KAPITLU 97
It-tixbiha tal-ħaddiema fl-għalqa tad-dwieli
-
IL-ĦADDIEMA TAL-“AĦĦAR” FL-GĦALQA TAD-DWIELI JSIRU TAL-“EWWEL”
Ġesù għadu kemm qal lis-semmiegħa tiegħu fil-Perija li “ħafna li huma l-ewwel ikunu l-aħħar u taʼ l-aħħar l-ewwel.” (Mattew 19:30) Hu jenfasizza din l-istqarrija b’tixbiha dwar ħaddiema f’għalqa tad-dwieli:
“Is-saltna tas-smewwiet hi bħal wieħed sid t’għalqa li ħareġ kmieni fil-għodu biex isib ħaddiema għall-għalqa tad-dwieli tiegħu. Wara li ftiehem mal-ħaddiema li jagħtihom dinar kuljum, bagħathom fl-għalqa tiegħu. Ħareġ ukoll madwar it-tielet siegħa u ra oħrajn weqfin bla xogħol fis-suq; u lil dawn qalilhom, ‘Morru intom ukoll fl-għalqa tad-dwieli, u nagħtikom dak li hu ġust.’ U dawn marru. Reġaʼ ħareġ għall-ħabta tas-sitt siegħa u d-disaʼ siegħa u għamel l-istess. Fl-aħħarnett, madwar il-ħdax-il siegħa ħareġ u sab oħrajn weqfin, u qalilhom, ‘Għala qgħadtu weqfin hawnhekk il-jum kollu bla xogħol?’ Qalulu, ‘Għax ħadd ma qabbadna.’ Qalilhom, ‘Morru intom ukoll fl-għalqa tad-dwieli.’”—Mattew 20:1-7.
Is-semmiegħa taʼ Ġesù x’aktarx li jaħsbu f’Alla Ġeħova meta jisimgħu l-frażijiet “is-saltna tas-smewwiet” u “sid t’għalqa.” L-Iskrittura tiddeskrivi lil Ġeħova bħala sid t’għalqa tad-dwieli, li kienet tirrappreżenta l-ġens t’Iżrael. (Salm 80:8, 9; Isaija 5:3, 4) Dawk fil-patt tal-Liġi huma mxebbhin maʼ ħaddiema fl-għalqa tad-dwieli. Iżda Ġesù mhuwiex qed jagħti tixbiha dwar il-passat. Qed jiddeskrivi sitwazzjoni li teżisti fi żmienu.
Il-mexxejja reliġjużi, bħall-Fariżej li reċentement ipprovaw jittestjawh fuq id-divorzju, suppost qed jaħdmu bla waqfien fis-servizz t’Alla. Huma bħal ħaddiema full-time li jistennew ħlas sħiħ, u l-paga hi dinar għal ġurnata xogħol.
Il-qassisin u oħrajn f’dan il-grupp iqisu lil-Lhud komuni bħala li jaqdu lil Alla imma mhux daqshom, bħallikieku huma ħaddiema part-time fl-għalqa tad-dwieli t’Alla. Fit-tixbiha taʼ Ġesù, dawn huma l-irġiel li jiġu impjegati “madwar it-tielet siegħa” (id-disgħa taʼ filgħodu) jew iktar tard fil-ġurnata—fis-sitt siegħa, fid-disaʼ siegħa, u fl-aħħar fil-ħdax-il siegħa (il-ħamsa taʼ wara nofsinhar).
L-irġiel u n-nisa li jsegwu lil Ġesù huma meqjusin bħala nies ‘misħutin.’ (Ġwanni 7:49) Għall-biċċa l-kbira taʼ ħajjithom huma ħadmu bħala sajjieda jew f’xogħol manwali ieħor. Imbagħad, fil-ħarifa tas-sena 29 WK, “sid l-għalqa tad-dwieli” bagħat lil Ġesù biex isejjaħ lil dawn in-nies umli ħalli jaħdmu għal Alla bħala dixxipli taʼ Kristu. Dawn huma dawk tal-“aħħar” li jsemmi Ġesù, il-ħaddiema li jibdew jaħdmu fl-għalqa tad-dwieli fil-11-il siegħa.
Ġesù jispiċċa t-tixbiha tiegħu billi jiddeskrivi x’jiġri fl-aħħar tal-ġurnata tax-xogħol: “X’ħin sar fil-għaxija, sid l-għalqa tad-dwieli qal lil dak li kien qed jiħodlu ħsieb, ‘Sejjaħ lill-ħaddiema u agħtihom il-paga; ibda b’taʼ l-aħħar u spiċċa b’taʼ l-ewwel.’ Meta ġew l-irġiel li bdew jaħdmu fil-ħdax-il siegħa, ngħataw dinar kull wieħed. Għalhekk, meta ġew taʼ l-ewwel, ħasbu li kienu se jingħataw iktar; imma huma tħallsu wkoll bir-rata taʼ dinar. Malli ħaduh bdew igergru kontra s-sid u qalulu, ‘Dawn taʼ l-aħħar taw siegħa xogħol u int xorta stmajthom daqsna li ssaportejna t-toqol tal-jum u s-sħana tikwi!’ Imma biex iwieġeb lil wieħed minnhom, qallu, ‘Sieħbi, lilek m’iniex nonqsok. Mhux dinar ftehemna li nagħtik? Ħu dak li hu tiegħek u mur. Lil dan taʼ l-aħħar irrid nagħtih daqskemm tajt lilek. Ma nistax skond il-liġi nagħmel li rrid bi ħwejġi? Jew għajnek hi mill-agħar għax jien tajjeb?’ B’dan il-mod, taʼ l-aħħar jiġu l-ewwel, u taʼ l-ewwel l-aħħar.”—Mattew 20:8-16.
Id-dixxipli għandhom mnejn jaħsbu dwar l-aħħar parti tat-tixbiha taʼ Ġesù. Il-mexxejja reliġjużi Lhud, li jqisu lilhom infushom tal-“ewwel,” kif se jsiru tal-“aħħar”? U d-dixxipli taʼ Ġesù kif se jsiru tal-“ewwel”?
Id-dixxipli taʼ Ġesù, li l-Fariżej u oħrajn iqisuhom tal-“aħħar,” għandhom l-opportunità li jsiru tal-“ewwel,” u b’hekk jirċievu ħlas sħiħ. Meta Ġesù jmut, Ġerusalemm tal-art se titwarrab u minflokha Alla se jagħżel ġens ġdid, “l-Israel t’Alla.” (Galatin 6:16; Mattew 23:38) Ġwanni l-Battista rrefera għal dawn l-uħud meta tkellem dwar magħmudija bl-ispirtu qaddis li kellha ssir fil-futur. Dawk li kienu tal-“aħħar” se jkunu minn tal-ewwel biex jirċievu din il-magħmudija u biex jingħataw il-privileġġ li jkunu xhieda taʼ Ġesù “sa l-iktar parti mbiegħda taʼ l-art.” (Atti 1:5, 8; Mattew 3:11) Jekk id-dixxipli jifhmu bis-sħiħ il-bidla drammatika li Ġesù qed jirreferi għaliha, huma forsi jistgħu jistennew li se jiffaċċjaw rabja kbira min-naħa tal-mexxejja reliġjużi, li se jsiru tal-“aħħar.”