Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ID-​9 TAQSIMA

L-Israelin jitolbu għal sultan

L-Israelin jitolbu għal sultan

L-​ewwel sultan taʼ Israel, Sawl, ma jibqax ubbidjenti. David isir sultan minfloku u Alla jagħmel patt miegħu għal saltna taʼ dejjem

WARA ż-​żmien taʼ Sansun, Samwel qeda bħala profeta u mħallef f’Israel. L-​Israelin darba wara l-​oħra qalulu li riedu jkunu bħal ġnus oħrajn u jkollhom bniedem isaltan fuqhom. Għalkemm din ir-​rikjesta weġġgħet lil Ġeħova, hu dderieġa lil Samwel biex jilqaʼ t-​talba tagħhom. Alla għażel raġel umli jismu Sawl biex ikun sultan. Iżda maż-​żmien Sawl sar supperv u diżubbidjenti. Ġeħova ma baqax jaċċettah bħala sultan u qal lil Samwel biex jaħtar lil xi ħadd ieħor—żagħżugħ jismu David. Imma kellhom jgħaddu snin sħaħ qabel David isir sultan.

Darba minnhom, x’aktarx meta kien għadu adoloxxenti, David żar lil ħutu li kienu qed jaqdu fl-​armata taʼ Sawl. L-​armata kollha kienet imwerwra minn gwerrier wieħed tal-​għedewwa, ġgant jismu Gulija, li kien joqgħod jgħajjar lilhom u lil Alla tagħhom. David xejn ma ħa pjaċir b’dan u aċċetta l-​isfida tal-​ġgant biex jiġġilidlu. Iż-​żagħżugħ, armat biss bi żbandola u ftit ġebliet, mar jiltaqaʼ mal-​għadu tiegħu, li kien fih kważi tliet metri. Meta Gulija beda jwaqqgħu għaċ-​ċajt, David wieġbu li hu kien armat aħjar mill-​ġgant, għax David kien qed jiġġieled f’isem Alla Ġeħova! David qatel lil Gulija b’ġebla waħda biss u mbagħad qatagħlu rasu bis-​sejf tal-​ġgant stess. Is-​suldati Filistin kollha ħarbu mwerwrin.

Għall-​ewwel, Sawl kien jammira l-​kuraġġ taʼ David u qiegħed liż-​żagħżugħ fuq l-​armata tiegħu. Imma s-​suċċess taʼ David ġiegħel lil Sawl jgħir ħafna għalih. David kellu jaħrab biex ma jinqatilx u għal snin sħaħ kellu jgħix bħala maħrub. Xorta waħda, David baqaʼ leali lejn is-​sultan li kien qed jipprova joqtlu għax irraġuna li s-​Sultan Sawl kien inħatar minn Alla Ġeħova. Fl-​aħħar, Sawl miet fil-​battalja. Ftit wara, David sar sultan, bħalma kien wiegħed Ġeħova.

“Jien nistabbilixxi fis-​sod it-​tron taʼ saltnatu għal żmien indefinit.”—2 Samwel 7:13

Bħala s-​sultan, David kellu xewqa kbira li jibni tempju għal Ġeħova. Madankollu, Ġeħova qal lil David li wieħed mid-​dixxendenti tiegħu kien se jibnih. Dan spiċċa biex kien it-​tifel taʼ David, Salamun. Però, Alla ppremja lil David billi għamel patt tal-​għaġeb miegħu: Mil-​linja tal-​familja tiegħu kellha toħroġ dinastija rjali unika. Fl-​aħħar mill-​aħħar, kellha tipproduċi l-​Ħellies, jew Nisel, imwiegħed fl-​Għeden. Dan kien se jkun il-​Messija, jiġifieri, “il-​Midluk,” li kien maħtur minn Alla. Ġeħova wiegħed li l-​Messija kien se jkun il-​Ħakkiem taʼ gvern, jew Saltna, li kien se jibqaʼ għal dejjem.

Mimli gratitudni, David ġabar kwantitajiet kbar taʼ materjali għall-​bini u metalli prezzjużi għall-​proġett tat-​tempju. Hu kkompona wkoll ħafna salmi mnebbħin. Lejn l-​aħħar taʼ ħajtu, David għaraf: “L-​ispirtu taʼ Ġeħova kien li tkellem bija, u kelmtu kienet fuq ilsieni.”—2 Samwel 23:2.

Ibbażat fuq l-​1 Samwel; t-​2 Samwel; 1 Kronaki; Isaija 9:7; Mattew 21:9; Luqa 1:32; Ġwanni 7:42.