Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 12

Ġesù jitgħammed

Ġesù jitgħammed

MATTEW 3:13-​17 MARKU 1:9-​11 LUQA 3:21, 22 ĠWANNI 1:32-​34

  • ĠESÙ JITGĦAMMED U JIĠI MIDLUK

  • ĠEĦOVA JĦABBAR LI ĠESÙ HU IBNU

Xi sitt xhur wara li Ġwanni l-​Battista jibda jipprietka, Ġesù, li issa għandu madwar 30 sena, imur għandu ħdejn ix-​Xmara Ġordan. Għal xiex? Ġesù ma ġiex sempliċement biex jara lil ħabib tiegħu jew biex ikun jaf kif sejjer f’xogħlu. Le, Ġesù jmur għand Ġwanni ħalli jitolbu biex jgħammdu.

Nistgħu nifhmu għala Ġwanni joġġezzjona u jgħid: “Jien għandi bżonn nitgħammed minnek, u ġejt int għandi?” (Mattew 3:14) Ġwanni jaf li Ġesù hu l-​Iben speċjali t’Alla. Ftakar li meta kien għadu f’ġuf ommu, Ġwanni kien qabeż bil-​ferħ meta Marija, tqila b’Ġesù, kienet żaret lil omm Ġwanni, Eliżabetta. Bla dubju taʼ xejn, omm Ġwanni iktar tard qaltlu dwar dan. U hu żgur li sar jaf ukoll dwar meta l-​anġlu ħabbar it-​twelid taʼ Ġesù u dwar l-​anġli li dehru lil xi ragħajja fil-​lejla li fiha twieled Ġesù.

Ġwanni jifhem li l-​magħmudija li qed jagħmel hi għal dawk li qed jindmu minn dnubiethom. Imma Ġesù m’għandu ebda dnub. Minkejja l-​oġġezzjoni taʼ Ġwanni, Ġesù jinsisti: “Ħa jkun hekk din id-​darba, għax b’dan il-​mod hu xieraq biex nagħmlu kulma hu sewwa.”—Mattew 3:15.

Għala huwa xieraq li Ġesù jitgħammed? Ġesù mhux qed jitgħammed bħala simbolu li qed jindem mid-​dnubiet. Il-​magħmudija tiegħu turi li qed jippreżenta lilu nnifsu biex jagħmel ir-​rieda taʼ Missieru. (Ebrej 10:5-​7) Ġesù kien mastrudaxxa, imma issa wasal il-​waqt biex jibda l-​ministeru li Missieru tas-​sema bagħtu fuq l-​art biex jagħmel. Taħseb li Ġwanni qed jistenna li se tiġri xi ħaġa mhix tas-​soltu meta jgħammed lil Ġesù?

Ġwanni iktar tard jgħid: “Dak li bagħatni ngħammed fl-​ilma qalli, ‘Fuq min tara l-​ispirtu nieżel u jibqaʼ, dan hu li [se] jgħammed bl-​ispirtu qaddis.’” (Ġwanni 1:33) Allura Ġwanni qed jistenna li l-​ispirtu t’Alla se jinżel fuq xi ħadd li hu jgħammed. Għaldaqstant, xħin Ġesù jitlaʼ mill-​ilma, Ġwanni forsi ma jinħasadx meta jara “l-​ispirtu t’Alla nieżel bħal ħamiema u ġej fuq [Ġesù].”—Mattew 3:16.

Imma sseħħ xi ħaġa oħra fil-​magħmudija taʼ Ġesù. Hu jara ‘s-​smewwiet jinfetħu.’ Dan xi jfisser? X’aktarx ifisser li f’dak il-​ħin li Ġesù jitgħammed, tiġi lura l-​memorja tiegħu tal-​ħajja li kellu fis-​sema qabel ma sar bniedem. B’hekk, Ġesù issa jiftakar il-​ħajja tiegħu bħala iben spirtu taʼ Ġeħova, inkluż veritajiet li Alla għallmu fis-​sema qabel ma ġie fuq l-​art.

Barra minn hekk, fil-​magħmudija taʼ Ġesù nstemaʼ leħen mis-​semaʼ jiddikjara: “Dan hu Ibni, il-​maħbub, li lilu jien approvajt.” (Mattew 3:17) Dan il-​leħen taʼ min hu? Ma jistax ikun leħen Ġesù nnifsu; hu qiegħed hemm maʼ Ġwanni. Dan il-​leħen hu t’Alla. Jidher ċar li Ġesù hu l-​Iben t’Alla. Hu mhuwiex Alla nnifsu.

Taʼ min jinnota li Ġesù hu iben uman t’Alla, saħansitra bħalma kien l-​ewwel bniedem, Adam. Id-​dixxiplu Luqa, wara li jiddeskrivi l-​magħmudija taʼ Ġesù, jikteb: “Meta beda l-​ministeru tiegħu, Ġesù kellu madwar tletin sena, u kienu jqisuh bħala bin Ġużeppi, bin Għeli, . . . bin David, . . . bin Abraham, . . . bin Noè, . . . bin Adam, bin Alla.”—Luqa 3:23-​38.

Sewwasew bħalma Adam kien iben uman t’Alla, hekk ukoll Ġesù. Fil-​magħmudija tiegħu, Ġesù jidħol f’relazzjoni ġdida m’Alla, billi jsir l-​Iben spiritwali t’Alla. B’hekk, Ġesù qiegħed f’pożizzjoni li jgħallem il-​verità dwar Alla u juri t-​triq li twassal għall-​ħajja. Ġesù qed jaqbad triq li maż-​żmien se twasslu biex jagħti l-​ħajja umana tiegħu bħala sagrifiċċju għall-​umanità midinba.