Meħlus Minn Ħalq l-Iljuni!
Kapitlu Tmienja
Meħlus Minn Ħalq l-Iljuni!
1, 2. (a) Dariju l-Medi kif organizzah l-imperu mifrux tiegħu? (b) Iddeskrivi d-dmirijiet u l-awtorità tas-satrapi.
BABILONJA kienet waqgħet! L-isplendur tagħha bħala qawwa dinjija, li kien ilu mitt sena, spiċċa fix-xejn f’temp taʼ ftit sigħat. Kienet qed tibda era ġdida—dik tal-Medi u tal-Persjani. Bħala suċċessur għat-tron taʼ Beltassar, Dariju l-Medi issa ffaċċja l-isfida li jorganizza l-imperu mifrux tiegħu.
2 Wieħed mill-ewwel xogħlijiet li Dariju daħal għalih kien li jaħtar 120 satrapa. Hawn min jemmen li dawk li qdew f’din il-kariga kultant kienu jintgħażlu minn fost il-qraba tas-sultan. Kien x’kien il-każ, kull satrapa kien jiggverna distrett kbir jew parti żgħira mill-imperu. (Danjel 6:2, Saydon [6:1, NW]) Dmirijietu kienu jinkludu li jiġbor it-taxxa u jħallas il-ħaraġ lis-sultan. Għalkemm kien suġġett għal spezzjoni perjodika minn xi rappreżentant mibgħut mis-sultan, is-satrapa kellu awtorità konsiderevoli. It-titlu tiegħu kien ifisser “protettur tas-Saltna.” Fil-provinċja tiegħu s-satrapa kien meqjus bħala sultan vassall, bi kważi poter sovran.
3, 4. Dariju għala ffavorieh lil Danjel, u s-sultan f’liema pożizzjoni ħatru?
3 Fejn kien postu Danjel f’dan l-arranġament il-ġdid? Kien sejjer Dariju l-Medi jġagħlu jirtira lil dan il-profeta Lhudi mdaħħal fiż-żmien li issa kien qabeż id-disgħin sena? Bl-ebda mod! Bla dubju Dariju rrealizza li Danjel kien bassar b’eżattezza l-waqgħa taʼ Babilonja u li tbassira bħal din irrikjediet dixxerniment sovruman. Iżjed minn hekk, Danjel kellu snin twal taʼ esperjenza f’li jittratta mad-diversi komunitajiet taʼ lsiera f’Babilonja. Dariju kien deċiż li jżomm relazzjonijiet paċifiċi mas-sudditi li kien għadu kif ikkonkwista. Għalhekk, ċertament li hu ried li jkollu lil xi ħadd bl-għerf u l-esperjenza taʼ Danjel qrib it-tron. F’liema kariga?
4 Kienet tkun sorpriża kbira biżżejjed kieku Dariju ħatar lil Danjel, l-eżiljat Lhudi, bħala satrapa. Imma immaġina ftit il-kommozzjoni meta Dariju ħabbar id-deċiżjoni tiegħu li jaħtar lil Danjel bħala wieħed mit-tliet uffiċjali għoljin li kellhom jispezzjonaw lis-satrapi! Mhux hekk biss, imma Danjel “kien jinqalaʼ ħafna tassew,” billi wera li kien superjuri għal sħabu l-uffiċjali għoljin. Tabilħaqq, instab fih “spirtu mill-aqwa.” Dariju saħansitra kellu l-ħsieb li jagħtih il-pożizzjoni taʼ prim ministru.—Danjel 6:3, 4 [2, 3, NW].
