Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 4

Għala nuru rispett lejn l-awtorità?

Għala nuru rispett lejn l-awtorità?

“Onoraw lil kull xorta taʼ bnedmin, ħobbu l-​fratellanza kollha, ibżgħu minn Alla, onoraw lis-​sultan.”—1 PIETRU 2:17.

1, 2. (a) Id-​direzzjoni taʼ min hemm bżonn li nobdu? (b) Liema mistoqsijiet se niddiskutu f’dan il-​kapitlu?

 META kont għadek żgħir, probabilment kien hemm drabi meta l-​ġenituri tiegħek talbuk tagħmel xi ħaġa li ma ridtx tagħmilha. Int kont tħobbhom lill-​ġenituri u kont taf li kellek tobdihom. Imma x’aktarx xorta kien hemm drabi meta ma xtaqtx tobdihom.

2 Aħna nafu li Ġeħova, Missierna, iħobbna. Hu jieħu ħsiebna u jagħmel ċert li jkollna dak kollu li għandna bżonn biex ingawdu l-​ħajja. Hu jagħtina d-​direzzjoni li għandna bżonn biex ikollna ħajja ferħana u sodisfaċenti. Xi drabi, hu juża nies oħra biex jagħtina direzzjoni. Hemm bżonn nirrispettaw l-​awtorità taʼ Ġeħova. (Proverbji 24:21) Imma kultant għala jkun diffiċli biex naċċettaw id-​direzzjoni? Ġeħova għaliex jitlobna biex nobdu d-​direzzjoni? U kif nuru li nirrispettaw l-​awtorità tiegħu?—Ara n-​Nota numru 9 fl-​aħħar.

GĦALA HU DIFFIĊLI?

3, 4. In-​nies kif saru imperfetti? Għala jistaʼ jkun diffiċli għalina biex naċċettaw id-​direzzjoni mingħand oħrajn?

3 Bħala bnedmin, aħna għandna t-​tendenza li nkunu ribellużi. In-​nies ilhom b’din it-​tendenza minn meta dinbu l-​ewwel raġel u mara, Adam u Eva. Għalkemm ġew maħluqin perfetti, huma rribellaw kontra l-​awtorità taʼ Ġeħova. Minn dakinhar ’l hawn, in-​nies kollha twieldu imperfetti. L-​imperfezzjoni tagħna hi waħda mir-​raġunijiet għala jistaʼ jkun diffiċli għalina biex naċċettaw id-​direzzjoni mingħand Ġeħova u n-​nies. Raġuni oħra hi, għax anki dawk li Ġeħova juża biex jagħtina d-​direzzjoni huma nies imperfetti.—Ġenesi 2:15-​17; 3:1-​7; Salm 51:5; Rumani 5:12.

4 Minħabba li aħna imperfetti, għandna t-​tendenza li nkunu kburin. Il-​kburija tagħmilhielna diffiċli biex naċċettaw id-​direzzjoni. Pereżempju, f’Iżrael tal-​qedem, Ġeħova għażel lil Mosè biex imexxi lin-​nies Tiegħu. Raġel jismu Koraħ, li kien ilu jaqdi lil Ġeħova għal ħafna snin, kibritlu rasu u wera diżrispett kbir lejn Mosè. Għalkemm Mosè kien qed imexxi n-​nies t’Alla, ma kienx raġel kburi. Fil-​fatt, hu kien deskritt bħala l-​iktar raġel umli li kien hemm dak iż-​żmien. Imma Koraħ tant kien kburi li m’aċċettax id-​direzzjoni taʼ Mosè. Hu saħansitra kkonvinċa folla kbira biex tingħaqad miegħu u tirribella kontra Mosè. X’konsegwenzi batew Koraħ u l-​oħrajn li rribellaw? Huma nqatlu. (Numri 12:3; 16:1-​3, 31-​35) Fil-​Bibbja nsibu ħafna eżempji li jgħallmuna li l-​kburija hi perikoluża.—2 Kronaki 26:16-​21; ara n-​Nota numru 10 fl-​aħħar.

