KAPITLU 21
Ġesù juri x’inhu “l-għerf mingħand Alla”
1-3. Dawk li qabel kienu l-ġirien taʼ Ġesù kif irreaġixxew għat-tagħlim tiegħu, u x’naqsu li jagħrfu dwaru?
IN-NIES fl-udjenza ma setgħux jemmnu ’l għajnejhom. Iż-żagħżugħ Ġesù kien bil-wieqfa quddiemhom fis-sinagoga u kien qed jgħallem. Ma kienx xi ħadd li ma kinux jafuh—kien trabba fil-belt tagħhom, u għal snin sħaħ kien ħadem fosthom bħala mastrudaxxa. Forsi xi wħud minnhom kienu joqogħdu fi djar li Ġesù kien għen fil-bini tagħhom, jew forsi kienu jaħdmu r-raba tagħhom b’xi moħriet u madmad li hu kien għamel b’idejh stess. * Imma kif kienu se jirreaġixxu għat-tagħlim taʼ dan ir-raġel li qabel kien mastrudaxxa?
2 Il-biċċa l-kbira mis-semmiegħa baqgħu mbellhin, u staqsew: “Mnejn ġieb dan l-għerf?” Imma osservaw ukoll: “Dan m’huwiex il-mastrudaxxa bin Marija?” (Mattew 13:54-58; Mark 6:1-3) B’dispjaċir, dawk li darba kienu l-ġirien taʼ Ġesù rraġunaw, ‘Dan il-mastrudaxxa m’hu ħadd ħlief raġel bħalna mill-inħawi tagħna.’ Minkejja l-għerf li kien hemm fi kliemu, huma ċaħduh. Ma kinux jafu li l-għerf li kien qed jaqsam magħhom ma kienx tiegħu.
3 Ġesù minfejn eżattament ġabu dan l-għerf? “It-tagħlim tiegħi m’huwiex tiegħi,” qal hu, “imma taʼ dak li bagħatni.” (Ġwanni 7:16) L-appostlu Pawlu spjega li Ġesù “sar għalina l-għerf mingħand Alla.” (1 Korintin 1:30) L-għerf taʼ Jehovah stess jintwera permezz taʼ Ibnu, Ġesù. Iva, dan tant kien minnu li Ġesù setaʼ jgħid: “Jien u l-Missier aħna ħaġa waħda.” (Ġwanni 10:30) Ejja neżaminaw tliet affarijiet li fihom Ġesù wera “l-għerf mingħand Alla.”
Dak li Għallem
4. (a) X’kienet it-tema tal-messaġġ taʼ Ġesù, u dan għala kien importanti ferm? (b) Il-pariri taʼ Ġesù għala dejjem kienu jkunu prattiċi u taʼ l-akbar benefiċċju għas-semmiegħa tiegħu?
4 L-ewwel, ikkunsidra dak li għallem Ġesù. It-tema tal-messaġġ tiegħu kienet “l-Evanġelju tas-Saltna.” (Luqa 4:43) Dan kien importanti ferm minħabba s-sehem li s-Saltna kien se jkollha f’li tivvindika s-sovranità taʼ Jehovah u ġġib barkiet lill-bnedmin għal dejjem. Fit-tagħlim tiegħu, Ġesù offra wkoll pariri għaqlin għall-ħajja taʼ kuljum. Hu wera li kien il-“Kunsillier taʼ l-għaġeb” imbassar minn qabel. (Isaija 9:5 [9:6, NW]) U verament, il-pariri tiegħu kif setgħu ma jkunux taʼ l-għaġeb? Kellu għarfien profond tal-Kelma t’Alla u tar-rieda tiegħu, kien jifhem sew kif inhu magħmul il-bniedem, u kellu mħabba profonda għall-umanità. Għaldaqstant, il-pariri tiegħu dejjem kienu jkunu prattiċi u taʼ l-akbar benefiċċju għas-semmiegħa tiegħu. Ġesù lissen “il-kliem tal-ħajja taʼ dejjem.” Iva, il-pariri tiegħu, jekk insegwuhom, iwasslu għas-salvazzjoni.—Ġwanni 6:68.
