KAPITLU 7
Il-qawwa protettiva—“Kenn . . . hu Alla għalina”
1, 2. Ftit wara li kienu ħarbu mill-Eġizzjani fil-Baħar l-Aħmar, l-Iżraelin f’liema periklu kienu jinsabu huma u deħlin fir-reġjun tas-Sinaj, u Jehovah kif qawwielhom qalbhom?
KMIENI fis-sena 1513 Q.E.K., l-Iżraelin kienu jinsabu fil-periklu huma u deħlin fir-reġjun tas-Sinaj. Quddiemhom kellhom vjaġġ tal-biżaʼ, għax riedu jgħaddu minn “deżert kbir u jwaħħax, mimli sriep velenużi u skorpjuni.” (Dewteronomju 8:15) Kien hemm ukoll il-biżaʼ li jiġu attakkati minn ġnus għedewwa. Jehovah kien ġab lill-poplu tiegħu f’din is-sitwazzjoni. Bħala Alla tagħhom, kien se jkun kapaċi jipproteġihom?
2 Jehovah qawwielhom qalbhom b’dan il-kliem: “Rajtu intom x’għamilt lill-Eġizzjani, u kif lilkom ġarrejtkom fuq il-ġwienaħ taʼ l-ajkli u ressaqtkom lejja.” (Eżodu 19:4) Jehovah fakkar lin-nies tiegħu li hu kien ħelishom minn idejn l-Eġizzjani, billi bħallikieku uża l-ajkli biex jiħodhom xi mkien protett. Imma hemm raġunijiet oħra għala “l-ġwienaħ taʼ l-ajkli” huma tixbiha xierqa tal-protezzjoni divina.
3. “Il-ġwienaħ taʼ l-ajkli” għala huma tixbiha xierqa tal-protezzjoni divina?
3 L-ajkla ma tużax biss il-ġwienaħ kbar u b’saħħithom tagħha biex tittajjar fl-għoli. Fl-eqqel tal-ġurnata, l-ajkla omm tiftaħ ġwinħajha—li jistgħu jilħqu ż-żewġ metri minn naħa s’oħra—biex tifforma umbrella protettiva, u b’hekk tgħatti liż-żgħar tagħha mix-xemx tikwi. Drabi oħra, hi ddawwar ġwinħajha madwar iż-żgħar tagħha biex tipproteġihom mir-riħ kiesaħ. L-istess bħalma l-ajkla tipproteġi liż-żgħar tagħha, hekk ukoll Jehovah kien għatta u pproteġa lill-ġens taʼ Iżrael li kien għadu ġdid u mingħajr esperjenza. Issa li kienu jinsabu fid-deżert, in-nies tiegħu setgħu jkomplu jistkennu fid-dell taʼ ġwinħajh b’saħħithom ladarba jibqgħu leali. (Dewteronomju 32:9-11; Salm 36:8 [36:7, NW]) Imma nistgħu aħna llum bix-xieraq nistennew li Alla jipproteġina?
Il-Wegħda taʼ Protezzjoni Divina
4, 5. Għala jistaʼ jkollna fiduċja assoluta fil-wegħda t’Alla li se jipproteġina?
4 Jehovah ċertament li kapaċi jipproteġi lill-qaddejja tiegħu. Hu ‘Alla li jistaʼ kollox’—titlu li jindika li hu jippossiedi qawwa li xejn u ħadd ma jiflaħ għaliha. (Ġenesi 17:1, Saydon) Bħal mewġa kbira tal-baħar li ħadd ma jistaʼ jrażżan, Jehovah ħadd ma jistaʼ jwaqqfu meta juża l-qawwa tiegħu. Ladarba jistaʼ jagħmel dak kollu li titlob ir-rieda tiegħu, għandna mnejn nistaqsu, ‘Hija r-rieda taʼ Jehovah li juża l-qawwa tiegħu biex jipproteġi lin-nies tiegħu?’
