KAPITLU 58
Ikattar il-ħobż u jwissi dwar il-ħmira
MATTEW 15:32–16:12 MARKU 8:1-21
-
ĠESÙ JITMAʼ LIL 4,000 RAĠEL
-
IWISSI DWAR IL-ĦMIRA TAL-FARIŻEJ
Folol kbar inġabru ħdejn Ġesù fir-reġjun tad-Dekapoli, fuq in-naħa tal-Lvant tal-Baħar tal-Galilija. Huma ġew biex jisimgħuh jitkellem u biex jiġu mfejqin; magħhom ġabu qfief kbar bil-provvisti.
Madankollu, wara ftit jiem, Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu: “Nitħassarhom lil dawn in-nies, għax diġà ilhom tlett ijiem ħdejja u m’għandhom xejn x’jieklu; u li kieku kelli nibgħathom lejn darhom sajmin, iħosshom ħażin fit-triq. Tabilħaqq, xi wħud minnhom ġew mill-bogħod.” Id-dixxipli jistaqsu: “F’dan il-post imwarrab minfejn jistaʼ xi ħadd ixebbaʼ lil dawn in-nies bil-ħobż?”—Marku 8:2-4.
Ġesù jwiġibhom billi jgħid: “Kemm għandkom ħobż?” Id-dixxipli jgħidu: “Sebgħa, u ftit ħut żgħir.” (Mattew 15:34) Imbagħad Ġesù jqabbad lin-nies joqogħdu bilqiegħda mal-art. Hu jieħu l-ħobż u l-ħut, jitlob lil Alla, u jagħtihom lid-dixxipli tiegħu biex iqassmuhom. Ħaġa tal-għaġeb hi li lkoll jieklu sa ma jixbgħu. Il-fdalijiet li jinġabru jimlew sebat iqfief kbar tal-provvisti, avolja kielu madwar 4,000 raġel, minbarra n-nisa u t-tfal!
Wara li Ġesù jibgħat lill-folol, hu u d-dixxipli jitilgħu f’dgħajsa u jaqsmu sa Magadan, fuq ix-xatt tal-Punent tal-Baħar tal-Galilija. Hawnhekk, xi Fariżej flimkien maʼ xi wħud mis-setta tas-Sadduċej jipprovaw jgħaddu lil Ġesù minn prova, billi jitolbuh jurihom xi sinjal mis-sema.
Peress li jirrikonoxxi x’inhuma l-motivi tagħhom, Ġesù jwieġeb: “Meta jasal fil-għaxija intom imdorrijin tgħidu, ‘Se jkun temp sabiħ, għax is-sema aħmar nar’; u fil-għodu, ‘Se jkun temp ikrah u bix-xita llum, għax is-sema aħmar nar, imma mdallam.’ Intom tafu tinterpretaw id-dehra tas-sema imma ma tafux tinterpretaw is-sinjali taż-żminijiet.” (Mattew 16:2, 3) Imbagħad Ġesù jgħid lill-Fariżej u s-Sadduċej li mhu se jingħatalhom ebda sinjal ħlief dak taʼ Ġona.
Ġesù u d-dixxipli tiegħu jitilgħu f’dgħajsa u jerħulha lejn Betsajda li qiegħda n-naħa tal-Grigal tal-baħar. Huma u sejrin, id-dixxipli jindunaw li nsew iġibu biżżejjed ħobż magħhom. Għandhom biss ħobża waħda. Ġesù għad għandu f’moħħu l-aħħar darba li kellem lill-Fariżej u s-Sadduċej, li jappoġġaw lil Erodi. Għalhekk, Ġesù jwissi: “Żommu għajnejkom miftuħin, oqogħdu attenti mill-ħmira tal-Fariżej u mill-ħmira t’Erodi.” Id-dixxipli b’mod żbaljat jaħsbu li qed isemmi l-ħmira għax insew iġibu l-ħobż. Ġesù jinduna bil-ħsieb żbaljat tagħhom u jgħid: “Għala qed targumentaw għax m’għandkomx ħobż?”—Marku 8:15-17.
Ġesù lanqas ilu xejn li pprovda ħobż għal eluf taʼ nies. Allura d-dixxipli jmisshom jafu li hu mhuwiex inkwetat dwar in-nuqqas taʼ ħobż letterali. “Ma tiftakrux,” hu jistaqsi, “meta qsamt il-ħames ħobżiet għall-ħamest elef raġel, kemm-il qoffa mimlija bċejjeċ ġbartu?” Huma Marku 8:18-20.
jwieġbu: “Tnax.” Ġesù jkompli: “Meta qsamt is-sebgħa għall-erbat elef raġel, kemm-il qoffa mimlija bċejjeċ ġbartu?” Huma jwiġbuh: “Sebgħa.”—Ġesù jistaqsi: “Kif m’intomx qed tindunaw li ma kellimtkomx dwar il-ħobż?” Hu jżid jgħid: “Oqogħdu attenti mill-ħmira tal-Fariżej u s-Sadduċej.”—Mattew 16:11.
Sa fl-aħħar, id-dixxipli jifhmu l-punt tiegħu. Il-ħmira tintuża biex xi ħaġa tiffermenta u biex il-ħobż jogħla. Ġesù hawnhekk qed juża l-ħmira bħala simbolu taʼ korruzzjoni. Hu qed iwissi lid-dixxipli biex joqogħdu b’sebaʼ għajnejn għat-“tagħlim tal-Fariżej u s-Sadduċej,” li hu taʼ ħsara.—Mattew 16:12.