5. L-uffiċjali għoljin l-oħrajn u s-satrapi kif żgur li rreaġixxew għall-ħatra taʼ Danjel, u għala?
5 L-uffiċjali għoljin l-oħrajn u s-satrapi bilfors li kellhom demmhom ibaqbaq bir-rabja. Iva, huma ma setgħux iġerrgħu l-ħsieb li jkollhom lil Danjel—li la kien Medi, la Persjan u lanqas membru tal-familja rjali—f’pożizzjoni t’awtorità fuqhom! Kif setaʼ Dariju jgħolli lil barrani għal prominenza bħal din, billi jaqbeż lin-nies taʼ pajjiżu stess, saħansitra lill-familja tiegħu stess? Manuvra bħal din bilfors li kienet tidher inġusta. Iktar minn hekk, is-satrapi b’mod evidenti qiesu l-integrità taʼ Danjel bħala rażna mhix mixtieqa għall-prattiċi tagħhom stess taʼ korruzzjoni u ksib taʼ flus b’mod diżonest. Madankollu, l-uffiċjali għoljin u s-satrapi ma kellhomx il-kuraġġ javviċinaw lil Dariju dwar il-kwistjoni. Wara kollox, Dariju kellu stima kbira lejn Danjel.
6. L-uffiċjali għoljin u s-satrapi kif ipprovaw jitfgħu dell ikrah fuq Danjel, u dan l-isforz għala kien għalxejn?
6 Għalhekk, dawn il-politikanti għajjurin ikkonfoffaw bejniethom. Huma pprovaw “ifittxu xi skuża ħalli Danjel jinstab ħati taʼ xi nuqqas kontra s-saltna.” Setaʼ kien hemm xi ħaġa żbaljata dwar il-mod kif ħa ħsieb ir-responsabbiltajiet tiegħu? Kien hu diżonest? L-uffiċjali għoljin u s-satrapi ma setgħu jsibu assolutament ebda negliġenza jew korruzzjoni fil-mod kif Danjel ħa ħsieb id-dmirijiet tiegħu. “Ebda skuża m’aħna se nsibu kontra dan Danjel,” irraġunaw huma, “jekk ma nsibulux waħda li għandha x’taqsam mal-liġi taʼ Alla tiegħu.” U b’hekk kien li dawn l-irġiel qarrieqa ppjanaw komplott. Huma ħasbu li din kienet se ttemm lil Danjel darba għal dejjem.—Danjel 6:5, 6 [6:4, 5, NW].
JIBDA GĦADDEJ KOMPLOTT QATTIEL
7. L-uffiċjali għoljin u s-satrapi liema proposta għamlulu lis-sultan, u dan b’liema manjiera għamluh?
7 Dariju ġie avviċinat minn grupp taʼ uffiċjali għoljin u satrapi taʼ madwaru li “marru jgħaġġlu flimkien.” L-espressjoni Aramajka hawnhekk iġġorr l-idea taʼ kommozzjoni storbjuża. Mid-dehra, dawn l-irġiel riedu jagħtu l-impressjoni li kellhom kwistjoni t’urġenza kbira x’jippreżentawlu lil Dariju. Setgħu rraġunaw li jkun inqas probabbli li hu jiddisputi l-proposta tagħhom jekk jippreżentawha bil-konvinzjoni u bħala xi ħaġa li rrikjediet azzjoni immedjata. Għaldaqstant, huma ġew dritt għall-punt, billi qalu: “Il-prefetti tas-saltna, il-kapijiet u s-satrapi, il-kunsillieri u l-gvernaturi, lkoll jaqblu bejniethom li s-sultan jagħmel digriet u interdett sħiħ biex jekk xi ħadd, fi żmien tletin jum, jitlob lil xi alla jew lil xi bniedem ieħor ħliefek, sultan, jixħtuh fil-ħofra taʼ l-iljuni.” a—Danjel 6:7, 8 [6:6, 7, NW].
8. (a) Dariju għala għoġbitu l-liġi proposta? (b) X’kien il-motiv veru taʼ l-uffiċjali għoljin u tas-satrapi?