5 It-tweġiba, f’kelma waħda, hija iva! Jehovah jiżgurana li hu se jipproteġi lill-poplu tiegħu. “Kenn u qawwa hu Alla għalina, għajnuna kbira sibnieh fid-dwejjaq,” jgħid Salm 46:2 (46:1, NW). Ladarba Alla “ma jigdibx,” jistaʼ jkollna fiduċja assoluta fil-wegħda tiegħu li se jipproteġina. (Titu 1:2) Ejja nikkunsidraw xi ftit mit-tixbihat ħajjin li Jehovah juża biex jiddeskrivi l-ħarsien protettiv tiegħu.
6, 7. (a) Ir-ragħaj fi żminijiet Bibliċi liema protezzjoni kien jipprovdi lin-nagħaġ tiegħu? (b) Il-Bibbja kif tispjega b’tixbiha x-xewqa mill-qalb li għandu Jehovah biex jipproteġi u jħares lin-nagħaġ tiegħu?
6 Jehovah hu Ragħaj, u “aħna l-poplu tiegħu u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu.” (Salm 23:1; 100:3) Ftit hemm annimali li huma bla difiża daqskemm huma n-nagħaġ domestiċi. Ir-ragħaj fi żminijiet Bibliċi kellu jkun kuraġġuż biex jipproteġi lin-nagħaġ tiegħu minn iljuni, ilpup, u orsijiet, kif ukoll minn ħallelin. (1 Samwel 17:34, 35; Ġwanni 10:12, 13) Imma xi drabi kien ikun hemm bżonn it-tenerezza biex jipproteġi lin-nagħaġ. Meta xi nagħġa kienet tiled ’il bogħod mill-maqjel, ir-ragħaj bi mħabba kien joqgħod għassa ma’ l-omm fil-mumenti li tkun bla difiża u mbagħad jiġbor il-ħaruf dgħajjef u jġorru lejn il-maqjel.
7 Billi jxebbah lilu nnifsu ma’ ragħaj, Jehovah jiżgurana li hu jixtieq minn qalbu jipproteġina. (Eżekjel 34:11-16) Ftakar fid-deskrizzjoni taʼ Jehovah f’Isaija 40:11, diskussa f’Kapitlu 2 taʼ dan il-ktieb: “Bħal ragħaj li jirgħa l-merħla tiegħu; bi driegħu jiġmagħha, u l-ħrief fi ħdanu jerfagħhom.” Il-ħaruf ċkejken kif jispiċċa fi ‘ħdan’ ir-ragħaj—fid-drapp wiesa’ tal-libsa taʼ fuq tiegħu? Forsi l-ħaruf jersaq ħdejn ir-ragħaj, u anki jmisslu kemm kemm riġlejh biex jurih li qiegħed hemm. Madankollu, huwa r-ragħaj li jrid jitbaxxa, jerfaʼ lill-ħaruf, u b’ġentilezza jgeddsu fi ħdanu. Xi stampa ħelwa hija din taʼ kemm ir-Ragħaj il-Kbir tagħna huwa lest li jagħtina kenn u jipproteġina!
8. (a) Għal min hija miftuħa l-wegħda t’Alla taʼ protezzjoni, u dan kif inhu indikat fi Proverbji 18:10? (b) X’inhu involut f’li nsibu kenn fl-isem t’Alla?
8 Il-wegħda t’Alla taʼ protezzjoni sseħħ b’kundizzjoni—dawk biss li jersqu qrib lejh jesperjenzawha. Proverbji 18:10 (KŻ) jgħid: “Isem il-Mulej hu torri qawwi; il-ġust jidħol jiġri fih, u hemm isib il-kenn tiegħu.” Fi żminijiet Bibliċi, xi drabi kienu jinbnew torrijiet fid-deżert bħala postijiet taʼ kenn u protezzjoni. Imma min kien ikun jinsab fil-periklu kellu r-responsabbiltà li jidħol jiġri għall-protezzjoni f’wieħed minn dawn it-torrijiet. Huwa simili għal meta niġu biex insibu kenn fl-isem t’Alla. Jinvolvi ħafna iktar milli sempliċement nirrepetu l-isem t’Alla; l-isem divin innifsu m’għandux xi qawwa maġika. Minflok, hemm bżonn li nkunu nafu u nafdaw lill-Wieħed li jġorr dan l-isem u ngħixu fi qbil mal-livelli ġusti tiegħu. X’qalb tajba għandu Jehovah li jiżgurana illi jekk induru lejh bil-fidi, hu se jkun torri taʼ protezzjoni għalina!