5. X’kienu xi ftit mis-suġġetti li tkellem fuqhom Ġesù fil-Priedka taʼ fuq il-Muntanja?
5 Il-Priedka taʼ fuq il-Muntanja hija eżempju eċċellenti taʼ l-għerf uniku li jinsab f’dak li għallem Ġesù. Din il-priedka, kif imniżżla f’Mattew 5:3–7:27, x’aktarx li tieħu 20 minuta biss biex wieħed jagħmilha. Madankollu, il-pariri li fiha ma jispiċċawx biż-żmien—għadhom japplikaw illum daqskemm meta ngħataw l-ewwel darba. Ġesù tkellem dwar diversi suġġetti, fosthom kif intejbu r-relazzjoni tagħna m’oħrajn (5:23-26, 38-42; 7:1-5, 12), kif nibqgħu nodfa moralment (5:27-32), u kif ngħixu ħajja bi skop (6:19-24; 7:24-27). Imma Ġesù ma qalx biss lis-semmiegħa tiegħu x’inhu għaqli; hu wriehom billi spjegalhom, irraġuna magħhom, u tahom il-provi.
6-8. (a) Ġesù liema raġunijiet konvinċenti tana biex nevitaw l-ansjetà? (b) X’juri li l-pariri taʼ Ġesù jirriflettu l-għerf minn fuq?
6 Per eżempju, ikkunsidra l-parir għaqli taʼ Ġesù fuq kif inkampaw ma’ l-ansjetà dwar l-affarijiet materjali, kif imniżżel f’Mattew kapitlu 6. “Tibqgħux tkunu ansjużi dwar ħajjitkom rigward x’se tieklu jew x’se tixorbu, jew dwar ġisimkom rigward x’se tilbsu,” wissa Ġesù. (Vers 25, NW) L-ikel u l-ilbies huma bżonnijiet bażiċi, u huwa naturali li naħsbu kif se niksbuhom. Imma Ġesù jgħidilna biex ‘ma nibqgħux inkunu ansjużi’ dwar affarijiet bħal dawn. * Għala?
7 Ismaʼ waqt li Ġesù juża raġunar konvinċenti. Ladarba Jehovah tana l-ħajja u l-ġisem, ma jistax hu jipprovdilna l-ikel biex isostni dik il-ħajja u ħwejjeġ biex ilibbsu dak il-ġisem? (Vers 25) Jekk Alla jipprovdi l-ikel lill-għasafar u jlibbes il-fjuri bis-sbuħija, kemm iktar se jieħu ħsieb il-qaddejja umani tiegħu! (Versi 26, 28-30) Ir-realtà hi li ansjetà żejda xorta hi għalxejn. Lanqas tikka li hi tikka ma tistaʼ ttawlilna ħajjitna. * (Vers 27) Kif nistgħu nevitaw l-ansjetà? Ġesù jagħtina l-parir: Komplu agħtu l-prijorità lill-qima t’Alla f’ħajjitkom. Dawk li jagħmlu hekk jistgħu jkunu ċerti li l-bżonnijiet tagħhom taʼ kuljum ‘se jingħatawlhom’ minn Missierhom tas-sema. (Vers 33) Fl-aħħarnett, Ġesù jagħti suġġeriment prattiku ferm—għix ġurnata b’ġurnata. Għala żżid l-ansjetajiet t’għada ma’ dawk taʼ llum? (Vers 34) Barra minn hekk, għala tinkwieta bla bżonn dwar affarijiet li forsi qatt ma se jiġru? Jekk napplikaw pariri għaqlin bħal dawn nistgħu nevitaw ħafna wġigħ taʼ qalb f’din id-dinja stressanti.
8 Jidher ċar li l-pariri li ta Ġesù huma prattiċi llum daqskemm kienu meta ngħataw kważi 2,000 sena ilu. M’huwiex dan prova li l-għerf tiegħu ġej minn fuq? Anki l-aqwa parir mill-bniedem għandu ċans kbir li jsir antikwat u malajr jitranġa jew jinbidel. Madankollu, it-tagħlim taʼ Ġesù baqaʼ validu wara dan iż-żmien kollu. Imma dan m’għandux jissorprendina, għax dan il-Kunsillier taʼ l-Għaġeb tkellem “il-kliem taʼ Alla.”—Ġwanni 3:34.
