KAPITLU 36
Ċenturjun juri fidi kbira
-
L-ILSIR TAʼ FIZZJAL TAL-ARMATA JIĠI MFEJJAQ
-
DAWK BIL-FIDI SE JITBIERKU
Wara li jagħmel il-Prietka taʼ fuq il-Muntanja, Ġesù jmur fil-belt taʼ Kafarnahum. Hawnhekk xi xjuħ Lhud jersqu lejh. Huma ntbagħtu minn raġel taʼ nazzjonalità differenti—fizzjal tal-armata Ruman, ċenturjun.
L-ilsir maħbub tal-fizzjal tal-armata hu marid serjament u wasal biex imut. Għalkemm iċ-ċenturjun mhuwiex Lhudi, hu qed jitlob l-għajnuna taʼ Ġesù. Il-Lhud jgħidu lil Ġesù li l-qaddej tar-raġel “jinsab mixħut id-dar bil-paralisi u hu muġugħ ħafna.” (Mattew 8:6) Ix-xjuħ Lhud jaċċertaw lil Ġesù li dan iċ-ċenturjun jistħoqqlu li jingħata din l-għajnuna billi jgħidu: “Iħobb lil ġensna u kien hu li bnielna s-sinagoga.”—Luqa 7:4, 5.
Ġesù ma jdumx ma jerħilha max-xjuħ lejn id-dar tal-fizzjali tal-armata. Hekk kif joqorbu lejha, il-fizzjal jibgħat lil xi ħbieb biex jgħidu: “Sinjur, toqgħodx tinqalaʼ, għax ma jistħoqqlix li nġibek taħt is-saqaf tiegħi. Kien għalhekk li ma ħassejtnix denju li niġi għandek.” (Luqa 7:6, 7) X’espressjoni umli mingħand xi ħadd li hu mdorri jagħti l-ordnijiet! Turi wkoll kemm dan ir-raġel hu differenti minn dawk ir-Rumani li jittrattaw lill-ilsiera bl-aħrax.—Mattew 8:9.
Iċ-ċenturjun bla dubju jaf li l-Lhud jevitaw li jissieħbu maʼ dawk li mhumiex Lhud. (Atti 10:28) Forsi b’dan il-ħsieb f’moħħu, il-fizzjal jgħid lil ħbiebu biex lil Ġesù jgħidulu: “Għid il-kelma, u l-qaddej tiegħi jfiq.”—Luqa 7:7.
Ġesù jistagħġeb meta jismaʼ dan u jgħid: “Ngħidilkom, Lanqas saħansitra f’Israel ma sibt fidi daqshekk kbira.” (Luqa 7:9) Xħin imorru lura d-dar taċ-ċenturjun, il-ħbieb tiegħu jiskopru li l-ilsir li kien tant marid issa jbigħ is-saħħa.
Wara li Ġesù jagħmel dan il-fejqan, hu juża din l-okkażjoni biex jikkonferma li wħud li mhumiex Lhud imma li għandhom il-fidi se jitbierku, hu jgħid: “Se jiġu ħafna mil-lvant u mill-punent u joqogħdu mal-mejda m’Abraham u Iżakk u Ġakobb fis-saltna tas-smewwiet.” Xi ngħidu għal-Lhud li m’għandhomx fidi? Ġesù jgħid li dawn “se jintefgħu fid-dlam taʼ barra. Hemmhekk se jibku u jgħażżu snienhom.”—Mattew 8:11, 12.
Għalhekk, il-Lhud naturali li ma jaċċettawx l-opportunità li ġiet offruta lilhom l-ewwel biex ikunu parti mis-Saltna maʼ Kristu se jiġu miċħudin. Imma l-Ġentili se jiġu milqugħin biex joqogħdu mal-mejda tiegħu, biex ngħidu hekk, “fis-saltna tas-smewwiet.”