KAPITLU 57
Ġesù jfejjaq lil tifla u lil raġel trux
MATTEW 15:21-31 MARKU 7:24-37
-
ĠESÙ JFEJJAQ LIL BINT MARA MILL-FENIĊJA
-
IFEJJAQ LIL RAĠEL TRUX U MUTU
Wara li kkundanna lill-Fariżej għat-tradizzjonijiet egoistiċi tagħhom, Ġesù jitlaq mad-dixxipli tiegħu. Hu jerħilha lejn ir-reġjun taʼ Tir u Sidon fil-Feniċja, ħafna kilometri lejn il-Majjistral.
Ġesù jsib dar fejn joqgħod imma ma jridx li n-nies ikunu jafu li qiegħed hemm. Però, lanqas hawnhekk ma jistaʼ jaħrab l-attenzjoni tan-nies. Mara taʼ dixxendenza Griega li twieldet f’dawn l-inħawi ssib lil Ġesù u tibda titolbu bil-ħrara: “Ikollok ħniena minni, Mulej, Bin David. Binti maħkuma bl-ikrah minn demonju.”—Mattew 15:22; Marku 7:26.
Wara ftit, id-dixxipli taʼ Ġesù jħeġġuh: “Ibgħatha ’l hemm; għax se tibqaʼ tgħajjat warajna.” Bħala tweġiba, Ġesù jispjega għala qed jinjoraha: “Kont mibgħut biss għan-nagħaġ mitlufin taʼ dar Israel.” Iżda l-mara ma taqtax qalbha. Hi tersaq lejn Ġesù, tmil quddiemu, u bil-ħniena titolbu: “Mulej, għinni!”—Mattew 15:23-25.
Milli jidher biex jgħaddi l-fidi tagħha minn prova, Ġesù jirreferi għall-ħarsa negattiva li għandhom il-Lhud lejn nies taʼ nazzjonalitajiet oħrajn: “Mhux sewwa li tieħu l-ħobż tat-tfal u titfgħu lill-ġriewi.” (Mattew 15:26) Billi jsemmi “l-ġriewi,” Ġesù juri s-sentimenti teneri tiegħu lejn dawk li mhumiex Lhud. L-espressjoni taʼ wiċċu u t-ton ħelu taʼ leħnu żgur li juru dawn is-sentimenti wkoll.
Minflok ma tieħu għaliha, il-mara tinduna li qed jirreferi għall-preġudizzji tal-Lhud u b’umiltà tgħid: “Iva, Mulej; imma fil-fatt il-ġriewi wkoll jieklu mill-frak li jaqaʼ mill-mejda tas-sidien tagħhom.” Ġesù jirrikonoxxi l-kundizzjoni tajba taʼ qalbha u jgħid: “O mara, kbira hi l-fidi tiegħek; ħa jkunlek kif tixtieq.” (Mattew 15:27, 28) U hekk jiġri, avolja t-tifla mhijiex hemmhekk magħhom! Meta l-mara tasal lura d-dar, hi ssib lil bintha mimduda fuq is-sodda, imfejqa għalkollox—“id-demonju kien ħareġ minnha”!—Marku 7:30.
Mir-reġjun tal-Feniċja, Ġesù u d-dixxipli tiegħu jerħulha lejn in-naħa taʼ fuq tax-Xmara Ġordan. Milli jidher jaqsmu l-Ġordan xi mkien lejn it-Tramuntana tal-Baħar tal-Galilija u jidħlu fir-reġjun tad-Dekapoli. Hemmhekk, huma jitilgħu fuq muntanja, imma l-folol isibuhom. In-nies iġibu z-zopop, l-immankati, l-għomja, u l-muti għand Ġesù. Huma jqiegħdu lil dawn il-morda f’riġlejn Ġesù u hu jfejjaqhom. Mistagħġbin, in-nies jigglorifikaw lill-Alla t’Iżrael.
Ġesù jagħti attenzjoni speċjali lil wieħed raġel li hu trux u li għandu problema biex jitkellem. Tistaʼ timmaġina kif żgur iħossu f’folla kbira! Forsi peress li jinnota kemm hu ansjuż dan ir-raġel, Ġesù jressqu lil hinn mill-folla. Meta jkunu waħedhom, Ġesù jurih x’se jagħmillu. Idaħħal subgħajh f’widnejn ir-raġel u, wara li jobżoq, imisslu lsienu. Imbagħad waqt li jħares lejn is-sema, Ġesù jlissen espressjoni Semitika li tfisser “Infetaħ.” Wara dan, ir-raġel jibda jismaʼ, u jistaʼ jitkellem normali. Ġesù ma jridx li dak li għamel jixxandar maʼ kullimkien, hu jippreferi li n-nies jemmnu fih minħabba dak li jaraw u jisimgħu personalment.—Marku 7:32-36.
Il-qawwa li għandu Ġesù biex iwettaq fejqan bħal dan tħalli effett kbir fuq dawk li josservawh, u dawn ‘jibqgħu mibluhin u mgħaġġbin għall-aħħar.’ Huma jgħidu: “Kollox għamel sew. Saħansitra lit-torox iġibhom jisimgħu u lill-muti jitkellmu.”—Marku 7:37.