Il-Mod Kif Kien Jgħallem
9. X’qalu xi suldati dwar it-tagħlim taʼ Ġesù, u din għala ma kinitx xi esaġerazzjoni?
9 It-tieni ħaġa li fiha Ġesù rrifletta l-għerf t’Alla kienet il-mod kif kien jgħallem. Darba minnhom, xi suldati li kienu ntbagħtu biex jarrestawh marru lura b’idhom f’idhom, u qalu: “Qatt ħadd ma tkellem bħalu, dan il-bniedem!” (Ġwanni 7:45, 46) Din ma kinitx xi esaġerazzjoni. Mill-bnedmin kollha li qatt għexu, Ġesù, li kien “minn hemm fuq,” kellu l-akbar ġabra t’għarfien u esperjenza x’juża. (Ġwanni 8:23) Verament, l-ebda bniedem ieħor ma setaʼ jgħallem bħalu. Ikkunsidra biss tnejn mill-metodi taʼ dan l-Għalliem għaref.
“Il-folol baqgħu mistagħġbin bil-mod kif għallimhom”
10, 11. (a) Għala ma nistgħux ma nistagħġbux bil-mod kif Ġesù uża t-tixbihat? (b) X’inhuma l-parabboli, u liema eżempju juri għala l-parabboli taʼ Ġesù huma daqshekk effettivi biex jgħallmu?
10 Użu effettiv tat-tixbihat. Jintqalilna li “Ġesù [kellem] lill-folol bit-tixbihat. Tabilħaqq, mingħajr xi tixbiha ma kienx ikellimhom.” (Mattew 13:34, NW ) Ma nistgħux ma nistagħġbux bl-abbiltà unika tiegħu li jgħallem veritajiet profondi permezz t’affarijiet taʼ kuljum. Bdiewa jiżirgħu ż-żrieragħ, nisa jippreparaw biex jaħmu l-ħobż, tfal jilagħbu fis-suq, sajjieda jtellgħu x-xbieki, rgħajja jfittxu n-nagħaġ mitlufin—dawn kienu affarijiet li s-semmiegħa tiegħu kienu rawhom kemm-il darba. Meta veritajiet importanti jintrabtu m’affarijiet familjari, dawn il-veritajiet jitnaqqxu malajr u fil-fond fil-moħħ u fil-qalb.—Mattew 11:16-19; 13:3-8, 33, 47-50; 18:12-14.
11 Ħafna drabi Ġesù uża l-parabboli, stejjer qosra li minnhom jittieħdu veritajiet morali jew spiritwali. Peress li huwa iktar faċli li wieħed jifhem u jiftakar storja milli xi idea astratta, il-parabboli għenu biex it-tagħlim taʼ Ġesù jinżamm ħaj tul iż-żminijiet. F’ħafna parabboli, Ġesù ddeskriva lil Missieru b’tixbihat ħajjin li ma kinux jintesew malajr. Per eżempju, min ma jistax jifhem il-punt tal-parabbola taʼ l-iben il-ħali—li meta wieħed li jkun qabad triq ħażina juri ndiema ġenwina, Jehovah jitħassru u jaċċettah lura b’tenerezza?—Luqa 15:11-32.
12. (a) Ġesù kif uża l-mistoqsijiet biex jgħallem? (b) Ġesù kif sikket lil dawk li qajmu dubju dwar l-awtorità tiegħu?
12 Użu bis-sengħa tal-mistoqsijiet. Ġesù uża l-mistoqsijiet biex jgħin lis-semmiegħa tiegħu jaslu għal konklużjoni huma stess, jeżaminaw il-motivi tagħhom, jew jieħdu deċiżjonijiet. (Mattew 12:24-30; 17:24-27; 22:41-46) Meta l-mexxejja reliġjużi qajmu dubju jekk Ġesù ngħatax l-awtorità minn Alla, hu wieġeb: “Il-magħmudija taʼ Ġwanni kienet ħaġa ġejja mis-sema jew mill-bnedmin?” Il-mistoqsija mmutathom, u bdew jirraġunaw bejniethom: “Jekk inweġbuh, ‘Mis-sema,’ jgħidilna, ‘Mela għaliex ma emmintux?’ U jekk ngħidulu, ‘Mill-bnedmin,’ nibżgħu min-nies, għax lil Ġwanni kulħadd iżommu bi profeta.” Fl-aħħar wieġbu: “Ma nafux.” (Mark 11:27-33; Mattew 21:23-27) B’mistoqsija sempliċi, Ġesù ħalliehom bla kliem u kixef il-ħażen li kellhom f’qalbhom.
