Il-Ktieb taʼ Danjel u Int
Kapitlu Wieħed
Il-Ktieb taʼ Danjel u Int
1, 2. (a) Liema huma xi ftit mis-sitwazzjonijiet mhux tas-soltu preżentati fil-ktieb Bibliku taʼ Danjel? (b) Fi żmienna, liema mistoqsijiet iqumu rigward il-ktieb taʼ Danjel?
SULTAN potenti jhedded li joqtol lill-irġiel għorrief tiegħu għaliex dawn m’għandhomx il-ħila jirrivelaw u jinterpretaw il-ħolma tiegħu li ħawditlu moħħu. Tliet żgħażagħ li ma jridux iqimu lil statwa ġganteska jiġu mitfugħin ġo forn taʼ nar jaħraq iktar mis-soltu, u madankollu jibqgħu ħajjin. Waqt ċelebrazzjoni festiva, mijiet taʼ nies jilmħu id tikteb kliem misterjuż fuq ħajt taʼ palazz. Nies xewwiexa u mill-agħar jordnaw li raġel imdaħħal fiż-żmien jiġi mitfugħ f’ħofra taʼ l-iljuni, imma hu joħroġ minnha mingħajr girfa. Profeta t’Alla jara erbaʼ bhejjem ġo viżjoni, u s-sinjifikat tagħhom jestendi tul millennji sħaħ għal ġol-futur.
2 Dawn huma biss ftit mir-rakkonti misjubin fil-ktieb Bibliku taʼ Danjel. Jimmeritaw dawn konsiderazzjoni serja? Huwa possibbli li dan il-ktieb daqshekk antik ikun rilevanti għal żmienna? Għala għandna nħabblu rasna dwar ġrajjiet li seħħew xi 2,600 sena ilu?
DANJEL—KTIEB ANTIK GĦAL ŻMIENNA
3, 4. Ħafna nies għala huma mħassbin b’mod ġustifikat dwar il-futur taʼ l-umanità?
3 Ħafna mill-materjal li hemm fil-ktieb taʼ Danjel jiffoka fuq it-tema taʼ ħakma dinjija, suġġett li llum hu taʼ tħassib ewlieni. Kważi kulħadd jaqbel li qed ngħixu fi żminijiet diffiċli. Minn jum għal ieħor, rapporti fl-aħbarijiet jibbombardjawna bi tfakkiriet koroh ferm li s-soċjetà umana qed tegħreq f’bir taʼ problemi li jħawduk—u dan minkejja l-kisbiet rimarkevoli f’dik li hi xjenza u teknoloġija.
4 Ikkunsidra dan: Il-bniedem mexa fuq il-qamar, imma f’ħafna postijiet ma jistax jippassiġġa mingħajr biżaʼ fit-toroq tal-pjaneta tiegħu stess. Jistaʼ jforni dar b’kull xorta taʼ kumditajiet moderni, imma ma jistax iwaqqaf l-għadd li dejjem jiżdied taʼ familji mkissrin. U jistaʼ jġib l-era taʼ l-informazzjoni, imma ma jistax jgħallem lin-nies jgħixu fil-paċi flimkien. Hugh Thomas, professur taʼ l-istorja, darba kiteb: “Mit-tixrid taʼ l-għarfien u l-edukazzjoni, il-bniedem ftit tgħallem f’dak li hu kontroll fuqu nnifsu u jerġaʼ tgħallem inqas f’dik li hi arti taʼ kif jgħix maʼ bnedmin oħrajn.”
5. Fil-biċċa l-kbira, x’kien ir-riżultat tal-ħakma mill-bniedem?
5 Biex jipprovaw jistabbilixxu xi ftit t’ordni fis-soċjetà, il-bnedmin organizzaw ruħhom taħt varjetà kbira taʼ gvernijiet. Iżda, l-ebda wieħed minnhom ma ġie eżentat mill-verità taʼ l-osservazzjoni tas-Sultan Salamun: “Bniedem jaħkem fuq ieħor u jagħmillu l-ħsara.” (Koħèlet 4:1; 8:9) M’għandniex xi ngħidu, xi ħakkiema kellhom ideali nobbli. Minkejja dan, l-ebda sultan, president, jew dittatur ma jistaʼ jqaċċat mill-għeruq il-mard u l-mewt. L-ebda bniedem ma jistaʼ jirrestawra l-art tagħna għall-Ġenna li Alla kellu l-iskop li tkun.