8 Kitbiet storiċi jikkonfermaw li kienet ħaġa komuni li slaten tal-Mesopotamja jitqiesu u jiġu meqjumin bħala li kienu divini. Mela Dariju bla dubju ħassu minfuħ b’din il-proposta. Jistaʼ jkun ukoll li ra xi vantaġġ f’dan. Ftakar li Dariju kien barrani u wieħed ġdid għal dawk li kienu jgħixu f’Babilonja. Din il-liġi l-ġdida kienet se sservi biex lilu tistabbilixxih bħala sultan, u kienet se tinkuraġġixxi lill-kotriet li kienu jgħixu f’Babilonja biex jiddikjaraw apertament il-lealtà u l-appoġġ tagħhom lejn ir-reġim il-ġdid. Iżda, f’li jipproponu d-digriet, l-uffiċjali għoljin u s-satrapi ftit li xejn kien jimpurtahom mill-benesseri tas-sultan. Il-motiv veru tagħhom kien li jaqbdu lil Danjel fin-nassa, għax kienu jafu li kienet id-drawwa tiegħu li jitlob lil Alla tliet darbiet kuljum quddiem it-twieqi miftuħin taʼ l-għorfa tiegħu.
9. Il-liġi l-ġdida għala ma kinitx se toħloq problemi għall-biċċa l-kbira minn dawk li ma kinux Lhud?
9 Kellha din ir-restrizzjoni fuq it-talb toħloq xi problema għall-komunitajiet reliġjużi kollha f’Babilonja? Mhux bilfors, speċjalment ladarba l-projbizzjoni kellha ddum biss xahar. Barra minn hekk, ftit kienu dawk li ma kinux Lhud li kienu se jqisuh bħala kompromess il-fatt li għal xi żmien jidderieġu l-qima tagħhom lejn xi bniedem. Jinnota wieħed studjuż tal-Bibbja: “Il-qima lejn is-Sultan m’esiġiet xejn stramb mingħand l-iktar ġens idolatruż; għalhekk meta l-Babiloniż kien jintalab biex jagħti lill-konkwistatur—Dariju l-Medi—ir-rispett mistħoqq lil xi alla, kien pront jobdi t-talba. Kien il-Lhudi biss li kien jistmerrha talba bħal din.”
10. Il-Medi u l-Persjani kif kienu jqisuha liġi maħruġa mis-sultan tagħhom?
10 Kien x’kien il-każ, dawk li żaru lil Dariju ħeġġewh biex ‘joħroġ l-interdett u jiffirma d-dokument, hekk li ma jkunx jistaʼ jitbiddel, skond il-liġi tal-popli tal-Medja u l-Persja, li ma tistax titħassar.’ (Danjel 6:9 [6:8, NW]) Fil-lvant tal-qedem, ir-rieda taʼ sultan kienet spiss titqies bħala assoluta. Dan kompla ġab ’il quddiem il-konċett li hu kien infallibbli. Saħansitra liġi li setgħet tikkaġuna l-mewt taʼ nies innoċenti kellha tibqaʼ effettiva!
11. Danjel kif kien se jiġi effettwat mid-digriet taʼ Dariju?
11 Mingħajr ma ħaseb f’Danjel, Dariju ffirma d-digriet. (Danjel 6:10 [6:9, NW]) Meta għamel hekk, hu ffirma mingħajr ma ried id-daqqa tal-mewt għall-iktar uffiċjal siewi tiegħu. Iva, Danjel żgur li kien se jiġi effettwat b’dan id-digriet.
DARIJU SFORZAT JAGĦTI ĠUDIZZJU ĦAŻIN
12. (a) X’għamel Danjel malli skopra dwar il-liġi l-ġdida? (b) Min kien qed jgħassislu lil Danjel, u għala?
12 Danjel malajr sar konxju tal-liġi li kienet tirrestrinġi t-talb. Immedjatament, daħal f’daru u telaʼ fl-għorfa tiegħu, fejn it-twieqi kienu miftuħin iħarsu lejn Ġerusalemm. b Hemmhekk Danjel beda jitlob lil Alla bħalma kien ‘jagħmel is-soltu’ regolarment. Danjel setaʼ ħaseb li kien waħdu, imma n-nassaba kienu qegħdin jgħassulu. F’daqqa waħda, huma “ġrew flimkien għal ħdejn Danjel,” bla dubju bl-istess manjiera mqanqla kif kienu avviċinaw lil Dariju. Issa kienu qegħdin jaraw kollox b’għajnejhom stess—Danjel kien qed “jitlob u jfaħħar lil Alla tiegħu.” (Danjel 6:11, 12 [6:10, 11, NW]) L-uffiċjali għoljin u s-satrapi kellhom l-evidenza kollha li kellhom bżonn biex jakkużaw lil Danjel quddiem is-sultan.
