KAPITLU 61
Ġesù jfejjaq lil tifel maħkum minn demonju
MATTEW 17:14-20 MARKU 9:14-29 LUQA 9:37-43
-
FIDI SODA MEĦTIEĠA BIEX JITFEJJAQ TIFEL MAĦKUM MINN DEMONJU
Meta Ġesù, Pietru, Ġakbu, u Ġwanni jinżlu minn fuq il-muntanja jaraw folla kbira. Inqalaʼ xi ħaġa. Imdawrin mad-dixxipli hemm xi skribi jargumentaw magħhom. In-nies mhux qed jistennew li jaraw lil Ġesù, u għalhekk imorru jiġru biex jilqgħuh. “Fuqiex qed targumentaw magħhom?” jistaqsi hu.—Marku 9:16.
Raġel mill-folla jinżel għarkopptejh quddiem Ġesù u jispjega: “Għalliem, ġibtlek lil ibni għax għandu spirtu mutu; u kulfejn jaħkmu jsabbtu maʼ l-art, u t-tifel jibda joħroġ ir-ragħwa minn ħalqu u jgħażżaż snienu u jiġi bla saħħa. U għedt lid-dixxipli tiegħek biex ikeċċuh [jiġifieri, lid-demonju], imma ma setgħux.”—Marku 9:17, 18.
Milli jidher l-iskribi qed jikkritikaw lid-dixxipli peress li ma rnexxilhomx ifejqu lit-tifel, forsi billi jwaqqgħu għaċ-ċajt l-isforzi tagħhom. Allura minflok ma jwieġeb lill-missier inkwetat, Ġesù jkellem lill-folla u jgħid: “Ja ġenerazzjoni bla fidi u mgħawġa, kemm irrid indum magħkom? Kemm ħa ndum nissaportikom?” Dan il-kliem iebes żgur japplika għall-iskribi li lid-dixxipli tiegħu kienu qed jagħmlulhom il-bsaten fir-roti meta hu ma kienx hemm. Ġesù jħares lejn il-missier imnikket u jgħid: “Ġibuhuli hawn.”—Mattew 17:17.
Hekk kif it-tifel jersaq lejn Ġesù, id-demonju li qed jaħkmu jwaqqgħu fl-art u jqabbdu aċċessjoni qawwija. It-tifel jibqaʼ jitmiegħek mal-art bir-ragħwa ħierġa minn ħalqu. Ġesù jistaqsi lill-missier: “Kemm ilu jiġrilu hekk?” Hu jwieġbu: “Minn ċkunitu; u sikwit jitfgħu kemm fin-nar kif ukoll fl-ilma biex jeqirdu.” Ir-raġel jitolbu bil-ħrara: “Jekk tistaʼ tagħmel xi ħaġa, ikollok ħniena minna u għinna.”—Marku 9:21, 22.
Il-missier ma jafx fejn se jaqbad jagħti rasu Marku 9:23, 24.
għax lanqas id-dixxipli taʼ Ġesù ma rnexxielhom jgħinuh. Ġesù jwieġeb it-talba ddisprata tar-raġel billi jagħtih din l-assiguranza inkuraġġanti: “Dak li għedt, ‘Jekk tistaʼ’! Kollox jistaʼ jkun għal min ikollu l-fidi.” Il-missier minnufih jgħajjat: “Jien għandi fidi! Għinni fejn neħtieġ il-fidi!”—Ġesù jilmaħ il-folla tiġri lejh. B’dawn in-nies kollha jħarsu, Ġesù jċanfar lid-demonju: “Ja spirtu mutu u trux, nordnalek, oħroġ minn ġo fih u tidħolx fih iżjed.” Hu u ħiereġ, id-demonju jġiegħel lit-tifel jgħajjat u jqabbdu ħafna aċċessjonijiet. Imbagħad it-tifel jibqaʼ mimdud bla ma jiċċaqlaq. Xħin jaraw hekk, ħafna nies jgħidu: “Miet!” (Marku 9:25, 26) Imma meta Ġesù jaqbad id it-tifel, hu jqum u ‘jfiq dak il-ħin stess.’ (Mattew 17:18) In-nies mhux taʼ b’xejn jibqgħu mistagħġbin b’dak li qed jagħmel Ġesù!
Qabel, meta Ġesù kien bagħat lid-dixxipli biex jippritkaw, huma setgħu jkeċċu lid-demonji. Allura issa, meta jkunu waħedhom ġo dar, huma jistaqsuh: “Għala ma stajniex inkeċċuh?” Ġesù jispjega li kien minħabba n-nuqqas taʼ fidi tagħhom u jgħid: “Dan it-tip b’xejn ma jistaʼ joħroġ ħlief bit-talb.” (Marku 9:28, 29) Biex jitkeċċa d-demonju setgħan, kien hemm bżonn taʼ fidi soda flimkien maʼ talb għall-għajnuna t’Alla li tagħti l-qawwa.
Ġesù jikkonkludi: “Tassew ngħidilkom, Jekk ikollkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, tgħidu lil din il-muntanja, ‘Inqalaʼ minn hawn u mur hemm,’ u din tmur, u xejn ma jkun impossibbli għalikom.” (Mattew 17:20) X’qawwa jistaʼ jkollha l-fidi!
Ostakli u diffikultajiet li jfixklu l-progress fis-servizz taʼ Ġeħova forsi jidhru li ma jistgħux jingħelbu jew jitneħħew, bħal xi muntanja letterali. Però, jekk nikkultivaw il-fidi, aħna nistgħu negħlbu dawn l-ostakli u diffikultajiet li qishom muntanji.