13-15. Il-parabbola tal-proxxmu Samaritan kif tirrifletti l-għerf taʼ Ġesù?
13 Xi drabi Ġesù uża iktar minn metodu wieħed f’daqqa billi fit-tixbihat tiegħu daħħal mistoqsijiet li jqanqlu l-ħsieb. Meta avukat Lhudi staqsa lil Ġesù x’kien meħtieġ biex jikseb il-ħajja taʼ dejjem, Ġesù rreferieh għal-Liġi Mosajka, li tikkmanda l-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu. Billi ried juri kemm hu raġel sewwa, dan staqsa: “Il-proxxmu tiegħi min hu?” Ġesù wieġbu billi rrakkonta storja. Ċertu raġel Lhudi kien qed jivvjaġġa waħdu meta qabżu fuqu l-ħallelin, li ħallewh nofsu mejjet. Imbagħad għaddew żewġ Lhud, l-ewwel qassis u wara Levita. It-tnejn li huma ma tawx kasu. Imma mbagħad wasal fuq il-post ċertu Samaritan. Peress li tħassru, dan bil-ġentilezza kollha dewwa l-ġrieħi tar-raġel u bi mħabba ħadu f’lukanda ’l bogħod mill-periklu fejn setaʼ jirkupra saħħtu. Fi tmiem l-istorja, Ġesù staqsa lil dak li għamillu l-mistoqsija: “Minn dawn it-tlieta, int min jidhirlek li ġieb ruħu taʼ proxxmu ma’ dak li waqaʼ f’idejn il-ħallelin?” Ir-raġel kellu bilfors jgħid: “Min ħenn għalih.”—Luqa 10:25-37.
14 Il-parabbola kif tirrifletti l-għerf taʼ Ġesù? Fi żmien Ġesù, il-Lhud applikaw it-terminu “proxxmu” għal dawk biss li kienu jżommu mat-tradizzjonijiet tagħhom—żgur li mhux għas-Samaritani. (Ġwanni 4:9) Kieku fl-istorja Ġesù qal li l-vittma kien Samaritan u dak li għenu kien wieħed Lhudi, kien dan se jġib fix-xejn il-preġudizzju? Ġesù bl-għerf sawwar l-istorja b’tali mod li Samaritan ħa ħsieb Lhudi b’tenerezza. Innota wkoll il-mistoqsija li staqsa Ġesù fl-aħħar taʼ l-istorja. Il-kelma “proxxmu” ffokaha fuq xi ħadd ieħor. L-avukat, fil-fatt, kien staqsa: ‘Min għandu jkun il-proxxmu li miegħu nuri l-imħabba?’ Imma Ġesù staqsa: “Minn dawn it-tlieta, int min jidhirlek li ġieb ruħu taʼ proxxmu?” Ġesù ffoka, mhux fuq dak li rċieva l-qalb tajba, il-vittma, imma fuq dak li wera l-qalb tajba, is-Samaritan. Proxxmu taʼ veru jieħu l-inizjattiva biex juri l-imħabba lil oħrajn tkun xi tkun ir-razza tagħhom. Ġesù ma setax joħroġ il-punt tiegħu b’mod iktar effettiv.
15 Hemm għalfejn niskantaw li n-nies baqgħu mistagħġbin “bil-mod kif għallimhom” Ġesù u nġibdu lejh? (Mattew 7:28, 29, NW ) Darba minnhom “kotra kbira” baqgħet miegħu għal tlett ijiem, u saħansitra baqgħet bla ma kielet xejn!—Mark 8:1, 2.
