Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 22

“Ħa Jsir Dak li Jrid Ġeħova”

“Ħa Jsir Dak li Jrid Ġeħova”

Peress li hu determinat li jagħmel ir-rieda t’Alla, Pawlu jmur Ġerusalemm

Ibbażat fuq Atti 21:1-17

1-4. Pawlu għala sejjer Ġerusalemm, u x’hemm jistennieh hemmhekk?

 IT-TLUQ minn Miletu hu wieħed emozzjonali. Kemm isibuha diffiċli Pawlu u Luqa biex jitilqu lill-anzjani Efesin, li tant saru jħobbuhom! Iż-żewġ missjunarji jitilgħu fuq il-vapur. Il-bagalji tagħhom huma mimlijin provvisti li għandhom bżonn għall-vjaġġ. Qed iġorru wkoll il-fondi li nġabru għall-Kristjani fil-bżonn fil-Lhudija u jridu jagħmlu ċert li din l-għotja tasal fid-destinazzjoni tagħha.

2 B’żiffa ħelwa fil-qlugħ, il-vapur iħalli warajh l-istorbju tal-moll. Iż-żewġt irġiel, flimkien mas-sebaʼ mseħbin li qed jivvjaġġaw magħhom, iħarsu fiss lejn l-espressjonijiet imnikktin taʼ ħuthom fuq ix-xatt. (Atti 20:4, 14, 15) Il-vjaġġaturi jibqgħu jxejru sakemm lil ħbiebhom ma jibqgħux jarawhom.

3 Għal madwar tliet snin, Pawlu ħadem mill-qrib mal-anzjani f’Efesu. Imma issa, bid-direzzjoni tal-ispirtu qaddis, jinsab fi triqtu lejn Ġerusalemm. Sa ċertu punt, hu jaf x’hemm jistennieh. Iktar qabel, hu qal lil dawn l-anzjani: “Qed nivvjaġġa lejn Ġerusalemm, bħalma ggwidani l-ispirtu qaddis, avolja ma nafx x’se jiġrili hemm. Li naf hu li minn belt għal oħra l-ispirtu qaddis iwissini kemm-il darba li se nbati u niġi arrestat.” (Atti 20:22, 23) Minkejja l-periklu, Pawlu jħossu ‘ggwidat mill-ispirtu qaddis’—obbligat kif ukoll lest li jsegwi d-direzzjoni tal-ispirtu biex imur Ġerusalemm. Hu jgħożż lil ħajtu, imma l-iktar ħaġa importanti għalih hi li jagħmel ir-rieda t’Alla.

4 Int hekk tħossok? Meta niddedikaw lilna nfusna lil Ġeħova, aħna nwegħduh li se nagħmlu r-rieda tiegħu l-iktar ħaġa importanti f’ħajjitna. Nistgħu nibbenefikaw billi nikkunsidraw l-eżempju leali tal-appostlu Pawlu.

Jgħaddu minn Ħdejn il-“Gżira taʼ Ċipru” (Atti 21:1-3)

5. Pawlu u l-imseħbin tiegħu minn liema rotta vvjaġġaw lejn Tir?

5 Il-vapur li Pawlu u l-imseħbin tiegħu telgħu fuqu ‘mar dritt lejn Kos.’ Jiġifieri, ir-riħ kien favurihom, tant li waslu Kos iktar tard dakinhar stess. (Atti 21:1) Jidher li l-vapur ankra hemmhekk matul il-lejl qabel ma mar lejn Rodi u Patara. F’Patara, fil-kosta tan-Nofsinhar tal-Asja Minuri, l-aħwa telgħu fuq vapur kbir li ħadhom direttament lejn Tir, fil-Feniċja. Huma u sejrin, għaddew “min-naħa t’isfel tal-gżira taʼ Ċipru.” (Atti 21:3) Luqa, il-kittieb tal-​Atti, għala semma dan id-dettall?

6. (a) Pawlu għala għandu mnejn ħassu inkuraġġit meta ra l-gżira taʼ Ċipru? (b) Hekk kif tirrifletti fuq kif Ġeħova bierkek u għenek, għal liema konklużjoni tasal?

