Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 14

Alla Għala Għandu Organizzazzjoni?

Alla Għala Għandu Organizzazzjoni?

1. Alla għala organizza lill-​Iżrael tal-​qedem?

Alla organizza lid-​dixxendenti tal-​patrijarka Abraham f’ġens u tahom ġabra taʼ liġijiet. Sejjaħ lill-​ġens “Israel” u fdah biex jieħu ħsieb il-​qima vera u l-​kelma tiegħu. (Salm 147:19, 20) Għalhekk, in-​nies tal-​ġnus kollha setgħu jibbenefikaw minn Iżrael.​—Aqra Ġenesi 22:18.

Alla għażel lill-​Iżraelin biex ikunu x-​xhieda tiegħu. L-​istorja tagħhom tal-​qedem turi kif in-​nies jibbenefikaw meta jobdu l-​liġijiet t’Alla. (Dewteronomju 4:6) B’hekk, permezz tal-​Iżraelin, ħaddieħor setaʼ jsir jaf lill-​Alla l-​veru.​—Aqra Isaija 43:10, 12.

2. Il-​Kristjani veri għala huma organizzati?

Maż-​żmien, Iżrael tilef l-​approvazzjoni t’Alla u, minflok dan il-​ġens, Ġeħova tefaʼ l-​approvazzjoni tiegħu fuq il-​kongregazzjoni Kristjana. (Mattew 21:43; 23:37, 38) Issa, minflok l-​Iżraelin, il-​Kristjani veri jaqdu bħala xhieda taʼ Ġeħova.​—Aqra Atti 15:14, 17.

Ġesù organizza lis-​segwaċi tiegħu biex jippritkaw u jagħmlu dixxipli mill-​ġnus kollha. (Mattew 10:7, 11; 24:14; 28:19, 20) Dan ix-​xogħol qed jilħaq il-​quċċata tiegħu issa, fil-​konklużjoni tas-​sistema preżenti. Għall-​ewwel darba fl-​istorja, Ġeħova għaqqad lil miljuni taʼ nies mill-​ġnus kollha fil-​qima vera. (Rivelazzjoni 7:9, 10) Il-​Kristjani veri huma organizzati biex jinkuraġġixxu u jgħinu wieħed lill-​ieħor. Madwar id-​dinja, huma jgawdu l-​istess programm taʼ tagħlim mill-​Bibbja fil-​laqgħat tagħhom.​—Aqra Ebrej 10:24, 25.

3. Fi żmien modern, l-​organizzazzjoni tax-​Xhieda taʼ Ġeħova kif bdiet?

Fis-​snin 70 tas-​seklu 19, grupp żgħir taʼ studenti tal-​Bibbja bdew jiskopru mill-​ġdid veritajiet Bibliċi li kienu ilhom minsijin. Kienu jafu li Ġesù kien organizza l-​kongregazzjoni Kristjana biex tipprietka, u għalhekk bdew kampanja internazzjonali taʼ ppritkar dwar is-​Saltna. Fl-​1931 bdew jissejħu Xhieda taʼ Ġeħova.​—Aqra Atti 1:8; 2:1, 4; 5:42.

4. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova kif inhuma organizzati?

Fl-​ewwel seklu, il-​kongregazzjonijiet Kristjani f’ħafna pajjiżi bbenefikaw minn ġemgħa li tiggverna ċentrali li rrikonoxxiet lil Ġesù bħala l-​Kap tal-​kongregazzjoni. (Atti 16:4, 5) B’mod simili llum, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova madwar id-​dinja jibbenefikaw minn Ġemgħa li Tiggverna t’anzjani t’esperjenza. Hi tindokra uffiċċji tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova li jittraduċu, jistampaw, u jqassmu pubblikazzjonijiet b’iktar minn 600 lingwa biex tiġi studjata l-​Bibbja. B’hekk, il-​Ġemgħa li Tiggverna tistaʼ tipprovdi inkuraġġiment u gwida Skritturali għal iktar minn 100,000 kongregazzjoni madwar id-​dinja. F’kull kongregazzjoni, irġiel kwalifikati jaqdu bħala anzjani jew indokraturi. Dawn l-​irġiel bi mħabba jieħdu ħsieb il-​merħla t’Alla.​—Aqra l-​1 Pietru 5:2, 3.

Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova huma organizzati biex jippritkaw l-​aħbar tajba u jagħmlu dixxipli. Bħall-​appostli, aħna nippritkaw minn dar għal dar. (Atti 20:20) Ukoll, noffru li nistudjaw il-​Bibbja maʼ dawk li sinċerament iħobbu l-​verità. Imma x-​Xhieda taʼ Ġeħova mhumiex sempliċi organizzazzjoni. Aħna familja b’Missier kollu mħabba. Aħna aħwa li jimpurtana minn xulxin. (2 Tessalonikin 1:3) Peress li n-​nies taʼ Ġeħova huma organizzati biex jogħġbu lil Alla u biex jgħinu lil oħrajn, huma jifformaw l-​iktar familja hienja fuq l-​art.​—Aqra Salm 33:12; Atti 20:35.