KAPITLU 102
Is-Sultan jidħol Ġerusalemm fuq felu
MATTEW 21:1-11, 14-17 MARKU 11:1-11 LUQA 19:29-44 ĠWANNI 12:12-19
-
ĠESÙ JIDĦOL ĠERUSALEMM B’MOD TRIJONFANTI
-
TITBASSAR IL-QERDA TAʼ ĠERUSALEMM
L-għada, il-Ħadd, 9 taʼ Nisan, Ġesù jitlaq minn Betanja mad-dixxipli tiegħu u jerħilha lejn Ġerusalemm. Hekk kif jaslu ħdejn Betfaġe, fuq il-Muntanja taż-Żebbuġ, jgħid lil tnejn mid-dixxipli tiegħu:
“Morru fir-raħal li qed taraw quddiemkom, u mill-ewwel issibu ħmara marbuta, u felu magħha; ħolluhom u ġibuhomli. U jekk xi ħadd ikellimkom, għidulu, ‘Il-Mulej għandu bżonnhom.’ Malli tgħidulu hekk, jibgħathom minnufih.”—Mattew 21:2, 3.
Id-dixxipli ma jindunawx li l-istruzzjonijiet taʼ Ġesù huma parti minn profezija Biblika. Madankollu, iktar tard huma jifhmu t-twettiq tal-profezija taʼ Żakkarija. Hu bassar li s-Sultan imwiegħed t’Alla kien se jidħol Ġerusalemm “umli, u riekeb fuq ħmar, saħansitra fuq wild taʼ ħmara.”—Żakkarija 9:9.
Meta d-dixxipli jidħlu Betfaġe u jieħdu ’l-felu u ’l ommu, xi nies li hemm fil-viċin jistaqsu: “Għalfejn qed tħollu l-felu?” (Marku 11:5) Imma meta jgħidulhom li l-annimali huma għall-Mulej, iħallu lid-dixxipli jiħduhom għand Ġesù. Id-dixxipli jpoġġu l-imnatar tagħhom fuq il-ħmara u fuq il-felu tagħha, imma Ġesù jitlaʼ fuq il-felu.
Il-folla tikber hekk kif Ġesù jersaq lejn Ġerusalemm. Ħafna jifirxu l-imnatar tagħhom fit-triq. Oħrajn jaqtgħu friegħi mis-siġar jew “friegħi bil-weraq mill-għelieqi” u jifirxuhom mal-art. Huma jgħajtu: “Salva, nitolbuk! Imbierek dak li jiġi f’isem Ġeħova! Imbierka s-saltna li ġejja taʼ David missierna!” (Marku 11:8-10) Il-Fariżej li hemm fil-folla ma jiħdux pjaċir b’dan il-kliem. Huma jgħidu lil Ġesù: “Għalliem, ċanfar lid-dixxipli tiegħek.” Ġesù jwiġibhom: “Ngħidilkom, Kieku dawn baqgħu siekta, kien jgħajjat il-ġebel.”—Luqa 19:39, 40.
Hekk kif Ġesù jħares lejn Ġerusalemm, hu jibda jibki u jgħid: “Kieku int, iva int, għaraft f’dan il-jum dak li jwassal għall-paċi—imma issa nħeba minn għajnejk.” Ġerusalemm se tħallas qares minħabba d-diżubbidjenza apposta tagħha. Ġesù jbassar: “L-għedewwa tiegħek jibnu madwarek ħajt bi zkuk ippontati u jdawruk u jnikktuk minn kull naħa, u jsabbtu maʼ l-art lilek u lil uliedek li hemm fik, u ma jħallux fik ġebla fuq oħra.” (Luqa 19:42-44) Kliem Ġesù jitwettaq meta Ġerusalemm tinqered fis-sena 70 WK.
Meta Ġesù jidħol Ġerusalemm, ‘tqum għagħa kbira fil-belt kollha u n-nies jibdew jgħidu: “Dan min hu?”’ U l-folol jibqgħu jgħidu: “Dan hu Ġesù, il-profeta minn Nazaret tal-Galilija!” (Mattew 21:10, 11) Dawk fil-folla li kienu raw lil Ġesù jqajjem lil Lazzru mill-mewt jgħidu lil oħrajn dwar dan il-miraklu. Il-Fariżej jilmentaw li mhuma se jaslu mkien. Jgħidu lil xulxin: “Id-dinja kollha marret warajh!”—Ġwanni 12:18, 19.
Bħalma hi d-drawwa tiegħu meta jkun Ġerusalemm, Ġesù jmur fit-tempju biex jgħallem. Hemmhekk ifejjaq lill-għomja u liz-zopop. Meta l-qassisin ewlenin u l-iskribi jaraw x’qed jagħmel u jisimgħu lis-subien fit-tempju jgħajtu, “Salva, nitolbuk, lil Bin David!” tgħidx kemm jirrabjaw. Il-mexxejja reliġjużi jistaqsu lil Ġesù: “Qed tismaʼ x’qed jgħidu dawn?” Hu jwiġibhom: “Qatt ma qrajtuh dan, ‘Minn fomm iċ-ċkejknin u t-trabi tal-ħalib int ipprovdejt it-tifħir’?”—Mattew 21:15, 16.
Ġesù jħares lejn l-affarijiet kollha taʼ madwaru fit-tempju. Issa sar il-ħin, allura jitlaq mal-appostli. Qabel ma tibda l-ġurnata tal-10 taʼ Nisan, hu jmur lura Betanja u jqattaʼ l-lejl tal-Ħadd hemmhekk.