6 Forsi Pawlu ġibdilhom l-attenzjoni lejn il-gżira u qalilhom dwar l-esperjenzi tiegħu hemmhekk. Fl-ewwel vjaġġ missjunarju tiegħu madwar disaʼ snin qabel, Pawlu, flimkien maʼ Barnaba u Ġwanni Marku, kien iltaqaʼ mas-saħħar Elima, li kien oppona l-ippritkar tagħhom. (Atti 13:4-12) Il-fatt li ra din il-gżira u rrifletta fuq dak li kien ġara hemmhekk għandu mnejn inkuraġġixxa u saħħaħ lil Pawlu għal dak li kien hemm jistennieh. Aħna wkoll nistgħu nibbenefikaw billi nirriflettu fuq kif Alla berikna u għenna biex nissaportu l-provi. Riflessjoni bħal din tistaʼ tgħinna nidwu l-kliem taʼ David, li kiteb: “It-tajjeb ikollu ħafna diffikultajiet, imma Ġeħova jeħilsu minnhom kollha.”—Salm 34:19.

“Aħna Fittixna lid-Dixxipli u Sibniehom” (Atti 21:4-9)

7. Il-vjaġġaturi x’għamlu malli waslu Tir?

7 Pawlu apprezza l-valur tas-sħubija Kristjana u kien ħerqan biex ikun maʼ dawk tal-istess twemmin. Malli jaslu Tir, Luqa jikteb, “fittixna lid-dixxipli u sibniehom.” (Atti 21:4) Peress li kienu jafu li kien hemm Kristjani sħabhom f’Tir, il-vjaġġaturi fittxewhom u x’aktarx li qagħdu magħhom. Waħda mill-barkiet kbar li għandna fil-verità hi li mmorru fejn immorru, nistgħu nsibu aħwa Kristjani li jħossu u jemmnu bħalna u li se jilqgħuna. Dawk li jħobbu lil Alla u li jipprattikaw il-qima vera għandhom ħbieb mad-dinja kollha.

8. Kif għandna nifhmu Atti 21:4?

8 Hu u jiddeskrivi s-sebat ijiem li qagħdu f’Tir, Luqa jikteb xi ħaġa li għall-ewwel forsi tinstemaʼ stramba: “Iggwidati mill-ispirtu qaddis [l-aħwa f’Tir] qalu lil Pawlu għal darba wara l-oħra biex ma jmurx Ġerusalemm.” (Atti 21:4) Kien Ġeħova biddel fehmtu? Kien issa qed jidderieġi lil Pawlu biex ma jmurx Ġerusalemm? Le. L-ispirtu kien indika li Pawlu kien se jiġi trattat ħażin f’Ġerusalemm, mhux li għandu jevita l-belt. Jidher li permezz tal-ispirtu qaddis, l-aħwa f’Tir b’mod korrett ikkonkludew li Pawlu kien se jkollu l-inkwiet f’Ġerusalemm. Għalhekk, minħabba li kienu konċernati dwar Pawlu, ħeġġewh biex ma jitlax Ġerusalemm. Nistgħu nifhmu x-xewqa tagħhom biex jipproteġu lil Pawlu mill-periklu li kien riesaq. Minkejja dan, billi kien determinat li jagħmel ir-rieda taʼ Ġeħova, Pawlu kompla fi triqtu lejn Ġerusalemm.—Atti 21:12.

9, 10. (a) Xħin semaʼ kemm l-aħwa f’Tir kienu konċernati dwaru, Pawlu f’liema sitwazzjoni simili għandu mnejn ftakar? (b) Liema idea hija komuni fid-dinja llum, u kif inhi differenti ħafna mill-kliem taʼ Ġesù?

9 Xħin semaʼ kemm l-aħwa kienu konċernati dwaru, Pawlu forsi ftakar li Ġesù kien iffaċċja oġġezzjoni simili wara li qal lid-dixxipli tiegħu li kien se jmur Ġerusalemm, isofri ħafna affarijiet, u jinqatel. Imqanqal mill-emozzjonijiet, Pietru kien qal lil Ġesù: “Toqgħodx tgħid hekk Mulej. Żgur li mhux se jiġrilek dan.” Ġesù wieġeb: “Itlaq minn quddiemi Satana! Int taʼ tfixkil għalija, għax m’intix taħseb bħalma jaħseb Alla imma bħalma jaħsbu n-nies.” (Mt. 16:21-23) Ġesù kien determinat li jaċċetta ħajja taʼ sagrifiċċju persunali fi qbil mar-rieda t’Alla. Pawlu ħassu l-istess. L-aħwa f’Tir, bħall-appostlu Pietru, bla dubju kellhom intenzjonijiet tajbin, imma ma fehmux ir-rieda t’Alla.