Il-Mod Kif Għex
16. Ġesù kif ‘wera b’mod prattiku’ li kien immexxi mill-għerf divin?
16 It-tielet ħaġa li fiha Ġesù rrifletta l-għerf taʼ Jehovah kienet il-mod kif għex. L-għerf huwa prattiku; jipproduċi r-riżultat mixtieq. “Min hu għaref fostkom?” staqsa d-dixxiplu Ġakbu. Imbagħad wieġeb il-mistoqsija tiegħu stess, billi qal: “Ħalli l-imġiba tajba tiegħu turi dan b’mod prattiku.” (Ġakbu 3:13, The New English Bible) Il-mod kif Ġesù ġab ruħu ‘wera b’mod prattiku’ li hu kien immexxi minn għerf divin. Ejja nikkunsidraw kif wera d-dehen, kemm bil-mod kif għex kif ukoll bil-mod kif ittratta lil oħrajn.
17. X’indikazzjonijiet hemm li Ġesù kellu bilanċ perfett f’ħajtu?
17 Qatt innotajt li nies neqsin mid-dehen taʼ spiss imorru minn estrem għall-ieħor? Iva, irid ikollok l-għerf biex tkun bilanċjat. Ġesù, li rrifletta l-għerf t’Alla, kellu bilanċ perfett. L-ewwel u qabel kollox, hu ta l-affarijiet spiritwali l-ewwel post f’ħajtu. Kien imħabbat ferm fix-xogħol taʼ li jiddikjara l-aħbar tajba. “Għalhekk ħriġt,” qal hu. (Mark 1:38) Naturalment, l-affarijiet materjali ma kinux taʼ importanza ewlenija għalih; jidher li ftit li xejn kellu affarijiet materjali. (Mattew 8:20) Madankollu, ma kienx axxetiku, jiġifieri jiċċaħħad minn kollox. Bħal Missieru, “l-Alla hieni,” Ġesù kien bniedem ferrieħi, u żied il-ferħ t’oħrajn. (1 Timotju 1:11, NW; 6:15) Meta attenda festa tat-tieġ—li fiha normalment kien ikun hemm il-mużika, il-kant, u d-divertiment—hu ma marx biex itellef il-gost taʼ l-okkażjoni. Meta spiċċa l-inbid, hu bidel l-ilma f’inbid tajjeb, xarba li ‘tferraħ qalb il-bniedem.’ (Salm 104:15; Ġwanni 2:1-11) Ġesù aċċetta ħafna stediniet għall-ikel, u spiss kien juża dawn l-okkażjonijiet biex jgħallem.—Luqa 10:38-42; 14:1-6.
18. Ġesù kif wera dehen perfett bil-mod kif ittratta lid-dixxipli tiegħu?
18 Ġesù wera dehen perfett bil-mod kif ittratta lil oħrajn. Hu kien jifhem sew kif inhu magħmul il-bniedem, u għalhekk setaʼ jkollu ħarsa ċara u realistika tad-dixxipli tiegħu. Hu kien jaf tajjeb li ma kinux perfetti. Madankollu, hu setaʼ jara l-kwalitajiet tajbin tagħhom. Ra l-potenzjal f’dawn l-irġiel li Jehovah kien ġibed lejh. (Ġwanni 6:44) Minkejja n-nuqqasijiet tagħhom, Ġesù wera li kien lest li jafdahom. Billi wera din il-fiduċja, hu ħalla responsabbiltà kbira f’idejn id-dixxipli tiegħu. Hu qabbadhom biex jippridkaw l-aħbar tajba, u kien fiduċjuż li setgħu jwettqu dak l-inkarigu. (Mattew 28:19, 20) Il-ktieb taʼ l-Atti jixhed li huma għamlu fedelment ix-xogħol li kien ikkmandahom jagħmlu. (Atti 2:41, 42; 4:33; 5:27-32) Mela, jidher ċar li Ġesù kien wera għerf meta fdahom.
19. Ġesù kif wera li kien “ta’ qalb ħelwa u umli”?
