalbu.” (1 Sam. 13:14; 17:12; Atti 13:22) Peress li David kellu biżaʼ bnin minn Alla, Ġeħova għażel li jagħmel patt miegħu billi wiegħdu li wieħed mid-​dixxendenti tiegħu kien se jaħkem għal dejjem.—2 Sam. 7:8, 12-​16.

11 Xi 500 sena wara, Ġeħova uża lill-​profeta Danjel biex jirrivela s-​sena eżatta meta dan il-​Midluk, jew Messija, kien se jidher fuq l-​art. (Dan. 9:25) Ġeħova qies lil Danjel bħala li kien “maħbub ferm.” Għala? Għax Danjel tassew irrispetta lil Ġeħova u qdieh kontinwament.—Dan. 6:16; 9:22, 23.

12. Danjel x’intqallu biex jagħmel, u għala?

12 Ġeħova uża profeti leali bħal Danjel biex iniżżlu bil-​miktub għexieren taʼ dettalji dwar in-​nisel imwiegħed, il-​Messija. Però, kien għadu mhux il-​waqt taʼ Ġeħova biex il-​qaddejja tiegħu jifhmu s-​sinifikat sħiħ taʼ dak li nebbaħhom jiktbu. Pereżempju, wara li ngħata viżjoni dwar it-​twaqqif tas-​Saltna t’Alla, Danjel intqallu biex jissiġilla l-​profezija saż-​żmien magħżul minn Ġeħova. F’dak iż-​żmien fil-​futur, l-​għarfien veru kien se “jkun abbundanti.”—Dan. 12:4.

Ġeħova uża rġiel leali bħal Danjel biex iniżżlu bil-miktub dettalji dwar is-Saltna Messjanika

Ġesù jispjega iktar dwar l-​iskop t’Alla

13. (a) Min kien in-​nisel imwiegħed? (b) Ġesù kif ta iktar dettalji dwar il-​profezija mniżżla f’​Ġenesi 3:15?

13 Ġeħova b’mod ċar wera li Ġesù kien in-​nisel imwiegħed, id-​dixxendent taʼ David li kellu jaħkem bħala Sultan. (Lq. 1:30-​33; 3:21, 22) Meta Ġesù beda l-​ministeru tiegħu, hu għen lill-​bnedmin jifhmu iktar l-​iskop t’Alla. Tistaʼ tqabbel dan maʼ meta tkun qed teżamina oġġett u biex tkun tistaʼ tarah aħjar toħorġu fid-​dawl tax-​xemx. (Mt. 4:13-​17) Pereżempju, Ġesù neħħa kull traċċa taʼ dubju dwar l-​identità tas-​“serp” imsemmi f’​Ġenesi 3:14, 15, billi sejjaħ lix-​Xitan “qattiel” u “missier il-​gidba.” (Ġw. 8:44) Fir-​rivelazzjoni li ta lil Ġwanni, Ġesù identifika lis-​“serp oriġinali” bħala “dak li hu msejjaħ Xitan u Satana.” c (Aqra Rivelazzjoni 1:1; 12:9.) F’dik l-​istess rivelazzjoni, Ġesù wera kif hu—in-​nisel imwiegħed—fl-​aħħar mill-​aħħar se jwettaq il-​profezija li ngħatat fl-​Għeden u jisħaq lil Satana u jeqirdu.—Riv. 20:7-​10.

14-16. Id-​dixxipli fl-​ewwel seklu dejjem fehmu s-​sinifikat sħiħ tal-​veritajiet li kixef Ġesù? Spjega.

14 Bħalma rajna f’Kapitlu 1 taʼ dan il-​ktieb, Ġesù tkellem ħafna dwar is-​Saltna. Imma mhux dejjem ta d-​dettalji kollha li xtaqu jkunu jafu d-​dixxipli. Anke meta ta dettalji speċifiċi, is-​segwaċi taʼ Ġesù ma bdewx jifhmu s-​sinifikat sħiħ tal-​veritajiet li Sidhom kien kixef sakemm għadda xi żmien—kultant sekli sħaħ. Ikkunsidra xi ftit eżempji.

15 Fis-​sena 33 EK, Ġesù għamilha ċara li l-​ħakkiema sħabu li kienu se jgħinu lis-​Sultan tas-​Saltna t’Alla kienu se jittieħdu minn fuq l-​art u jiġu rxoxtati bħala ħlejjaq spirti fis-​sema. Iżda, id-​dixxipli tiegħu ma fehmux mill-​ewwel dan il-​ħsieb. (Dan. 7:18; Ġw. 14:2-​5) Fl-​istess sena, Ġesù ta x’jifhem permezz taʼ tixbihat li s-​Saltna ma kinitx se tiġi stabbilita sa ħafna żmien wara li jitlaʼ fis-​sema. (Mt. 25:14, 19; Lq. 19:11, 12) Id-​dixxipli ma fehmux dan il-​punt vitali u iktar tard staqsew lil Ġesù rxoxtat: “F’dan iż-​żmien se terġaʼ tistabbilixxi s-​saltna taʼ Israel?” Imma Ġesù għażel li ma jagħtix iktar dettalji f’dak iż-​żmien. (Atti 1:6, 7) Ġesù għallem ukoll li kien se jkun hemm “nagħaġ oħrajn,” li ma kinux se jkunu parti mill-​‘merħla ż-​żgħira’ tal-​ħakkiema sħabu. (Ġw. 10:16; Lq. 12:32) Is-​segwaċi taʼ Kristu ma fehmux sew l-​identità taʼ dawn iż-​żewġ gruppi sa ħafna snin wara li ġiet stabbilita s-​Saltna fl-​1914.