5. Xi nies kif abbużaw mill-​awtorità tagħhom?

5 Forsi ġieli smajt li min ikollu l-​awtorità jkollu t-​tendenza li jikser il-​liġi. Matul iż-​żmien, kien hemm ħafna nies li abbużaw mill-​awtorità tagħhom. (Aqra Ekkleżjasti 8:9.) Pereżempju, Sawl kien raġel sew u umli meta Ġeħova għażlu biex ikun sultan taʼ Iżrael. Imma mbagħad tant sar kburi u għajjur li wasal biex jippersegwita lil David, raġel innoċenti. (1 Samwel 9:20, 21; 10:20-​22; 18:7-​11) Iktar tard, David sar sultan, u kien wieħed mill-​aqwa slaten li qatt kien hemm f’Iżrael. Imma maż-​żmien, anki David abbuża mill-​awtorità tiegħu. Hu kellu relazzjonijiet sesswali maʼ Bat-​seba, il-​mara taʼ raġel jismu Urija, u mbagħad prova jaħbi d-​dnub li għamel billi bagħat lil Urija biex jinqatel fi gwerra.—2 Samwel 11:1-​17.

GĦALA NIRRISPETTAW L-​AWTORITÀ TAʼ ĠEĦOVA?

6, 7. (a) L-​imħabba tagħna għal Ġeħova x’timmotivana nagħmlu? (b) L-​eżempju taʼ Ġesù kif jgħinna nobdu anki meta ma jkunx faċli?

6 Aħna nirrispettaw id-​direzzjoni mingħand Ġeħova għax inħobbuh. Minħabba li nħobbu lil Ġeħova iktar minn kwalunkwe ħaġa jew persuna oħra, aħna nixtiequ nferrħuh. (Aqra Proverbji 27:11; Marku 12:29, 30.) Satana ilu jipprova jġiegħel lin-​nies jiddubitaw mill-​awtorità taʼ Ġeħova minn żmien l-​ewwel koppja umana. Ix-​Xitan iridna naħsbu li Ġeħova m’għandux id-​dritt jgħidilna x’għandna nagħmlu. Imma aħna nafu li din hi gidba. Aħna naqblu maʼ dan il-​kliem: “Int jistħoqqlok, Ġeħova, Alla tagħna, li tirċievi l-​glorja u l-​unur u l-​qawwa, għax int ħlaqt l-​affarijiet kollha, u bir-​rieda tiegħek eżistew u nħolqu.”—Rivelazzjoni 4:11.

7 Meta kont għadek żgħir, probabilment il-​ġenituri tiegħek għallmuk biex tobdihom anki meta int ma xtaqtx tagħmel dan. B’mod simili, bħala qaddejja taʼ Ġeħova, xi drabi ma nsibuhiex faċli biex nobdu. Imma peress li nħobbu u nirrispettaw lil Ġeħova, aħna nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nobduh. Ġesù tana eżempju tajjeb dwar dan. Hu obda lil Ġeħova anki meta ma kienx faċli li jagħmel dan. Huwa għalhekk li setaʼ jgħid lil Missieru: “Ħa sseħħ ir-​rieda tiegħek u mhux tiegħi.”—Luqa 22:42; ara n-​Nota numru 11 fl-​aħħar.

8. Liema huma xi modi kif Ġeħova jidderiġina? (Ara l-​kaxxa “ Ismaʼ mill-​pariri.”)

8 Illum, Ġeħova jidderiġina b’modi differenti. Pereżempju, hu tana l-​Bibbja. Tana wkoll lill-​anzjani tal-​kongregazzjoni. Meta nirrispettaw lil dawk li Ġeħova juża biex jidderiġina, aħna nkunu qed nuru li nirrispettaw l-​awtorità tiegħu. Jekk ma naċċettawx l-​għajnuna tagħhom, sa ċertu punt ma nkunux qed naċċettaw l-​għajnuna taʼ Ġeħova. Meta l-​Iżraelin m’aċċettawx lil Mosè, Ġeħova ħa din il-​kwistjoni bis-​serjetà. Hu qiesha daqslikieku ma kinux qed jaċċettaw lilu.—Numri 14:26, 27; ara n-​Nota numru 12 fl-​aħħar.