“Alla Tagħna . . . Jistaʼ Jeħlisna”
9. Jehovah kif għamel iktar milli sempliċement wiegħed protezzjoni?
9 Jehovah għamel iktar milli sempliċement wiegħed protezzjoni. Fi żminijiet Bibliċi, hu wera b’modi mirakolużi li kapaċi jipproteġi lill-poplu tiegħu. Matul l-istorja taʼ Iżrael, l-‘id’ setgħana taʼ Jehovah spiss żammet f’kontroll lil għedewwa qawwija. (Eżodu 7:4) Madankollu, Jehovah uża wkoll il-qawwa protettiva tiegħu għall-benefiċċju taʼ nies individwali.
10, 11. Liema eżempji Bibliċi juru li Jehovah uża l-qawwa protettiva tiegħu għall-benefiċċju taʼ nies individwali?
10 Meta tliet Ebrej żgħażagħ—Sidrak, Mesak, u Għabednegu—irrifjutaw li jmilu quddiem ix-xbieha tad-deheb tas-Sultan Nabukodonosor, is-sultan mgħaddab hedded li jitfagħhom f’forn jaħraq ħafna iktar mis-soltu. “Liema hu dak alla li se jeħliskom minn idejja?” qal biex jinkihom Nabukodonosor, l-iktar monarka qawwi fuq l-art. (Danjel 3:15) It-tliet żgħażagħ kellhom fiduċja sħiħa fil-qawwa t’Alla tagħhom biex jipproteġihom, imma huma m’għamluhiex fatta li se jagħmel hekk. Għaldaqstant wieġbu: “Jekk inhu tassew hekk, Alla tagħna, li aħna nqimu, jistaʼ jeħlisna.” (Danjel 3:17) Tabilħaqq, dak il-forn taʼ nar iħeġġeġ, anki meta ssaħħan seba’ darbiet iktar mis-soltu, ma ppreżenta l-ebda sfida għall-Alla tagħhom li jistaʼ kollox. Hu pproteġiehom, u s-sultan kellu jammetti: “Ma hemmx alla ieħor li għandu ħila jagħti ħelsien bħal dan.”—Danjel 3:96 (3:29, NW).
11 Jehovah ipprovda wkoll turija tassew impressjonanti tal-qawwa protettiva tiegħu meta ttrasferixxa l-ħajja taʼ Ibnu l-uniġenitu fil-ġuf tal-verġni Lhudija Marija. Anġlu qal lil Marija li hi kellha ‘tnissel fil-ġuf u jkollha iben.’ L-anġlu spjega: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa taʼ l-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek.” (Luqa 1:31, 35) Mid-dehra, l-Iben t’Alla qatt ma kien sab ruħu f’sitwazzjoni daqshekk perikoluża. Kienu d-dnub u l-imperfezzjoni taʼ l-omm umana se jtebbgħu lit-tarbija fil-ġuf? Kien Satana se jirnexxilu jagħmel ħsara jew joqtol lil dak l-Iben qabel ma Hu jitwieled? Impossibbli! Fil-fatt, Jehovah ifforma ħajt protettiv madwar Marija ħalli xejn—la l-imperfezzjoni, la xi forza taʼ ħsara, la bniedem qattiel, u lanqas xi demonju—ma jkun jistaʼ jagħmel ħsara lit-tarbija hi u tikber fil-ġuf, minn x’ħin tnisslet ’il quddiem. Jehovah kompla jipproteġi lil Ġesù matul żgħożitu. (Mattew 2:1-15) Sakemm wasal iż-żmien stabbilit minn Alla, xejn u ħadd ma setaʼ jagħmel ħsara lil Ibnu l-għażiż.