13. L-għedewwa taʼ Danjel x’irrapportawlu lis-sultan?
13 L-għedewwa taʼ Danjel staqsew b’makakkerija lil Dariju: “Sultan, m’hux int kont li ffirmajt l-interdett biex jekk xi ħadd, fi żmien tletin jum, jitlob lil xi alla jew lil bniedem ieħor ħliefek, sultan, jixħtuh fil-ħofra taʼ l-iljuni?” Dariju wieġeb: “L-ordni għadu sħiħ, skond il-liġi tal-popli tal-Medja u l-Persja li ma tistax titħassar.” Issa n-nassaba malajr ġew għall-punt. “Dan Danjel, wieħed mill-itturufnati Lhud, la ta kas tiegħek, sultan, u lanqas taʼ l-interdett iffirmat minnek, għax baqaʼ jitlob tliet darbiet kuljum!”—Danjel 6:13, 14 [6:12, 13, NW].
14. B’mod evidenti, l-uffiċjali għoljin u s-satrapi għala rreferew għal Danjel bħala li kien “wieħed mill-itturufnati Lhud”?
14 Huwa sinjifikanti l-fatt li l-uffiċjali għoljin u s-satrapi rreferew għal Danjel bħala li kien “wieħed mill-itturufnati Lhud.” B’mod evidenti, riedu jenfasizzaw li dan Danjel li lilu Dariju kien għolla għal prominenza bħal din fir-realtà ma kienx għajr ilsir Lhudi. Huma emmnu li bħala tali, hu ċertament li ma kienx eżentat mil-liġi—minkejja kif is-sultan kien iħossu dwaru!
15. (a) Kif irreaġixxa Dariju għall-aħbar li ġabulu l-uffiċjali għoljin u s-satrapi? (b) L-uffiċjali għoljin u s-satrapi kif urewha iktar l-istmerrija tagħhom lejn Danjel?
15 Jistaʼ jkun ukoll li l-uffiċjali għoljin u s-satrapi ppretendew li s-sultan jippremjahom għax-xogħol stuż taʼ tkixxif tagħhom. Jekk inhu hekk, kien hemm sorpriża lesta għalihom. Dariju kien inkwetat ferm bl-aħbar li ġabulu. Minflok ma tmasħan għal Danjel jew immedjatament tefgħu fil-ħofra taʼ l-iljuni, Dariju qattaʼ l-jum kollu jipprova jeħilsu. Imma kien kollu għalxejn. Fi żmien qasir, in-nassaba rritornaw, u bi spirtu sfiq, talbu għal demm Danjel.—Danjel 6:15, 16 [6:14, 15, NW].
16. (a) Dariju għala rrispettah lil dak Alla taʼ Danjel? (b) Dariju x’tama kellu rigward Danjel?