9. L-​imħabba kif se tħeġġiġna biex nobdu d-​direzzjoni?

9 Meta nirrispettaw lil dawk li qed imexxu, inkunu qed nuru wkoll li nħobbu lil ħutna. Aħseb dwarha b’dan il-​mod. Meta jseħħ diżastru naturali, spiss ikun hemm grupp li jaħdem biex isalva lil kemm jistaʼ jkun nies. Sabiex il-​grupp ikun effettiv, xi ħadd irid jorganizzah u kull membru tal-​grupp irid jimxi mad-​direzzjoni. Imma xi ngħidu jekk xi ħadd minnhom jinjora d-​direzzjoni u jaqbad u jagħmel li jfettillu? Anki jekk l-​intenzjoni tiegħu hi tajba, il-​fatt li m’aċċettax li jobdi jistaʼ joħloq il-​problemi għall-​membri l-​oħra tal-​grupp u jistaʼ anki jwassalhom biex iweġġgħu serjament. B’mod simili, jekk ma nobdux id-​direzzjoni mingħand Ġeħova u mingħand dawk li hu tahom ammont t’awtorità, oħrajn jistgħu jbatu. Imma meta nobdu lil Ġeħova, inkunu qed nuru li nħobbu lil ħutna u li nirrispettaw l-​arranġament taʼ Ġeħova.—1 Korintin 12:14, 25, 26.

10, 11. X’se naraw issa?

10 Dak kollu li Ġeħova jitlobna nagħmlu huwa għall-​ġid tagħna. Meta nuru rispett lejn dawk li għandhom l-​awtorità fil-​familja, fil-​kongregazzjoni, u fil-​gvern, ilkoll se nibbenefikaw.—Dewteronomju 5:16; Rumani 13:4; Efesin 6:2, 3; Ebrej 13:17.

11 Jekk nifhmu għala Ġeħova jridna nirrispettaw lil oħrajn, se jkun iktar faċli għalina biex nagħmlu dan. Ejja naraw iktar fid-​dettall kif nistgħu nuru rispett fi tliet aspetti tal-​ħajja.

RISPETT FIL-​FAMILJA

12. Raġel miżżewweġ kif jistaʼ juri li jirrispetta l-​awtorità taʼ Ġeħova?

12 Ġeħova ħalaq il-​familja u ta rwol lil kull membru. Meta kull membru jifhem dak li Ġeħova jistenna minnu jew minnha, ilkoll se jibbenefikaw mill-​arranġament tal-​familja. (1 Korintin 14:33) Ġeħova poġġa lir-​raġel bħala l-​kap tal-​familja. Dan ifisser li Ġeħova jistenna minnu li jieħu ħsieb lill-​mara u t-​tfal, u jiggwidahom bi mħabba. Allura, raġel għandu jagħti kont lil Ġeħova għal kif jieħu ħsiebhom. Raġel Kristjan miżżewweġ juri qalb tajba u mħabba u jittratta lill-​familja tiegħu bħalma Ġesù jittratta l-​kongregazzjoni. Meta raġel miżżewweġ jagħmel dan, ikun qed juri li jirrispetta lil Ġeħova.—Efesin 5:23; ara n-​Nota numru 13 fl-​aħħar.

Meta missier Kristjan jieħu ħsieb il-familja tiegħu, ikun qed jimita lil Kristu

13. Mara miżżewġa kif tistaʼ turi li tirrispetta l-​awtorità?

13 Anki mara Kristjana miżżewġa għandha rwol importanti u taʼ valur. Hi tgħin lir-​raġel waqt li jaħdem iebes biex ikun kap tal-​familja tajjeb. Flimkien miegħu, hi għandha r-​responsabbiltà biex tgħallem lit-​tfal. Wieħed mill-​modi kif tgħallimhom juru rispett hu permezz tal-​eżempju tagħha stess. (Proverbji 1:8) Hi tirrispetta lir-​raġel tagħha u taħdem miegħu fi qbil mad-​deċiżjonijiet li jieħu. Anki meta ma taqbilx miegħu dwar xi ħaġa, hi tispjega kif tħossha bi ħlewwa u b’rispett. Meta mara Kristjana tkun miżżewġa lil xi ħadd li mhux Xhud, hi jkollha sfidi partikulari. Imma jekk tkompli tittratta lir-​raġel tagħha b’rispett, forsi xi darba anki hu jkun irid isir jaf u jqim lil Ġeħova.—Aqra l-1 Pietru 3:1.