19 Kif semmejna f’Kapitlu 20, il-Bibbja torbot l-umiltà u l-ħlewwa ma’ l-għerf. M’għandniex xi ngħidu, Jehovah jagħtina l-aqwa eżempju f’dan ir-rigward. Imma xi ngħidu għal Ġesù? Qalbna titqanqal meta naraw l-umiltà li wera Ġesù bil-mod kif ittratta lid-dixxipli tiegħu. Bħala raġel perfett, hu kien aħjar minnhom. Però, lid-dixxipli tiegħu ma rahomx dubbien. Qatt ma pprova jġagħalhom iħossuhom inferjuri jew bla ħila. Għall-kuntrarju, hu kkunsidra l-limitazzjonijiet tagħhom u kien paċenzjuż meta kienu jonqsu. (Mark 14:34-38; Ġwanni 16:12) M’hijiex ħaġa taʼ min jinnotaha li anki t-tfal ħassewhom komdi ma’ Ġesù? Żgur li ħassewhom miġbudin lejh għaliex kienu jindunaw li hu kien “ta’ qalb ħelwa u umli.”—Mattew 11:29; Mark 10:13-16.
20. Ġesù kif wera r-raġunevolezza bil-mod kif ittratta lill-mara mill-Ġentili li bintha kienet imxajtna?
20 Ġesù rrifletta l-umiltà t’Alla b’mod importanti ieħor. Hu kien raġunevoli, jew iċedi, meta kien xieraq li jagħmel dan biex juri l-ħniena. Per eżempju, ftakar meta mara mill-Ġentili talbitu bil-ħniena biex ifejqilha lil bintha li kienet imxajtna ħafna. Bi tliet modi differenti, Ġesù għall-bidu indika li ma kienx se jgħinha—l-ewwel, billi ma weġibhiex; it-tieni, billi qalilha direttament li kien intbagħat għal-Lhud mhux għall-Ġentili; u t-tielet, billi taha tixbiha li minnha ħareġ bil-pulit l-istess punt. Madankollu, il-mara ppersistiet, u wriet li kellha fidi straordinarja. Meta qies din iċ-ċirkustanza mhux tas-soltu, Ġesù kif irreaġixxa? Hu għamel eżatt dak li kien indika li mhux se jagħmel. Fejjaq it-tifla taʼ dik il-mara. (Mattew 15:21-28) Umiltà li tispikka, hux veru? U tinsiex, l-umiltà hija l-bażi taʼ l-għerf veru.
21. Għala għandna nistinkaw li nimitaw il-personalità taʼ Ġesù u l-mod kif kien jitkellem u jaġixxi?
21 Kemm għandna għalxiex inkunu grati li l-Evanġelji juruna x’kienu l-kliem u l-azzjonijiet taʼ l-iktar bniedem għaref li qatt għex! Ejja niftakru li Ġesù kien riflessjoni perfetta taʼ Missieru. Billi nimitaw il-personalità taʼ Ġesù u l-mod kif kien jitkellem u jaġixxi, se nkunu qed nikkultivaw l-għerf minn fuq. Fil-kapitlu li jmiss, se naraw kif nistgħu nużaw l-għerf t’Alla f’ħajjitna.
^ par. 1 Fiż-żminijiet Bibliċi, il-mastrudaxxi kienu jintużaw biex jibnu d-djar, jagħmlu l-għamara, u l-għodod għax-xogħol fir-raba. Ġustinu Martri, tat-tieni seklu E.K., kiteb dwar Ġesù: “Kien imdorri jaħdem bħala mastrudaxxa meta kien fost il-bnedmin, jagħmel xi moħriet u madmad.”
^ par. 6 Il-verb Grieg tradott ‘tkun ansjuż’ ifisser ‘li taljena moħħok.’ Kif jintuża f’Mattew 6:25, dan jirreferi għall-biżaʼ mimli ansjetà li jaljena jew ixerred il-moħħ fuq affarijiet oħra, u jisraq il-ferħ mill-ħajja.
^ par. 7 Fil-fatt, ir-riċerka xjentifika wriet li jekk ikollna inkwiet u stress żejjed nistgħu naqgħu f’riskju taʼ mard tal-qalb u l-arterji u ħafna mard ieħor li jistaʼ jqassar il-ħajja.