Hemm bżonn taʼ spirtu taʼ sagrifiċċju persunali biex insegwu lil Ġesù

10 Ħafna nies illum jippreferu jagħmlu dak li hu l-iktar faċli, anki jekk ma tkunx l-aħjar triq. In-nies inġenerali għandhom it-tendenza li jfittxu reliġjon li hi komda u li ma tantx tirrikjedi mill-membri tagħha. B’kuntrast, Ġesù ħeġġeġ attitudni mentali differenti għalkollox. Hu qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, ma jridx jgħix iktar għalih innifsu, imma jrid jissaporti l-persekuzzjoni u jibqaʼ miexi warajja.” (Mt. 16:24) It-triq għaqlija, it-triq it-tajba, hi li nsegwu lil Ġesù, imma mhijiex it-triq il-faċli.

11. Id-dixxipli f’Tir kif urew l-affezzjoni u l-appoġġ tagħhom għal Pawlu?

11 Malajr sar il-ħin biex Pawlu, Luqa, u l-oħrajn li kienu magħhom ikomplu fi triqithom. Id-deskrizzjoni tat-tluq tagħhom tmisslek qalbek. Turi l-affezzjoni li kellhom l-aħwa taʼ Tir għal Pawlu kif ukoll l-appoġġ kbir tagħhom għall-ministeru tiegħu. L-irġiel, in-nisa, u t-tfal akkumpanjaw lil Pawlu u lil dawk li kienu miegħu sax-xatt. Bħala grupp, niżlu għarkopptejhom u talbu flimkien, u mbagħad sellmu lil xulxin. Wara, Pawlu, Luqa, u dawk li kienu qed jivvjaġġaw magħhom telgħu fuq vapur ieħor u komplew bil-vjaġġ lejn Ptolemajs, fejn iltaqgħu mal-aħwa u baqgħu magħhom jum wieħed.—Atti 21:5-7.

12, 13. (a) Filippu x’rekord kellu taʼ servizz leali? (b) Filippu kif inhu eżempju tajjeb għall-missirijiet Kristjani llum?

12 Imbagħad, jirrapporta Luqa, Pawlu u dawk li kienu qed jivvjaġġaw miegħu marru Ċesarija. Malli waslu hemmhekk, huma ‘daħlu fid-dar taʼ Filippu, li kien jipprietka l-aħbar tajba.’ a (Atti 21:8) Min jaf kemm ferħu meta raw lil Filippu. Xi 20 sena qabel f’Ġerusalemm, hu kien inħatar mill-appostli biex jgħin f’li jieħu ħsieb it-tqassim tal-ikel fil-kongregazzjoni Kristjana li kienet għadha kif ġiet stabbilita. Filippu kellu rekord twil taʼ ppritkar żeluż. Ftakar li meta d-dixxipli xterdu minħabba l-persekuzzjoni, Filippu mar is-Samarija u beda jipprietka. Iktar tard, hu pprietka u għammed lill-ewnuku Etjopjan. (Atti 6:2-6; 8:4-13, 26-38) X’rekord taʼ servizz leali!

13 Filippu ma kienx tilef iż-żelu tiegħu għall-ministeru. Issa li kien qed jgħix f’Ċesarija, kien għadu bieżel fix-xogħol tal-ippritkar, bħalma juri Luqa, Filippu kien magħruf “li kien jipprietka l-aħbar tajba.” Insiru nafu wkoll li issa kellu erbat ibniet li jipprofetizzaw, u dan jissuġġerixxi li segwew il-passi taʼ missierhom. b (Atti 21:9) Allura Filippu żgur li għamel ħafna biex jibni l-ispiritwalità taʼ familtu. Illum, il-missirijiet Kristjani jagħmlu tajjeb jekk isegwu l-eżempju tiegħu, billi jieħdu t-tmexxija fil-ministeru u jgħinu lil uliedhom jiżviluppaw imħabba għax-xogħol tal-ippritkar.