14. It-​tfal kif jistgħu juru rispett lejn l-​awtorità?

14 It-​tfal huma prezzjużi għal Ġeħova, u huma għandhom bżonn il-​protezzjoni u l-​gwida. Meta t-​tfal jobdu lil ġenituri tagħhom, ikunu qed iferrħuhom. Saħansitra iktar importanti minn hekk, billi jobdu huma jkunu qed juru rispett lejn Ġeħova u jferrħuh. (Proverbji 10:1) F’ħafna familji, it-​tfal qed jiġu mrobbijin minn ġenitur wieħed. Dan jistaʼ jkun diffiċli ħafna kemm għat-​tfal u kif ukoll għall-​ġenituri. Imma meta t-​tfal jobdu u jgħinu lil ommhom jew lil missierhom, il-​ħajja tal-​familja tkun ħafna aħjar. Hi x’inhi s-​sitwazzjoni, l-​ebda familja mhi perfetta. Imma jekk kull membru jobdi d-​direzzjoni taʼ Ġeħova, kull familja tistaʼ tkun iktar ferħana. Dan iġib unur lil Ġeħova, il-​Ħallieq tal-​familji kollha.—Efesin 3:14, 15.

RISPETT FIL-​KONGREGAZZJONI

15. Kif nistgħu nuru li nirrispettaw l-​awtorità fil-​kongregazzjoni?

15 Ġeħova jidderiġina permezz tal-​kongregazzjoni Kristjana u hu ta lil Ġesù awtorità sħiħa fuqha. (Kolossin 1:18) Ġesù, min-​naħa tiegħu, ta lill-​“ilsir leali u għaqli” r-​responsabbiltà li jieħu ħsieb lin-​nies t’Alla fuq l-​art. (Mattew 24:45-​47) Illum, “l-​ilsir leali u għaqli” hu l-​Ġemgħa li Tiggverna. Il-​Ġemgħa li Tiggverna tipprovdilna dak li jkollna bżonn fil-​ħin xieraq biex tgħinna nżommu l-​fidi tagħna b’saħħitha. L-​anzjani, il-​qaddejja ministerjali, u l-​indokraturi li jżuru l-​kongregazzjonijiet jappoġġaw il-​kongregazzjonijiet madwar id-​dinja u jirċievu d-​direzzjoni mingħand il-​Ġemgħa li Tiggverna. Dawn l-​aħwa kollha għandhom ir-​responsabbiltà li jieħdu ħsiebna. Huma jagħtu kont lil Alla għal kif iwettqu din ir-​responsabbiltà. Għalhekk, meta aħna nirrispettaw lil dawn l-​irġiel, inkunu qed nirrispettaw lil Ġeħova.—Aqra l-1 Tessalonikin 5:12; Ebrej 13:17; ara n-​Nota numru 14 fl-​aħħar.

16. Għala nistgħu ngħidu li l-​anzjani u l-​qaddejja ministerjali jiġu magħżulin permezz tal-​ispirtu qaddis?

16 L-​anzjani u l-​qaddejja ministerjali jgħinu lill-​aħwa fil-​kongregazzjoni jibqgħu leali u magħqudin. Ovvjament, huma imperfetti bħalna. Allura kif jiġu magħżulin? Dawn l-​aħwa rġiel irid ikollhom il-​kwalifiki li nsibu fil-​Bibbja. (1 Timotju 3:1-​7, 12; Titu 1:5-​9) Ġeħova uża l-​ispirtu qaddis tiegħu biex jgħin lill-​kittieba tal-​Bibbja jispjegaw x’inhuma dawn il-​kwalifiki. L-​anzjani jitolbu lil Ġeħova biex jagħtihom l-​ispirtu qaddis tiegħu meta jkunu qed jiddiskutu dwar min għandu jiġi maħtur, jew magħżul, bħala anzjan jew qaddej ministerjali. Biċ-​ċar, il-​kongregazzjonijiet qegħdin taħt id-​direzzjoni taʼ Ġesù u taʼ Ġeħova. (Atti 20:28) L-​irġiel li jiġu magħżulin biex jgħinuna u jieħdu ħsiebna huma rigali mingħand Alla.—Efesin 4:8.