12. Jehovah għala pproteġa b’mod mirakoluż lil ċerti individwi fi żminijiet Bibliċi?
12 Jehovah għala pproteġa lil ċerti individwi b’modi tant mirakolużi? F’ħafna każijiet Jehovah ipproteġa lil individwi sabiex jipproteġi xi ħaġa bil-wisq iktar importanti: it-twettiq taʼ l-iskop tiegħu. Per eżempju, is-sopravivenza taʼ Ġesù bħala tarbija kienet essenzjali sabiex jitwettaq l-iskop t’Alla, li fl-aħħar mill-aħħar se jkun taʼ benefiċċju għall-bnedmin kollha. Ir-rakkonti tal-ħafna turijiet taʼ qawwa protettiva huma parti mill-Iskrittura mnebbħa, li ‘nkitbet għat-tagħlim tagħna, biex bis-sabar u bil-faraġ li tagħtina l-Iskrittura, aħna jkollna t-tama.’ (Rumani 15:4) Iva, dawn l-eżempji jsaħħulna l-fidi fl-Alla tagħna li jistaʼ kollox. Imma liema protezzjoni nistgħu nistennew mingħand Alla llum?
X’Ma Tfissirx il-Protezzjoni Divina
13. Huwa Jehovah obbligat iwettaq mirakli għan-nom tagħna? Spjega.
13 Il-wegħda taʼ protezzjoni divina ma tfissirx li Jehovah hu obbligat iwettaq mirakli għan-nom tagħna. Le, Alla tagħna ma jiggarantilniex ħajja mingħajr problemi f’din is-sistema qadima. Ħafna qaddejja leali taʼ Jehovah jiffaċċjaw għawġ kbir, inkluż faqar, gwerer, mard, u mewt. Ġesù qal ċar u tond lid-dixxipli tiegħu li bħala individwi huma setgħu jingħataw il-mewt minħabba l-fidi tagħhom. Kien għalhekk li Ġesù enfasizza l-bżonn li nissaportu sat-tmiem. (Mattew 24:9, 13) Li kieku Jehovah kellu juża l-qawwa tiegħu biex joffri ħelsien mirakoluż f’kull każ, Satana setaʼ jkollu bażi għalxiex jittanta lil Jehovah u jqajjem dubju dwar kemm hija ġenwina d-devozzjoni tagħna lejn Alla tagħna.—Ġob 1:9, 10.
14. Liema eżempji juru li Jehovah mhux dejjem jipproteġi lill-qaddejja kollha tiegħu bl-istess mod?
14 Anki fi żminijiet Bibliċi, Jehovah m’użax il-qawwa protettiva tiegħu biex jipproteġi lil kull wieħed mill-qaddejja tiegħu minn mewta qabel il-waqt. Per eżempju, l-appostlu Ġakbu nqatel minn Erodi madwar is-sena 44 E.K.; u madankollu, ftit żmien wara, Pietru ġie meħlus “minn id Erodi.” (Atti 12:1-11) U Ġwanni, ħu Ġakbu, għex iktar minn Pietru u Ġakbu. B’mod ċar, ma nistgħux nistennew li Alla tagħna jipproteġi lill-qaddejja kollha tiegħu bl-istess mod. Barra minn hekk, aħna lkoll effettwati miż-“żmien u ċ-ċirkustanzi.” (Koħèlet 9:11) Allura, Jehovah kif jipproteġina llum?
Jehovah Jipprovdi Protezzjoni Fiżika
15, 16. (a) X’evidenza hemm li Jehovah ipprovda protezzjoni fiżika għall-aduraturi tiegħu bħala grupp? (b) Għala nistgħu nkunu fiduċjużi li Jehovah se jipproteġi lill-qaddejja tiegħu issa u matul it-tribulazzjoni l-kbira?
15 Ikkunsidra, l-ewwel, il-kwistjoni tal-protezzjoni fiżika. Bħala aduraturi taʼ Jehovah, nistgħu nistennew protezzjoni bħal din bħala grupp. Inkella, inkunu priża faċli għal Satana. Aħseb dwar dan: Satana, “il-Prinċep taʼ din id-dinja,” jixtieq ħafna li jeqred il-qima vera. (Ġwanni 12:31; Apokalissi 12:17) Xi wħud mill-iktar gvernijiet qawwijin fuq l-art għamlu projbizzjoni fuq ix-xogħol tagħna taʼ l-ippridkar u pprovaw jeqirduna għalkollox. Madankollu, il-poplu taʼ Jehovah baqaʼ jżomm sod u kompla jippriedka bla waqfien! Ġnus qawwijin għala ma rnexxilhomx iwaqqfu l-attività taʼ dan il-grupp taʼ Kristjani relattivament żgħir u li jidher bla difiża? Għax Jehovah ipproteġiena bi ġwinħajh tant b’saħħithom!—Salm 17:7, 8.
