Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

It-3 Taqsima

Kif issolvu l-problemi

Kif issolvu l-problemi

“Ħa jkollkom imħabba profonda lejn xulxin, għax l-imħabba tgħatti kotra taʼ dnubiet.”—1 Pietru 4:8

Hekk kif int u s-sieħeb jew is-sieħba tiegħek tibdew ħajjitkom flimkien, se jqumu diversi problemi. Dawn jistgħu jiġu minħabba li kull wieħed minnkom jaħseb, iħoss, u jqis l-affarijiet b’mod differenti. Problemi oħrajn jistgħu jiġu minn affarijiet barra l-familja u minn ġrajjiet mhux mistennijin.

Il-Bibbja tagħtina l-parir biex niffaċċjaw il-problemi tagħna, u mhux nagħlqu għajnejna għalihom. (Mattew 5:23, 24) Se ssib l-aqwa soluzzjonijiet għall-problemi tiegħek billi tapplika l-prinċipji tal-Bibbja.

1 IDDISKUTU L-PROBLEMA

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA: “Hemm . . . żmien li titkellem.” (Ekkleżjasti 3:1, 7) Agħmlu ċert li tqattgħu ħin flimkien titkellmu dwar il-problema. Ħalli lill-persuna l-oħra tkun taf kif qed tħossok verament u x’taħseb dwar is-suġġett. Dejjem ‘għid il-verità’ lir-raġel jew lill-mara tiegħek. (Efesin 4:25) Anki meta jkollok sentimenti qawwijin, irreżisti t-tentazzjoni li tiġġieled. Tweġiba kalma tistaʼ żżomm diskussjoni sempliċi milli tikber u tispiċċa fi ġlieda.—Proverbji 15:4; 26:20.

Anki jekk ma taqbilx, ibqaʼ uri l-ħlewwa u dejjem ftakar li għandek turi mħabba u rispett lejn is-sieħeb jew is-sieħba tiegħek. (Kolossin 4:6) Ipprova solvi l-kwistjoni malajr kemm jistaʼ jkun, u qatt tieqaf tikkomunika.—Efesin 4:26.

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL:

  • Warrbu ħin xieraq biex tiddiskutu l-problema

  • Meta jkun imissek tagħti widen, taqbiżx fin-nofs. Ikollok ċans titkellem iktar tard

2 AGĦTI WIDEN U PPROVA IFHEM

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA: “Ħa jkollkom affezzjoni tenera lejn xulxin bi mħabba lejn l-aħwa. Kunu minn taʼ quddiem biex tonoraw lil xulxin.” (Rumani 12:10) Il-mod kif tagħti widen hu importanti ħafna. B’umiltà pprova ifhem il-ħarsa tas-sieħeb jew is-sieħba tiegħek. (1 Pietru 3:8; Ġakbu 1:19) Tagħmilx tabirruħek li qed tagħti widen, imma fil-verità ma tkunx. Meta jkun possibbli, ieqaf minn dak li tkun qed tagħmel u ismaʼ b’attenzjoni lil żewġek jew lil martek, jew ftiehmu biex titkellmu iktar tard. Jekk tqis lil martek jew lil żewġek bħala l-ħabib tiegħek minflok bħala l-għadu tiegħek, m’intix se ‘tgħaġġel biex tieħu għalik.’—Ekkleżjasti 7:9.

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL:

  • Ibqaʼ agħti widen b’moħħ miftuħ, anki jekk dak li tkun qed tismaʼ ma jdoqqlokx għal widnejk

  • Ifhem verament xi tkun qed tgħid il-persuna l-oħra billi tinnota l-mod kif tkun qed iġġib ruħha u t-ton tal-leħen tagħha

3 APPLIKAW DAK LI TKUNU TKELLIMTU DWARU

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA: “F’kull tip taʼ taħbit hemm vantaġġ, imma l-kelma tax-xofftejn waħedha ġġib l-għaks.” (Proverbji 14:23) Mhux biżżejjed li taqblu fuq soluzzjoni tajba. Jeħtieġ li tapplikaw dak li tkunu ddeċidejtu flimkien. Dan għandu mnejn jinvolvi xogħol iebes u ħafna sforz, imma se jkun taʼ ġid għalikom. (Proverbji 10:4) Jekk taħdmu flimkien bħala team, se tiġu “premjati tajjeb għax-xogħol iebes” tagħkom.—Ekkleżjasti 4:9.

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL:

  • Iddeċiedu x’tistgħu tagħmlu biex issolvu l-problema tagħkom

  • Minn żmien għal żmien, araw kif tkunu sejrin