KAPITLU 80
Ir-Ragħaj mill-Aħjar u l-imqawel tan-nagħaġ
-
ĠESÙ JITKELLEM DWAR IR-RAGĦAJ MILL-AĦJAR U L-IMQAWEL TAN-NAGĦAĠ
Hekk kif Ġesù jkompli jgħallem fil-Lhudija, issa jiġbed l-attenzjoni tas-semmiegħa tiegħu lejn xi ħaġa li jistgħu faċilment jimmaġinawha—in-nagħaġ u l-imqawel tagħhom. Imma hu qed jitkellem b’tixbiha. Il-Lhud għandhom mnejn jiftakru fi kliem David: “Ġeħova r-Ragħaj tiegħi. Ma se jonqosni xejn. F’mergħat iħaddru jmiddni.” (Salm 23:1, 2) F’Salm ieħor, David għamel din l-istedina lill-ġens: “Ħa ninżlu għarkopptejna quddiem Ġeħova, Dak li għamilna. Għax hu Alla tagħna, u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu.” (Salm 95:6, 7) Iva, l-Iżraelin taħt il-Liġi kienu ilhom jitqabblu maʼ merħla nagħaġ.
Dawn in-“nagħaġ” huma f’“maqjel” fis-sens li twieldu taħt il-patt tal-Liġi Mosajka. Il-Liġi kienet bħal ċint li żammhom separati mill-prattiki taʼ ħsara tan-nies li ma kinux taħt dan l-arranġament. Madankollu, xi Iżraelin ittrattawha ħażin lill-merħla t’Alla. Ġesù jgħid: “Tassew, tassew, ngħidilkom, Min ma jidħolx fil-maqjel tan-nagħaġ mill-bieb imma jitlaʼ minn xi mkien ieħor, dan ikun ħalliel u ħattâf. Imma min jidħol mill-bieb hu r-ragħaj tan-nagħaġ.”—Ġwanni 10:1, 2.
In-nies għandhom mnejn jaħsbu fi rġiel li sostnew li huma l-Messija, jew Kristu. Dawn huma bħal ħallelin u ħattafa. In-nies m’għandhomx isegwu lil uħud qarriqin bħal dawn. Minflok, għandhom isegwu “r-ragħaj tan-nagħaġ,” li dwaru Ġesù jgħid:
“Min ikun mal-bieb jiftaħlu lil dan, u n-nagħaġ jisimgħu leħnu, u hu jsejjaħ lin-nagħaġ tiegħu b’isimhom u joħroġhom barra. Meta jkun ħareġ in-nagħaġ tiegħu kollha barra, imur quddiemhom, u dawn imorru warajh għax jagħrfu leħnu. Wara barrani żgur ma jmorrux imma jaħarbu minnu, għax leħen il-barranin ma jagħrfuhx.”—Ġwanni 10:3-5.
Qabel, Ġwanni l-Battista, bħal xi ħadd li jkun mal-bieb, identifika lil Ġesù bħala dak li n-nagħaġ simboliċi taħt il-Liġi għandhom isegwu. U xi nagħaġ, fil-Galilija u hawnhekk fil-Lhudija, għarfu leħen Ġesù. Fejn kien se “joħroġhom”? U x’kien se jkun ir-riżultat taʼ li jsegwuh? Xi wħud li qed jisimgħu din it-tixbiha għandhom mnejn jaħsbu dwar dawn il-mistoqsijiet, għax ‘ma jafux xi jfisser dak li qed jgħidilhom.’—Ġwanni 10:6.
Ġesù jispjega: “Tassew, tassew, ngħidilkom, Jien il-bieb tan-nagħaġ. Dawk kollha li ġew minfloki huma ħallelin u ħattafin; imma n-nagħaġ ma semgħuhomx. Jien il-bieb; kulmin jidħol minni jkun salvat, u jidħol u joħroġ u jsib fejn jirgħa.”—Ġwanni 10:7-9.
Jidher ċar li Ġesù qed jintroduċi xi ħaġa ġdida. Is-semmiegħa tiegħu jafu li hu mhuwiex il-bieb għall-patt tal-Liġi, li ilu jeżisti sekli sħaħ. Allura bilfors qed jgħid li n-nagħaġ li hu ‘joħroġ barra’ se jidħlu f’maqjel ieħor. X’se jkun ir-riżultat?
Ġesù jkompli jispjega l-irwol tiegħu billi jgħid: “Jien ġejt biex ikollhom il-ħajja, ħajja bl-abbundanza. Jien ir-ragħaj mill-aħjar; ir-ragħaj mill-aħjar jagħti ruħu għan-nagħaġ.” (Ġwanni 10:10, 11) Qabel Ġesù kien farraġ lid-dixxipli tiegħu b’dan il-kliem: “Tibżgħux, merħla żgħira, għax Missierkom approva li jagħtikom is-saltna.” (Luqa 12:32) Tabilħaqq, dawk li jifformaw il-‘merħla ż-żgħira’ huma l-uħud li Ġesù se jiħodhom f’maqjel ġdid, “biex ikollhom il-ħajja, ħajja bl-abbundanza.” X’barka li tkun parti minn din il-merħla!
Imma Ġesù ma jiqafx hawnhekk. Hu josserva: “Għandi nagħaġ oħrajn, li m’humiex minn dan il-maqjel; lil dawn ukoll irrid inġibhom, u jisimgħu leħni, u jsiru merħla waħda, ragħaj wieħed.” Ġwanni 10:16) Dawn in-“nagħaġ oħrajn” “m’humiex minn dan il-maqjel.” Għalhekk, dawn bilfors li huma minn maqjel ieħor, differenti mill-‘merħla ż-żgħira’ li se tiret is-Saltna. Dawn iż-żewġt imqawel tan-nagħaġ għandhom tamiet differenti. Xorta waħda, in-nagħaġ fiż-żewġt imqawel se jibbenefikaw mill-irwol taʼ Ġesù. Hu jgħid: “Għalhekk iħobbni l-Missier, għax nagħti ruħi.”—Ġwanni 10:17.
(Ħafna minn dawk fil-folla jwieġbu: “Għandu demonju u hu miġnun.” Iżda oħrajn juru li qed jinteressaw ruħhom f’dak li qed jgħid u jixtiequ jsegwu lir-Ragħaj mill-Aħjar. Huma jgħidu: “Dan mhux il-kliem taʼ raġel maħkum minn demonju. Demonju ma jistax jiftaħ għajnejn l-għomja, hux hekk?” (Ġwanni 10:20, 21) Milli jidher qed jirreferu għal meta Ġesù fejjaq lir-raġel li twieled agħma.