16 Xi ngħidu dwar protezzjoni fiżika matul it-tribulazzjoni l-kbira li ġejja? M’għandniex għalfejn nibżgħu mill-ġudizzji li se jesegwixxi Jehovah. Wara kollox, Jehovah jaf kif “jeħles it-tajbin mit-tiġrib u jħalli l-ħżiena biex jieħdu l-kastig f’jum il-ġudizzju.” (Apokalissi 7:14; 2 Pietru 2:9) Sadattant, nistgħu dejjem nibqgħu ċerti minn żewġ affarijiet. L-ewwel, Jehovah qatt ma se jħalli li l-qaddejja leali tiegħu jgħibu għalkollox minn fuq wiċċ l-art. It-tieni, hu se jippremja lil uħud li jżommu l-integrità b’ħajja taʼ dejjem fid-dinja l-ġdida tiegħu mimlija ġustizzja—jekk hemm bżonn, permezz taʼ rxoxt. Dawk li jmutu ma jistgħux ikunu f’post iktar protett milli fil-memorja t’Alla.—Ġwanni 5:28, 29.
17. Jehovah kif jipproteġina permezz tal-Kelma tiegħu?
17 Saħansitra issa, Jehovah jipproteġina permezz tal-“kelma” ħajja tiegħu, li għandha l-qawwa li tqanqal lin-nies sabiex qalbhom tfiq u ħajjithom tinbidel. (Lhud 4:12) Billi napplikaw il-prinċipji tagħha, aħna nistgħu f’ċerti aspetti niġu protetti minn ħsara fiżika. “Jien hu l-Mulej, . . . ngħallmek għall-ġid tiegħek,” jgħid Isaija 48:17. Mingħajr ebda dubju, jekk ngħixu fi qbil mal-Kelma t’Alla nistgħu ntejbu saħħitna u ntawlu ħajjitna. Per eżempju, għax napplikaw il-parir tal-Bibbja biex nitbiegħdu miż-żína u biex nitnaddfu minn kull tinġis, aħna nevitaw il-prattiċi maħmuġin u l-vizzji taʼ ħsara li minħabba fihom ħafna wħud li jiċħdu lil Alla jħarbtu ħajjithom. (Atti 15:29; 2 Korintin 7:1) Kemm aħna grati għall-protezzjoni li tagħtina l-Kelma t’Alla!
Jehovah Jipproteġina Spiritwalment
18. Jehovah liema protezzjoni spiritwali jipprovdilna?
18 L-iktar ħaġa importanti hi li Jehovah jipprovdi protezzjoni spiritwali. Alla tagħna li jħobbna jipproteġina minn ħsara spiritwali billi jgħammarna b’dak li neħtieġu sabiex nissaportu l-provi u nħarsu r-relazzjoni tagħna miegħu. B’hekk, Jehovah jaġixxi biex jippreserva lil ħajjitna, mhux sempliċement għal ftit snin qosra, imma għall-eternità. Ikkunsidra xi ftit mill-provvedimenti t’Alla li jistgħu jipproteġuna spiritwalment.
19. L-ispirtu taʼ Jehovah kif jistaʼ jgħinna nifilħu kwalunkwe prova li niffaċċjaw?
19 Jehovah huwa Semmiegħ it-talb. (Salm 65:3 [65:2, NW]) Meta donnu ma nkunux nistgħu nifilħu l-pressjonijiet tal-ħajja, nistgħu niksbu ħafna serħan jekk niftħu qalbna miegħu. (Filippin 4:6, 7) Forsi vera ma jneħħilniex il-provi tagħna b’mod mirakoluż, imma bħala tweġiba għat-talb sinċier tagħna, hu jistaʼ jagħtina l-għerf biex niffaċċjawhom b’suċċess. (Ġakbu 1:5, 6) Iktar minn hekk, Jehovah jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuh. (Luqa 11:13) Dan l-ispirtu qawwi jistaʼ jgħinna nifilħu kwalunkwe prova jew problema li niffaċċjaw. Jistaʼ jnissel fina “l-qawwa iktar min-normal” ħalli nissaportu sakemm Jehovah ineħħi l-problemi kollha taʼ wġigħ fid-dinja l-ġdida li tant tinsab qrib.—2 Korintin 4:7, NW.