14. Ċertament xi rriżulta miż-żjajjar taʼ Pawlu maʼ sħabu fit-twemmin, u llum liema opportunitajiet simili jeżistu?

14 F’post wara l-ieħor, Pawlu fittex lil sħabu fit-twemmin u qattaʼ xi żmien magħhom. Żgur li l-aħwa lokali kienu ħerqanin biex juru ospitalità maʼ dan il-missjunarju li jivvjaġġa u maʼ sħabu. Dawn iż-żjajjar ċertament li rriżultaw ‘biex jinkuraġġixxu lil xulxin.’ (Rum. 1:11, 12) Illum jeżistu opportunitajiet simili. Jekk tiftaħ darek, hi kemm hi modesta, għal indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet u martu, se tgawdi benefiċċji kbar.—Rum. 12:13.

“Jien Lest . . . Immut” (Atti 21:10-14)

15, 16. Agabu liema messaġġ ġab, u x’effett kellu fuq dawk li semgħuh?

15 Matul iż-żmien li Pawlu qagħad għand Filippu, wasal viżitatur rispettat ieħor—Agabu. Dawk li kienu miġburin fid-dar taʼ Filippu kienu jafu li Agabu kien profeta; hu kien bassar ġuħ kbir matul it-tmexxija taʼ Klawdju. (Atti 11:27, 28) Forsi ħasbu: ‘Għala ġie Agabu? Liema messaġġ ġab?’ Hekk kif ħarsu b’attenzjoni, hu ħa ċ-ċinturin taʼ Pawlu—strixxa drapp twila li fiha setgħu jinżammu flus u affarijiet oħrajn u li kienet tintlibes madwar il-qadd. Agabu rabat saqajh u jdejh stess biċ-ċinturin. Imbagħad tkellem. Il-messaġġ kien serju: “L-ispirtu qaddis jgħid, ‘Ir-raġel taʼ min hu dan iċ-ċinturin se jiġi marbut b’dan il-mod mil-Lhud f’Ġerusalemm u huma se jagħtuh f’idejn in-nies taʼ popli oħra.’”—Atti 21:11.

16 Il-profezija kkonfermat li Pawlu kellu jmur Ġerusalemm. Indikat ukoll li l-ippritkar tiegħu lil-Lhud hemmhekk kien se jirriżulta f’li jingħata “f’idejn in-nies taʼ popli oħra.” Il-profezija kellha effett profond fuq dawk li kienu preżenti. Luqa jikteb: “Xħin smajna hekk, aħna u dawk li kienu hemm bdejna nitolbu bil-ħniena lil Pawlu biex ma jmurx Ġerusalemm. Pawlu wieġeb: ‘Għala qed tibku u tipprovaw taqtgħuli qalbi? Kunu ċerti li jien lest li mhux biss niġi marbut imma anki li mmut Ġerusalemm għal isem il-Mulej Ġesù.’ ”—Atti 21:12, 13.

17, 18. Pawlu kif wera d-determinazzjoni soda tiegħu, u l-aħwa kif irreaġixxew?

17 Immaġina x-xena. L-aħwa, inkluż Luqa, jitolbu lil Pawlu bil-ħniena biex ma jmurx. Xi wħud qed jibku. Imqanqal mill-interess kollu mħabba li juru, Pawlu b’tenerezza jgħidilhom li qed ‘jaqtagħlu qalbu.’ Xorta waħda, id-determinazzjoni tiegħu hi soda, u bħalma kien fil-każ meta ltaqaʼ mal-aħwa f’Tir, mhux se jħalli t-talb bil-ħniena jew id-dmugħ iġiegħlu jaqtaʼ qalbu. Minflok, hu jispjegalhom għala għandu jmur. X’kuraġġ u x’determinazzjoni wera! Bħal Ġesù qablu, Pawlu kien deċiż li jmur Ġerusalemm. (Ebr. 12:2) Pawlu ma kienx qed jipprova jkun martri, imma kieku kellu jiġri hekk, kien se jikkunsidrah unur li jmut bħala segwaċi taʼ Kristu Ġesù.