16 Dariju ħass li ma kellu ebda għażla fil-kwistjoni. Il-liġi ma setgħetx tiġi annullata, u n-“nuqqas” taʼ Danjel ma setax jinħafer. Kulma Dariju setaʼ jgħid lil Danjel kien: “Ħa jeħilsek Alla tiegħek, li lilu dejjem [“b’kostanza,” NW] taqdi.” Dariju donnu li kien jirrispettah lil dak Alla taʼ Danjel. Kien Jehovah li kien ta lil Danjel l-abbiltà li jbassar il-waqgħa taʼ Babilonja. Alla kien ta wkoll lil Danjel “spirtu li ma bħalu,” li ddistingwieh mill-uffiċjali għoljin l-oħrajn. Forsi Dariju kien konxju tal-fatt li għexur taʼ snin qabel, dan l-istess Alla kien ħeles lil tliet żgħażagħ Ebrej minn forn tan-nar iħeġġeġ. X’aktarx li s-sultan ittama li Jehovah kien se jeħles lil Danjel issa, ladarba Dariju ma setax idawwar lura l-liġi li kien iffirma. Għaldaqstant, lil Danjel tefgħuh fil-ħofra taʼ l-iljuni. c Imbagħad, “ressqu ġebla, qegħduha mad-daħla tal-ħofra, u s-sultan għamlilha fuqha l-marka bis-siġill tiegħu u s-siġill tal-kbarat tiegħu, ħalli ma jinbidel xejn minn dak li hu ddeċieda fuq Danjel.”—Danjel 6:17, 18 [6:16, 17, NW].
L-AFFARIJIET JINBIDLU B’MOD DRAMMATIKU
17, 18. (a) X’juri li Dariju kien imnikket minħabba s-sitwazzjoni taʼ Danjel? (b) X’ġara meta l-għada fil-għodu s-sultan irritorna lejn il-ħofra taʼ l-iljuni?
17 Dariju rritorna dipress lejn il-palazz tiegħu. Ma nġabulux mużiċisti quddiemu, għax ma kienx fil-burdata li jiddeverti. Minflok, Dariju baqaʼ mqajjem il-lejl kollu, isum. In-“ngħas ħarab minn xfar għajnejh.” Mas-sebħ, Dariju telaq jgħaġġel lejn il-ħofra taʼ l-iljuni. Hu għajjat b’leħen imnikket: “Danjel, qaddej taʼ Alla l-ħaj, kellu l-ħila jeħilsek mill-iljuni dak Alla li lilu dejjem [“b’kostanza,” NW] taqdi?” (Danjel 6:19-21 [6:18-20, NW]) Bi stagħġib kbir—u b’serħan assolut—għalih, kien hemm tweġiba!
18 “Jalla tgħix għal dejjem, sultan!” B’din it-tislima rispettabbli, Danjel wera li ma żammx f’qalbu għas-sultan. Hu rrealizza li l-persekuzzjoni tiegħu ma kinitx ġejja minn Dariju imma mill-uffiċjali għoljin u s-satrapi għajjurin. (Qabbel Mattew 5:44; Atti 7:60.) Danjel kompla: “Alla tiegħi bagħat l-anġlu tiegħu jagħlaq ħalq l-iljuni biex ma jagħmluli xejn, għax huwa sab li jiena kont bla ħtija, mhux biss quddiemu, iżda wkoll quddiemek, sultan, għax jien m’għamilt xejn ħażin.”—Danjel 6:22, 23 [6:21, 22, NW].
19. Dariju kif kien ġie mqarraq u manipulat mill-uffiċjali għoljin u s-satrapi?
19 Min jaf kemm tniggżet il-kuxjenza taʼ Dariju b’dak il-kliem! Hu kien jaf il-ħin kollu li Danjel ma kien għamel xejn li jimmeritah li jiġi mitfugħ fil-ħofra taʼ l-iljuni. Dariju kien konxju sewwa tal-fatt li l-uffiċjali għoljin u s-satrapi kienu kkomplottaw biex Danjel jingħata l-mewt u li kienu mmanipulaw lis-sultan biex iwettqu l-objettivi egoistiċi tagħhom. Billi insistew li ‘l-kapijiet kollha tas-saltna’ kienu rrikkmandaw li jingħadda d-digriet, huma implikaw li Danjel ukoll kien ġie konsultat fil-kwistjoni. Dariju kien se jieħu ħsieb dawn l-irġiel qarrieqa iktar tard. Madankollu, l-ewwel, hu ta l-kmand biex Danjel jittellaʼ mill-ħofra taʼ l-iljuni. Mirakolożament, Danjel ma kienx sofra girfa li hi girfa!—Danjel 6:24 [6:23, NW].