16 Kien hemm ħafna affarijiet li Ġesù setaʼ jgħid lid-​dixxipli tiegħu waqt li kien magħhom fuq l-​art, imma hu kien jaf li ma kinux jifilħu għalihom. (Ġw. 16:12) Bla dubju, inkixef ħafna għarfien dwar is-​Saltna fl-​ewwel seklu. Madanakollu, kien għadu mhux iż-​żmien biex għarfien bħal dan ikun abbundanti.

L-​għarfien veru jsir abbundanti fi “żmien it-​tmiem”

17. X’għandna nagħmlu biex nifhmu l-​veritajiet dwar is-​Saltna, imma x’għandna bżonn ukoll?

17 Ġeħova wiegħed lil Danjel li matul “żmien it-​tmiem,” ħafna wħud kienu se ‘jfittxu bir-​reqqa’ “u l-​għarfien veru” dwar l-​iskop t’Alla kien se jkun abbundanti. (Dan. 12:4) Dawk li jridu dan l-​għarfien għandhom jistinkaw biex jiksbuh. Imma neżaminaw kemm neżaminaw il-​Bibbja bir-​reqqa, ma nistgħux nifhmu sew il-​veritajiet dwar is-​Saltna jekk Ġeħova ma jgħinniex nifhmu.—Aqra Mattew 13:11.

18. Dawk li jibżgħu minn Ġeħova kif urew il-​fidi u l-​umiltà?

18 Sewwasew bħalma Ġeħova bil-​mod il-​mod kixef il-​veritajiet dwar is-​Saltna fil-​perijodu li wassal għall-​1914, hu hekk ikompli jagħmel matul żmien it-​tmiem. Bħalma se juru Kapitli 45 taʼ dan il-​ktieb, matul l-​aħħar 100 sena, in-​nies t’Alla kellhom jaġġustaw il-​fehma tagħhom diversi drabi. Ifisser dan li m’għandhomx l-​appoġġ taʼ Ġeħova? Għall-​kuntrarju! Hu jappoġġahom. Għala? Għax dawk li jibżgħu minn Ġeħova wrew żewġ kwalitajiet li jħobb—il-​fidi u l-​umiltà. (Ebr. 11:6; Ġak. 4:6) Il-​qaddejja taʼ Ġeħova huma fiduċjużi li l-​wegħdi kollha fil-​Kelma t’Alla se jitwettqu. Huma juru l-​umiltà meta jammettu li ma fehmux eżatt kif se jitwettqu dawk il-​wegħdi. Din l-​attitudni umli tidher fil-​ħarġa tat-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Marzu 1925, li qalet: “Nafu li l-​Mulej jinterpreta lilu nnifsu u li se jinterpreta l-​Kelma tiegħu lil niesu bil-​mod u fiż-​żmien li jidhirlu li hu tajjeb.”

“Il-​Mulej . . . se jinterpreta l-​Kelma tiegħu lil niesu bil-​mod u fiż-​żmien li jidhirlu li hu tajjeb”

19. Ġeħova issa x’ħalliena nifhmu, u għala?

19 Meta s-​Saltna twaqqfet fl-​1914, in-​nies t’Alla ftit kellhom għarfien dwar kif profeziji rigward is-​Saltna kienu se jitwettqu. (1 Kor. 13:9, 10, 12) Sforz iż-​żelu biex naraw it-​twettiq tal-​wegħdi t’Alla, kultant wasalna għal konklużjonijiet żbaljati. Matul is-​snin, sar jidher ċar kemm kienet għaqlija stqarrija oħra li saret fit-​Torri tal-​Għassa li kkwotajna fil-​paragrafu taʼ qabel. L-​artiklu qal: “Jidher li ma nkunux qed ngħidu ħażin jekk ngħidu li ma nistgħux nifhmu l-​profeziji sakemm jitwettqu jew ikunu qed jitwettqu.” Issa li qegħdin lejn l-​aħħar taʼ żmien it-​tmiem, ħafna profeziji tas-​Saltna twettqu jew qed jitwettqu. Minħabba li n-​nies t’Alla huma umli u lesti li jiġu koreġuti, Ġeħova ħalliena nifhmu iktar bis-​sħiħ l-​iskop tiegħu. L-​għarfien veru sar abbundanti!

