Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 125

Ġesù jittieħed għand Anna, imbagħad għand Kajfa

Ġesù jittieħed għand Anna, imbagħad għand Kajfa

MATTEW 26:57-​68 MARKU 14:53-​65 LUQA 22:54, 63-​65 ĠWANNI 18:13, 14, 19-​24

  • ĠESÙ JITTIEĦED GĦAND ANNA, DAK LI QABEL KIEN IL-​QASSIS IL-​KBIR

  • JILTAQAʼ S-​SINEDRIJU GĦAL ĠURI ILLEGALI

Xħin Ġesù jkun marbut bħala kriminal komuni, hu jittieħed għand Anna, li kien il-​qassis il-​kbir meta Ġesù kien għaġġeb lill-​għalliema fit-​tempju bħala żagħżugħ. (Luqa 2:42, 47) Uħud mill-​ulied t’Anna kienu qdew bħala l-​qassis il-​kbir warajh, u issa Kajfa, ir-​raġel taʼ bintu, għandu din il-​kariga.

Waqt li Ġesù qiegħed fid-​dar t’Anna, Kajfa għandu biżżejjed ħin biex ilaqqaʼ s-​Sinedriju. Din il-​qorti taʼ 71 membru tinkludi l-​qassis il-​kbir u oħrajn li kellhom din il-​kariga fil-​passat.

Anna jistaqsi lil Ġesù “dwar id-​dixxipli tiegħu u dwar it-​tagħlim tiegħu.” Ġesù sempliċement jgħid: “Jien kellimt lid-​dinja pubblikament. Dejjem għallimt f’xi sinagoga u fit-​tempju, fejn il-​Lhud kollha jiltaqgħu flimkien; u m’għedt xejn bil-​moħbi. Għala qed tistaqsi lili? Staqsi lil dawk li semgħu dak li għedtilhom.”—Ġwanni 18:19-​21.

Uffiċjal li qiegħed fil-​qrib jagħti lil Ġesù daqqa taʼ ħarta u b’disprezz jgħidlu: “Hekk twieġbu int lill-​qassis ewlieni?” Imma Ġesù, billi jaf li m’għamel xejn ħażin, jgħid: “Jekk għedt xi ħaġa ħażina, ixhed dwar il-​ħażin; imma jekk tkellimt sewwa, għala tagħtini bil-​ħarta?” (Ġwanni 18:22, 23) Anna mbagħad jordna li Ġesù jittieħed għand Kajfa, ir-​raġel taʼ bintu.

S’issa laħqu ltaqgħu flimkien dawk li jifformaw is-​Sinedriju—il-​qassis il-​kbir, ix-​xjuħ tal-​poplu, u l-​iskribi. Huma jinġabru fid-​dar taʼ Kajfa. Mhuwiex legali li jgħaddu lil xi ħadd ġuri fil-​lejla tal-​Qbiż, imma dan ma jwaqqafhomx milli jipprovaw jilħqu l-​iskop mill-​agħar tagħhom.

Dan il-​grupp mhuwiex xi wieħed imparzjali. Wara li Ġesù rxoxta lil Lazzru, is-​Sinedriju ddeċieda li Ġesù għandu jmut. (Ġwanni 11:47-​53) U ftit jiem ilu biss, il-​mexxejja reliġjużi kkonfoffaw biex jaħtfu lil Ġesù u joqtluh. (Mattew 26:3, 4) Iva, saħansitra qabel ma jibda l-​ġuri tiegħu, lil Ġesù diġà qatgħuhielu għall-​mewt!

Minbarra li ltaqgħu illegalment, il-​qassisin ewlenin u oħrajn mis-​Sinedriju qed jipprovaw isibu xhieda biex iġibu akkużi foloz kontra Ġesù. Isibu ħafna xhieda, imma dawn ma jaqblux bejniethom. Fl-​aħħar, jiġu tnejn u jgħidu: “Smajnieh jgħid, ‘Se nġarraf dan it-​tempju li kien magħmul bl-​idejn u fi tlett ijiem nibni ieħor mhux magħmul bl-​idejn.’” (Marku 14:58) Iżda lanqas dawn l-​irġiel ma jaqblu għalkollox.

Kajfa jistaqsi lil Ġesù: “Ma twieġeb xejn? X’qed jixhdu dawn kontrik?” (Marku 14:60) Ġesù jibqaʼ sieket minkejja dawn l-​akkużi foloz taʼ xhieda li ma jaqblux bejniethom. Allura l-​Qassis il-​Kbir Kajfa jipprova juża tattika oħra.

Kajfa jaf li għal-​Lhud hija kwistjoni sensittiva jekk xi ħadd isostni li hu l-​Iben t’Alla. Iktar qabel, meta Ġesù kien qal li Alla hu Missieru, il-​Lhud riedu joqtluh għax huma qalu li kien qed “jagħmel lilu nnifsu ugwali m’Alla.” (Ġwanni 5:17, 18; 10:31-​39) Peress li jaf kif huma jħossuhom, Kajfa issa b’makakkerija jgħid lil Ġesù: “Inġiegħlek taħlef bl-​Alla l-​ħaj biex tgħidilna jekk intix il-​Kristu, Bin Alla!” (Mattew 26:63) M’għandniex xi ngħidu, Ġesù diġà għamel magħruf li hu l-​Iben t’Alla. (Ġwanni 3:18; 5:25; 11:4) Allura jekk ma jagħmilx hekk issa, jistaʼ jagħti l-​impressjoni li qed jiċħad li hu l-​Iben t’Alla u l-​Kristu. Għalhekk, Ġesù jgħid: “Jien hu; u intom se taraw lil Bin il-​bniedem bil-​qiegħda fuq il-​lemin tal-​qawwa u ġej mas-​sħab tas-​sema.”—Marku 14:62.

Xħin jismaʼ dan, Kajfa b’mod drammatiku jċarrat ħwejġu u jgħid: “Qed jidgħi! X’għandna bżonnhom iktar ix-​xhieda? Ara! Issa smajtuha d-​dagħwa. X’taħsbu?” Is-​Sinedriju jaqtgħu l-​kundanna b’mod inġust u jgħidu: “Ħaqqu l-​mewt.”—Mattew 26:65, 66.

Imbagħad jibdew iwaqqgħu lil Ġesù għaċ-​ċajt u jagħtuh bil-​ponn. Oħrajn jagħtuh daqqiet taʼ ħarta u jobżqulu f’wiċċu. Wara li jgħattulu wiċċu u jsawtuh, b’mod sarkastiku jgħidu: “Ipprofetizza. Min sawtek?” (Luqa 22:64) Hawn qed naraw lill-​Iben t’Alla jiġi trattat b’mod abbużiv waqt ġuri illegali billejl!