20. Xi ġralhom l-għedewwa malizzjużi taʼ Danjel?
20 Issa li Danjel kien fis-sigurtà, Dariju kellu missjoni oħra x’jaqdi. “Mbagħad, bl-ordni tas-sultan, qabdu lil dawk l-irġiel li gidbu fuq [“xlew ’il,” Saydon] Danjel u xeħtuhom fil-ħofra taʼ l-iljuni, lilhom, lil uliedhom u lin-nisa tagħhom; u anqas biss laħqu messew qiegħ il-ħofra li l-iljuni ma farrkulhomx għadamhom.” d—Danjel 6:25 [6:24, NW].
21. Liema kuntrast eżista bejn il-Liġi Mosajka u l-liġijiet taʼ xi kulturi antiki f’dak li għandu x’jaqsam mal-mod kif kienu jiġu trattati l-membri tal-familja taʼ xi ħadd li jkun għamel il-ħażin?
21 Il-fatt li jinqatlu mhux biss in-nassaba imma wkoll in-nisa u t-tfal tagħhom jistaʼ jidher li hu aħrax u inġust. B’kuntrast, il-Liġi li Alla ta permezz tal-profeta Mosè kienet tgħid: “M’għandekx tagħti l-mewt lill-missirijiet minħabba wliedhom, jew lill-ulied minħabba missirijiethom. Agħti l-mewt lil kulħadd għal dnubu.” (Dewteronomju 24:16) Minkejja dan, f’xi kulturi antiki, ma kinitx ħaġa rari li membri tal-familja jinqatlu flimkien maʼ dak li jkun għamel il-ħażen, fil-każ taʼ xi att kriminali serju. Forsi dan kien isir sabiex il-membri tal-familja ma kinux ikunu jistgħu jivvendikaw ruħhom iktar tard. Madankollu, dan l-att kontra l-familji taʼ l-uffiċjali għoljin u s-satrapi ċertament li ma kienx kaġunat minn Danjel. X’aktarx li hu kien imnikket minħabba l-gwaj li dawn l-irġiel mill-agħar kienu ġabu fuq il-familji tagħhom.
22. Dariju liema proklama ġdida ħareġ?
22 Spiċċaw l-uffiċjali għoljin u s-satrapi li kkonfoffaw. Dariju ħareġ proklama, li kienet tgħid: “Qiegħed nagħmel dan id-digriet biex fl-art kollha li fuqha jiena nsaltan kulħadd għandu jibżaʼ u jitriegħed quddiem Alla taʼ Danjel, għax hu Alla l-ħaj taʼ dejjem, li s-saltna tiegħu ma tinqeridx, u l-ħakma tiegħu ddum sa l-aħħar; minnu l-ħelsien u s-salvazzjoni, hu jagħmel il-mirakli u l-għeġubijiet fis-sema u fl-art; kien hu li ħeles lil Danjel mill-iljuni!”—Danjel 6:26-28 [6:25-27, NW].
AQDI LIL ALLA B’KOSTANZA
23. Danjel liema eżempju ta rigward ix-xogħol sekulari tiegħu, u aħna kif nistgħu nkunu bħalu?
23 Danjel kien taʼ eżempju mill-aħjar għall-qaddejja kollha t’Alla fi żmienna. Il-kondotta tiegħu kienet dejjem bla ħtija. Fix-xogħol sekulari tiegħu, Danjel “kien raġel sewwa, bla ebda nuqqas jew ħtija.” (Danjel 6:5 [6:4, NW]) Bl-istess mod, Kristjan għandu jkun ħabrieki fuq xogħlu. Dan ma jfissirx li għandu jkun xi individwu krudili u bla prinċipju fin-negozju li jfittex bil-ħerqa li jistagħna materjalment jew li jgħaffeġ lil ħaddieħor biex javanza l-karriera tiegħu. (1 Timotju 6:10) L-Iskrittura tirrikjedi li Kristjan iwettaq l-obbligi sekulari tiegħu bl-onestà u b’ruħu kollha, “bħallikieku lill-Mulej,” Jehovah.—Kolossin 3:22, 23; Titu 2:7, 8; Lhud 13:18.