Irfinar fil-​fehma jgħaddi minn prova lin-​nies t’Alla

20, 21. Irfinar fil-​fehma kif effettwa lill-​Kristjani tal-​ewwel seklu?

20 Meta Ġeħova jirfina l-​fehma tagħna tal-​verità, il-​kundizzjoni taʼ qalbna tgħaddi minn prova. Se jqanqluna l-​fidi u l-​umiltà biex naċċettaw il-​bidliet? Il-​Kristjani li għexu f’nofs l-​ewwel seklu ffaċċjaw prova bħal din. Pereżempju, immaġina li int Kristjan Lhudi li qed tgħix f’dak iż-​żmien. Int tassew tirrispetta l-​Liġi Mosajka u kburi li tagħmel parti mill-​ġens t’Iżrael. Issa tirċievi ittri mnebbħin mingħand l-​appostlu Pawlu. Fihom issir taf li l-​Liġi m’għadhiex tgħodd u li Ġeħova ċaħad lill-​Iżrael naturali u minflok qed jiġbor Iżrael spiritwali magħmul kemm mil-​Lhud kif ukoll mill-​Ġentili. (Rum. 10:12; 11:17-​24; Gal. 6:15, 16; Kol. 2:13, 14) Kieku int kif kont tirreaġixxi?

21 Kristjani umli aċċettaw l-​ispjegazzjoni mnebbħa taʼ Pawlu u tbierku minn Ġeħova. (Atti 13:48) Oħrajn irrabjaw b’dan l-​irfinar u riedu jibqgħu ggranfati mal-​fehma tagħhom stess. (Gal. 5:7-​12) Dawn l-​individwi li ma biddlux il-​ħarsa tagħhom kienu se jitilfu l-​opportunità li jkunu ħakkiema sħab maʼ Kristu.—2 Pt. 2:1.

22. Kif tħossok dwar irfinar fil-​fehma tagħna dwar l-​iskop t’Alla?

22 Fl-​aħħar għaxriet taʼ snin, Ġeħova rfina l-​fehma tagħna dwar is-​Saltna. Pereżempju, għenna naraw iktar biċ-​ċar meta dawk li se jkunu sudditi tas-​Saltna se jiġu mifrudin minn dawk li ma jagħtux widen, bħalma jiġu mifrudin in-​nagħaġ mill-​mogħoż. Ukoll, għallimna meta l-​għadd sħiħ tal-​144,000 se jkun intgħażel, xi jfissru t-​tixbihat li ta Ġesù dwar is-​Saltna, u meta l-​aħħar ftit mill-​midlukin se jittieħdu għall-​ħajja fis-​sema. d Int kif tirreaġixxi għal irfinar bħal dan? Tissaħħaħ il-​fidi tiegħek? Tarah bħala evidenza li Ġeħova għadu qed jeduka lin-​nies umli tiegħu? Il-​materjal li se niddiskutu f’dan il-​ktieb se jgħinek tkun iktar konvint li Ġeħova bil-​mod il-​mod qed jikxef l-​iskop tiegħu lil dawk li jibżgħu minnu.

a L-​isem t’Alla ġej mill-​verb Ebrajk li jfisser “isir.” L-​isem taʼ Ġeħova jagħti x’jifhem li hu Dak li jwettaq il-​wegħdi tiegħu. Ara l-​kaxxa “Dak li jfisser l-​isem t’Alla,” f’kapitlu 4.

b Għalkemm illum il-​ġurnata dan jidher li hu tul taʼ żmien twil mhux ħażin, irridu niftakru li t-​tul taʼ ħajja taʼ bniedem f’dak iż-​żmien kien ħafna itwal mil-​lum; bejn Adam u Abraham kien hemm it-​tul taʼ ħajja taʼ erbaʼ bnedmin biss. Lamek, missier Noè, għex għal ċertu żmien fl-​istess perijodu t’Adam. Sem, bin Noè, għex għal ċertu żmien fl-​istess perijodu taʼ Lamek. Abraham għex għal ċertu żmien fl-​istess perijodu taʼ Sem.—Ġen. 5:5, 31; 9:29; 11:10, 11; 25:7.

c Il-​kelma “Satana” tidher 18-​il darba fl-​Iskrittura Ebrajka. Però, il-​kelma “Satana” tidher iktar minn 30 darba fl-​Iskrittura Griega Kristjana. Bix-​xieraq, l-​Iskrittura Ebrajka ma tatx enfasi żejda lil Satana, imma ffokat fuq li tidentifika lill-​Messija. Meta wasal il-​Messija, hu kixef għalkollox lil Satana, fatt li hu mniżżel bil-​miktub fl-​Iskrittura Griega Kristjana.

d Għal diskussjoni taʼ xi ftit minn dan l-​irfinar fil-​fehma, ara l-​ħarġiet tat-​Torri tal-​Għassa li ġejjin: 1 taʼ Novembru 1995 paġni 17-22; 15 taʼ Jannar 2008, paġni 20-​24; 15 taʼ Lulju 2008, paġni 17-21; 15 taʼ Lulju 2013, paġni 9-14.