17. Oħt x’jistaʼ jkollha bżonn tagħmel sabiex turi rispett?

17 Xi drabi jistaʼ ma jkun hemm ebda anzjan jew qaddej ministerjali li jkun jistaʼ jieħu ħsieb inkarigu fil-​kongregazzjoni. Ġeneralment ikun hemm aħwa rġiel mgħammdin oħra li jistgħu jgħinu f’dan. Imma jekk ma jkunx hemm, oħt forsi jkollha bżonn tagħmel inkarigu li s-​soltu jsir minn ħu mgħammed. F’dan il-​każ, hi tilbes xi ħaġa biex tgħatti rasha, bħal scarf jew barnuża. (1 Korintin 11:3-​10) B’hekk, hi turi li tirrispetta l-​arranġament taʼ Ġeħova dwar lil min qiegħed bħala kap, kemm fil-​familja u kemm fil-​kongregazzjoni.—Ara n-​Nota numru 15 fl-​aħħar.

RISPETT LEJN DAWK LI GĦANDHOM AWTORITÀ FIL-​GVERN

18, 19. (a) X’nitgħallmu minn Rumani 13:1-​7? (b) Kif nuru rispett lejn l-​uffiċjali tal-​gvern u nies oħra li għandhom l-​awtorità?

18 Illum, Ġeħova jippermetti li l-​gvernijiet ikollhom ammont t’awtorità, u aħna għandna nirrispettawhom. Huma jżommu l-​ordni fil-​pajjiżi u l-​lokalitajiet biex l-​affarijiet imorru sew u jipprovdu s-​servizzi li għandhom bżonn in-​nies. Il-​Kristjani jobdu l-​istruzzjonijiet li hemm f’Rumani 13:1-​7. (Aqra.) Aħna nirrispettaw “l-​awtoritajiet superjuri” u nobdu l-​liġijiet tal-​pajjiż jew tal-​lokalità fejn ngħixu. Dawn il-​liġijiet jistgħu jeffettwaw il-​familja tagħna, ix-​xogħol tagħna, jew l-​affarijiet li għandna. Pereżempju, aħna nħallsu t-​taxxi u nagħtu l-​informazzjoni li jitlobna l-​gvern. Imma xi rridu nagħmlu jekk il-​gvern jitlobna nagħmlu xi ħaġa li tmur kontra l-​liġijiet taʼ Ġeħova? L-​appostlu Pietru qal: “Jeħtieġ li aħna nobdu lil Alla bħala ħakkiem u mhux lill-​bnedmin.”—Atti 5:28, 29.

19 Jekk ikollna bżonn nitkellmu maʼ uffiċjal tal-​gvern, bħal imħallef jew pulizija, dejjem irridu nuru rispett. Żgħażagħ Kristjani juru rispett lejn l-​għalliema u oħrajn li jaħdmu fl-​iskola. Fil-​post fejn naħdmu, aħna nuru rispett lejn l-​imgħallem anki jekk ħaddiema oħra ma jirrispettawhx. Meta nagħmlu dan, inkunu qed nimitaw lill-​appostlu Pawlu, li wera rispett lejn l-​uffiċjali allavolja xi drabi ma kienx faċli. (Atti 26:2, 25) Anki jekk oħrajn ma jittrattawniex sew, aħna nibqgħu nuru rispett.—Aqra Rumani 12:17, 18; 1 Pietru 3:15.

20, 21. X’riżultat jistaʼ jkun hemm meta nirrispettaw lil oħrajn?

20 Madwar id-​dinja kollha, in-​nies qed juru inqas u inqas rispett. Imma n-​nies taʼ Ġeħova huma differenti. Aħna nagħmluha mira li nirrispettaw lil kulħadd. Aħna nobdu d-​direzzjoni tal-​appostlu Pietru: “Onoraw lil kull xorta taʼ bnedmin.” (1 Pietru 2:17) Meta nirrispettaw lil oħrajn, huma jinnotawh dan. Ġesù qalilna: “Hekk għandu jiddi d-​dawl tagħkom quddiem il-​bnedmin, biex jaraw l-​għemejjel tajbin tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom.”—Mattew 5:16.

21 Meta nuru rispett fil-​familja, fil-​kongregazzjoni, u f’aspetti oħra tal-​ħajja, l-​eżempju tajjeb tagħna jistaʼ jħajjar lil oħrajn biex jitgħallmu iktar dwar Ġeħova. U billi nuru rispett lejn oħrajn, aħna nkunu qed nuru rispett lejn Ġeħova stess. Dan iferraħ lil Ġeħova u juri li nħobbuh.