24. Danjel kif wera li ma kienx jagħmel kompromessi fil-kwistjoni tal-qima?
24 Fil-qima tiegħu, Danjel m’għamel ebda kompromess. Kulħadd kien jaf bid-drawwa tiegħu li jitlob. Barra minn hekk, l-uffiċjali għoljin u s-satrapi kienu jafu sewwa li Danjel ħadha bis-serjetà l-qima tiegħu. Tabilħaqq, huma kienu konvinti li hu kien se jżomm maʼ din ir-rutina saħansitra jekk xi liġi pprojbietha. X’eżempju mill-aħjar għall-Kristjani taʼ żmienna! Huma wkoll għandhom ir-reputazzjoni li jpoġġu l-qima t’Alla fl-ewwel post. (Mattew 6:33) Dan għandu jkun evidenti mill-ewwel għal kulmin jarahom, għax Ġesù kkmanda lis-segwaċi tiegħu: “Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet.”—Mattew 5:16.
25, 26. (a) Xi wħud x’jistgħu jikkonkludu dwar l-aġir taʼ Danjel? (b) Danjel għala qies li bidla fir-rutina tiegħu kienet tammonta għal kompromess?
25 Jistaʼ jkun hemm min jgħid li Danjel setaʼ evitaha l-persekuzzjoni billi talab lil Jehovah fis-sigriet għall-perijodu taʼ 30 jum. Wara kollox, m’huma meħtiġin ebda pożizzjoni jew setting partikulari sabiex wieħed jinstemaʼ minn Alla. Hu jistaʼ saħansitra jagħraf il-meditazzjonijiet tal-qalb. (Salm 19:15 [19:14, NW]) Minkejja dan, Danjel kien iqis kwalunkwe bidla fir-rutina tiegħu bħala li tammonta għal kompromess. Għala?
26 Ladarba kien magħruf sewwa li Danjel kellu d-drawwa li jitlob, liema messaġġ kien jitwassal kieku ħabta u sabta ma kompliex jitlob? Xi osservaturi setgħu bir-raġun ikkonkludew li Danjel kien jibżaʼ mill-bnedmin u li d-digriet tas-sultan kien jisboq il-liġi taʼ Jehovah. (Salm 118:6) Imma bl-aġir tiegħu Danjel wera li Jehovah rċieva d-devozzjoni esklużiva tiegħu. (Dewteronomju 6:14, 15; Isaija 42:8) M’għandniex xi ngħidu, meta għamel hekk Danjel ma kienx qed jinjora b’diżrispett il-liġi tas-sultan. Madankollu, lanqas ma ċeda għall-biżaʼ billi għamel xi kompromess. Danjel sempliċement kompla jitlob fl-għorfa tiegħu, ‘bħalma kien jagħmel is-soltu’ qabel ma ħareġ id-digriet tas-sultan.
27. Qaddejja t’Alla llum kif jistgħu jkunu bħal Danjel f’li (a) ikunu sottomessi lejn l-awtoritajiet superjuri? (b) jobdu lil Alla bħala ħakkiem iktar milli lill-bnedmin? (ċ) jistinkaw biex jgħixu fil-paċi mal-bnedmin kollha?
27 Qaddejja t’Alla llum jistgħu jitgħallmu mill-eżempju taʼ Danjel. Huma jibqgħu ‘jobdu lill-awtorità taʼ fuqhom,’ billi jobdu l-liġijiet tal-pajjiż fejn jgħixu. (Rumani 13:1) Madankollu, meta l-liġijiet tal-bniedem jiġu f’konflitt maʼ dawk t’Alla, in-nies taʼ Jehovah jadottaw il-pożizzjoni taʼ l-appostli taʼ Ġesù, li bi qlubija qalu: “Jeħtieġ li nobdu aktar lil Alla milli l-bnedmin.” (Atti 5:29) Meta jagħmlu dan, il-Kristjani ma jkunux qed jippromwovu xi rewwixta jew ribelljoni. Minflok, il-mira tagħhom hi sempliċement li jgħixu fil-paċi mal-bnedmin kollha sabiex ‘ikunu jistgħu jgħaddu ħajja fil-kwiet u fis-sliem, fit-tjieba u kif jixraq.’—1 Timotju 2:1, 2; Rumani 12:18.
