KAPITLU 128
Kemm Pilatu kif ukoll Erodi jsibuh innoċenti
MATTEW 27:12-14, 18, 19 MARKU 15:2-5 LUQA 23:4-16 ĠWANNI 18:36-38
-
ĠESÙ JIĠI INTERROGAT MINN PILATU U MINN ERODI
Ġesù ma jipprovax jaħbi minn Pilatu l-fatt li hu verament sultan. Xorta waħda, is-Saltna tiegħu mhijiex taʼ theddida għal Ruma. “Is-saltna tiegħi mhix parti minn din id-dinja,” jgħid Ġesù. “Kieku s-saltna tiegħi kienet parti minn din id-dinja, il-qaddejja tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-Lhud. Imma, tabilħaqq, is-saltna tiegħi mhix ġejja minn hawn.” (Ġwanni 18:36) Iva, Ġesù għandu Saltna, imma mhijiex taʼ din id-dinja.
Pilatu ma jiqafx hawn. Hu jistaqsi: “Allura int sultan?” Ġesù juri lil Pilatu li wasal għall-konklużjoni t-tajba billi jwieġbu: “Int stess qed tgħid li jien sultan. Għal dan jien twilidt, u għal dan ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità. Kulmin qiegħed fuq in-naħa tal-verità jismaʼ leħni.”—Ġwanni 18:37.
Ġesù iktar qabel kien qal lil Tumas: “Jien it-triq, il-verità, u l-ħajja.” Issa anki Pilatu jismaʼ li Ġesù ntbagħat fuq l-art biex jixhed għall-“verità,” speċifikament il-verità dwar Saltnatu. Ġesù hu determinat li jkun leali lejn din il-verità anki jekk tiswielu ħajtu. Pilatu jistaqsi: “X’inhi l-verità?” imma ma jistenniex risposta. Hu jħoss li semaʼ biżżejjed biex jiġġudika lil dan ir-raġel.—Ġwanni 14:6; 18:38.
Pilatu jerġaʼ joħroġ ħdejn il-folla li qed tistenna quddiem il-palazz. Ġesù milli jidher qiegħed maġenbu meta jgħid lill-qassisin ewlenin u lil dawk li hemm magħhom: “Ma nsib ebda ħtija f’dan ir-raġel.” Irrabjata b’din id-deċiżjoni, il-folla tinsisti: “Hu jxewwex lin-nies bit-tagħlim tiegħu fil-Lhudija kollha, beda saħansitra mill-Galilija s’hawnhekk.”—Luqa 23:4, 5.
L-irraġunar estrem u bla bażi tal-Lhud bilfors li jħalli lil Pilatu mbellah. Hekk kif il-qassisin ewlenin u x-xjuħ ikomplu jgħajtu, Pilatu jistaqsi lil Ġesù: “M’intix tismaʼ kemm qed jixhdu affarijiet kontrik?” (Mattew 27:13) Ġesù ma jipprovax jagħti risposta. Il-fatt li jibqaʼ kalm minkejja l-akkużi ħorox jissorprendi lil Pilatu.
Il-Lhud indikaw li Ġesù kien ‘beda mill-Galilija.’ Minn dan il-ħjiel, Pilatu jsir jaf li Ġesù hu, fil-fatt, Galilew. Dan, lil Pilatu jagħtih idea dwar kif forsi jistaʼ jeħles mir-responsabbiltà li jiġġudika lil Ġesù. Erodi Antipa (bin Erodi l-Kbir) hu l-ħakkiem tal-Galilija, u hu qiegħed Ġerusalemm waqt il-Qbiż. Allura Pilatu jibgħat lil Ġesù għand Erodi. Erodi Antipa kien dak li ordna l-qtugħ taʼ ras Ġwanni l-Battista. Iktar tard, meta semaʼ li Ġesù kien qed iwettaq għemejjel mirakolużi, Erodi kien inkwetat li Ġesù forsi kien Ġwanni mqajjem mill-mewt.—Luqa 9:7-9.
Erodi issa jifraħ bil-prospett li jara lil Ġesù. Dan mhux għax jixtieq jgħin lil Ġesù jew għax irid jipprova jsir jaf jekk l-akkużi li qed iġibu kontrih humiex validi. Erodi sempliċement hu kurjuż, u hu qed “jittama li jarah iwettaq xi sinjal.” (Luqa 23:8) Madankollu, Ġesù ma jaqtax il-kurżità taʼ Erodi. Infatti, hekk kif Erodi jinterrogah, Ġesù ma jgħid xejn. Diżappuntati, kemm Erodi kif ukoll is-suldati tiegħu ‘jżebilħu’ lil Ġesù. (Luqa 23:11) Huma jlibbsulu libsa taʼ kulur jgħajjat u jiżżuffjettaw bih. Imbagħad Erodi jibgħat lil Ġesù lura għand Pilatu. Erodi u Pilatu ilhom għedewwa, imma issa jsiru ħbieb kbar.
Meta Ġesù jerġaʼ lura, Pilatu jsejjaħ flimkien lill-qassisin ewlenin, lill-ħakkiema Lhud, u lin-nies u jgħid: “Jien interrogajtu quddiemkom imma fih ma sibt ebda bażi għall-akkużi li qed iġġibu kontrih. Fil-fatt, lanqas Erodi, għax bagħtu lura għandna; u, ara, hu m’għamel xejn li jistħoqqlu l-mewt. Għalhekk, nikkastigah bis-swat u nitilqu.”—Luqa 23:14-16.
Pilatu għandu ġenn biex jeħles lil Ġesù, għax hu jirrealizza li l-qassisin qed jagħmlulu hekk għax jgħiru għalih. Hekk kif Pilatu jipprova jeħles lil Ġesù, hu jingħata raġuni akbar biex jagħmel dan. Waqt li qiegħed fuq it-tron tal-ġudizzju tiegħu, martu tibgħat tgħidlu: “Qis li ma jkollokx x’taqsam maʼ dak ir-raġel sewwa, għax batejt ħafna llum f’ħolma [li milli jidher kienet ġejja mingħand Alla] minħabba fih.”—Pilatu kif jistaʼ jeħles lil dan ir-raġel innoċenti, kif imissu jagħmel?