18 L-aħwa kif irreaġixxew? F’kelma waħda, b’rispett. Naqraw: “Meta rajna li ma stajniex inwaqqfuh, ma bqajniex nipprovaw u għedna: ‘Ħa jsir dak li jrid Ġeħova.’” (Atti 21:14) Dawk li pprovaw jikkonvinċu lil Pawlu biex ma jmurx Ġerusalemm ma insistewx li tgħaddi tagħhom. Semgħu lil Pawlu u aċċettaw dak li qal, għax għarfu u aċċettaw ir-rieda taʼ Ġeħova, avolja dan kien diffiċli għalihom biex jagħmluh. Pawlu kien beda vjaġġ li eventwalment kien se jwassal għal mewtu. Kien ikun iktar faċli għal Pawlu kieku dawk li ħabbewh ma pprovawx jipperswaduh mod ieħor.

19. Liema lezzjoni taʼ valur nitgħallmu minn dak li ġralu Pawlu?

19 Nitgħallmu lezzjoni taʼ valur minn dak li ġralu Pawlu: Qatt m’għandna nipprovaw nipperswadu lil oħrajn milli jsegwu ħajja taʼ sagrifiċċju persunali huma u jaqdu lil Alla. Nistgħu napplikaw din il-lezzjoni f’ħafna sitwazzjonijiet, mhux biss f’dawk li jinvolvu l-ħajja u l-mewt. Pereżempju, filwaqt li ħafna ġenituri Kristjani jsibuha diffiċli meta jaraw lil uliedhom jitilqu mid-dar biex jaqdu lil Ġeħova f’inkarigi ’l bogħod, huma determinati li ma jiskuraġġuhomx. Phyllis, li tgħix l-Ingilterra, tiftakar kif ħassitha meta l-unika tifla tagħha marret taqdi bħala missjunarja fl-Afrika. “Kien żmien emozzjonali,” qalet Phyllis. “Kien diffiċli għalija li nkun naf li kienet se tkun daqstant ’il bogħod. Ħassejtni mnikkta u kburija fl-istess ħin. Tlabt ħafna dwar is-sitwazzjoni. Imma din kienet id-deċiżjoni tagħha, u qatt ma pprovajt inbiddilhielha. Wara kollox, jien dejjem kont għallimtha biex tpoġġi l-interessi tas-Saltna l-ewwel! Hi qdiet f’inkarigi f’pajjiżi barranin għal dawn l-aħħar 30 sena, u jien nirringrazzja lil Ġeħova kuljum għall-fedeltà tagħha.” Kemm hi ħaġa sabiħa meta ninkuraġġixxu lil sħabna fit-twemmin li jagħmlu sagrifiċċji persunali!

Huwa tajjeb li ninkuraġġixxu lil sħabna fit-twemmin li jagħmlu sagrifiċċji persunali

“L-Aħwa Laqgħuna bil-Ferħ” (Atti 21:15-17)

20, 21. Kif nafu li Pawlu kellu x-xewqa li jkun maʼ ħutu, u għala ried ikun maʼ dawk tal-istess twemmin?

20 Saru xi preparamenti, u Pawlu kompla fi triqtu, akkumpanjat minn aħwa li b’hekk urew li appoġġawh b’qalb sħiħa. F’kull parti mill-vjaġġ lejn Ġerusalemm, Pawlu u dawk li kienu qed jakkumpanjawh fittxew is-sħubija taʼ ħuthom il-Kristjani. F’Tir, kienu sabu xi dixxipli u baqgħu magħhom għal sebat ijiem. Fi Ptolemajs, kienu sellmu lil ħuthom u kienu baqgħu jum magħhom. F’Ċesarija, kienu qagħdu għal diversi ġranet fid-dar taʼ Filippu. Imbagħad xi wħud mid-dixxipli minn Ċesarija marru maʼ Pawlu u l-imseħbin tiegħu lejn Ġerusalemm, fejn qagħdu għand Mnason, dixxiplu minn tal-bidu. Finalment, meta l-vjaġġaturi waslu Ġerusalemm, Luqa jirrapporta li “l-aħwa laqgħuna bil-ferħ.”—Atti 21:17.

21 B’mod ċar, Pawlu ried ikun maʼ dawk tal-istess twemmin. L-appostlu kiseb inkuraġġiment minn ħutu, sewwasew kif nagħmlu aħna llum. Bla dubju, dan l-inkuraġġiment saħħaħ lil Pawlu biex jiffaċċja l-opponenti rrabjati li kienu se jfittxu biex joqtluh.