20. Il-qawwa protettiva taʼ Jehovah kif tistaʼ tintwera permezz taʼ sħabna taʼ l-istess twemmin?
20 Xi drabi, il-qawwa protettiva taʼ Jehovah tistaʼ tintwera permezz taʼ sħabna taʼ l-istess twemmin. Jehovah ġibed lill-poplu tiegħu fi fratellanza madwar id-dinja. (1 Pietru 2:17; Ġwanni 6:44) Fl-atmosfera taʼ mħabba li fiha din il-fratellanza, naraw xiehda ħajja dwar kemm l-ispirtu qaddis t’Alla għandu qawwa li jinfluwenza lin-nies għat-tajjeb. Dan l-ispirtu jipproduċi fina frott—kwalitajiet sbieħ u prezzjużi fosthom l-imħabba, il-qalb tajba, u t-tjubija. (Galatin 5:22, 23) Għaldaqstant, meta nkunu għaddejjin minn xi saram u xi ħadd minn sħabna taʼ l-istess twemmin jitqanqal biex joffri parir siewi jew jgħidilna erba’ kelmiet taʼ inkuraġġiment li tant ikollna bżonnhom, nistgħu rroddu ħajr lil Jehovah għal dawn it-turijiet tiegħu taʼ ħarsien protettiv.
21. (a) Jehovah liema ikel spiritwali f’waqtu jipprovdi permezz taʼ “l-ilsir leali u għaqli”? (b) Int kif ibbenefikajt personalment minn dak li jipprovdilna Jehovah sabiex jipproteġina spiritwalment?
21 Jehovah jipprovdi xi ħaġa oħra biex jipproteġina: ikel spiritwali f’waqtu. Sabiex jgħinna nieħdu s-saħħa mill-Kelma tiegħu, Jehovah qabbad lill-“ilsir leali u għaqli” biex jipprovdi ikel spiritwali. Dan l-ilsir leali juża letteratura stampata, fosthom ir-rivisti It-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ!, kif ukoll laqgħat, assembleat, u konvenzjonijiet biex jipprovdilna “ikel fiż-żmien xieraq”—dak li jkollna bżonn, x’ħin ikollna bżonnu. (Mattew 24:45, NW) Ġieli smajt xi ħaġa waqt laqgħa Kristjana—f’xi kumment, taħdita, jew anki waqt talba—li tatek eżattament is-saħħa u l-inkuraġġiment li kellek bżonn? Ġiet ħajtek effettwata xi darba b’xi artiklu speċifiku pubblikat f’wieħed mir-rivisti tagħna? Ftakar, Jehovah jipprovdi dawn l-affarijiet kollha sabiex jipproteġina spiritwalment.
22. Jehovah b’liema mod juża dejjem il-qawwa tiegħu, u l-fatt li jagħmel dan għala huwa għall-ġid tagħna?
22 Jehovah tabilħaqq li hu tarka “għal kull min jistkenn fih.” (Salm 18:31 [18:30, NW]) Aħna nifhmu li hu ma jużax il-qawwa tiegħu biex jipproteġina mill-problemi kollha li niffaċċjaw bħalissa. Madankollu, hu dejjem juża l-qawwa protettiva tiegħu biex jiżgura li l-iskop tiegħu jitwettaq. Fl-aħħar mill-aħħar, il-fatt li jagħmel dan huwa għall-ġid tal-poplu tiegħu. Jekk nersqu qrib lejh u nibqgħu fi mħabbtu, Jehovah se jagħtina eternità taʼ ħajja perfetta. B’dan il-prospett f’moħħna, nistgħu tabilħaqq inqisu kull sofferenza f’din is-sistema bħala tal-mument u ħafifa.—2 Korintin 4:17.