28. Danjel kif qeda lil Jehovah “b’kostanza”?
28 F’żewġ okkażjonijiet Dariju kkummenta li Danjel kien qed jaqdi lil Alla “b’kostanza.” (Danjel 6:17, 21 [6:16,20, NW]) L-għerq Aramajk għall-kelma tradotta “kostanza” jfisser “moviment ċirkulari.” Dan jissuġġerixxi l-idea taʼ ċiklu kontinwu, jew xi ħaġa li hi perpetwa. Hekk kienet l-integrità taʼ Danjel. Segwiet mudell li wieħed setaʼ jbassru. Ma kien ikun hemm ebda dubju dwar x’kien se jagħmel Danjel meta kien jiġi ffaċċjat mill-provi, kemm kbar u kemm żgħar. Kien se jkompli fil-korsa li kien diġà stabbilixxa għexur taʼ snin qabel—dik taʼ lealtà u fedeltà lejn Jehovah.
29. Qaddejja taʼ Jehovah llum kif jistgħu jibbenefikaw mill-korsa leali taʼ Danjel?
29 Il-qaddejja t’Alla taʼ żmienna jridu jsegwu l-korsa taʼ Danjel. Tabilħaqq, l-appostlu Pawlu ammonixxa lill-Kristjani kollha biex jikkunsidraw l-eżempju taʼ bnedmin tal-qedem li kienu jibżgħu minn Alla. Permezz tal-fidi, huma “għamlu l-ġustizzja, kisbu l-wegħdiet,” u—b’mod evidenti b’referenza għal Danjel—“saddew ħalq l-iljuni.” Bħala qaddejja taʼ Jehovah llum, ejjew nuru l-fidi u l-kostanza taʼ Danjel u “b’qalbna qawwija nibqgħu niġru t-triq tal-prova li għandna quddiemna.”—Lhud 11:32, 33; 12:1.
[Noti taʼ taħt]
a L-eżistenza taʼ “ħofra taʼ l-iljuni” f’Babilonja hija appoġġata mit-testimonjanza taʼ iskrizzjonijiet antiki li juru li l-ħakkiema Orjentali spiss kien ikollhom postijiet apposta fejn iżommu l-annimali salvaġġi.
b L-għorfa kienet kamra privata fejn wieħed setaʼ jirtira meta ma kienx ikun irid lil min jiddisturbah.
c Il-ħofra taʼ l-iljuni setgħet kienet kamra taħt l-art b’bokka fuq. X’aktarx li kellha wkoll bibien jew spralli tal-ħadid li setgħu jinfetħu ’l fuq biex ikunu jistgħu jidħlu l-annimali.
d Il-kelma “xlew” hija traduzzjoni taʼ espressjoni Aramajka li tistaʼ tiġi tradotta wkoll “immalafama.” Dan jenfasizza l-intenzjoni malizzjuża taʼ l-għedewwa taʼ Danjel.
X’INNOTAJT?
• Dariju l-Medi għala ddeċieda li juża lil Danjel f’pożizzjoni għolja?
• L-uffiċjali għoljin u s-satrapi liema komplott qarrieq ikkonfoffaw? Jehovah kif ħelsu lil Danjel?
• X’tgħallimt int billi osservajt bir-reqqa l-eżempju taʼ fedeltà taʼ Danjel?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa taʼ paġna sħiħa f’paġna 114]
[Stampa taʼ paġna sħiħa f’paġna 121]
[Stampa f’paġna 127]
Danjel qeda lil Jehovah “b’kostanza.” Hekk tagħmel int?