6. Jehovah għala m’għandux bżonn il-kooperazzjoni taʼ ħakmiet umani biex iwettaq ir-rieda tiegħu?
6 Madankollu, il-Ħallieq għandu kemm ir-rieda u kemm il-kapaċità li jagħmel dawn l-affarijiet. M’għandux bżonn il-permess tal-gvernijiet umani biex iwettaq l-iskop tiegħu, għax għalih “il-ġnus bħal qatra waħda minn barmil ilma, bħal għabra trab f’miżien, hekk qishom!” (Isaija 40:15) Iva, Jehovah hu l-Ħakkiem Sovran taʼ l-univers. Bħala tali, hu għandu awtorità ferm ogħla minn dik taʼ gvernijiet umani. Għall-barka eterna tal-bnedmin, is-Saltna t’Alla se tieħu post il-ħakmiet umani kollha. Forsi dan imkien ma jintgħamel iktar ċar milli fil-ktieb Bibliku taʼ Danjel.
DANJEL—MAĦBUB FERM MINN ALLA
7. Min kien Danjel, u Jehovah kif kien iħares lejh?
7 Alla Jehovah kellu affezzjoni kbira lejn Danjel, li għal ħafna snin qeda bħala l-profeta tiegħu. Tabilħaqq, l-anġlu t’Alla ddeskriva lil Danjel bħala “għażiż.” (Danjel 9:23) Il-kelma oriġinali Ebrajka tradotta “għażiż” tistaʼ tfisser “maħbub ferm,” “stmat ħafna,” saħansitra “wieħed favorit.” Danjel kien prezzjuż b’mod speċjali f’għajnejn Alla.
8. Danjel kif sab ruħu f’Babilonja?
8 Ejja nikkunsidraw fil-qosor iċ-ċirkustanzi uniċi taʼ dan il-profeta maħbub. Fis-sena 618 Q.E.K., a is-Sultan Babiloniż Nabukodonosor assedja lil Ġerusalemm. (Danjel 1:1) Ftit wara dan, ċerti żgħażagħ Lhud, li kienu taʼ skola, ittieħdu bil-forza fl-eżilju ġewwa Babilonja. Fosthom kien hemm Danjel. F’dak iż-żmien, hu x’aktarx li kien għadu adolexxent.
9. Danjel u sħabu Ebrej liema taħriġ ngħataw?
9 Danjel u sħabu Ħananija, Misaèl, u Għażarija kienu fost l-Ebrej magħżulin biex jirċievu tliet snin taʼ taħriġ fil-“kitba u l-ilsien tal-Kaldin.” (Danjel 1:3, 4) Xi studjużi jgħidu li dan x’aktarx li ma kienx biss kors lingwistiku. Per eżempju, il-Professur C. F. Keil jgħid: “Danjel u sħabu kellhom jiġu edukati fl-għerf tal-qassisin u taʼ l-għorrief Kaldin, li kien jiġi mgħallem fl-iskejjel taʼ Babilonja.” Mela Danjel u sħabu kienu qegħdin jitħarrġu b’mod speċjali għal servizz governattiv.
10, 11. Danjel u sħabu liema sfidi ffaċċjaw, u Jehovah liema għajnuna tahom?
10 X’bidla drastika fiċ-ċirkustanzi kienet din għal Danjel u sħabu! F’Ġuda, huma kienu għexu fost l-adoraturi taʼ Jehovah. Issa kienu mdawrin minn poplu li kien iqim allat mitoloġiċi, maskili u femminili. Minkejja dan, iż-żgħażagħ Danjel, Ħananija, Misaèl, u Għażarija ma ġewx intimidati. Kienu determinati—minkejja din is-sitwazzjoni taʼ sfida għall-fidi—li jżommu sod mal-qima vera.
11 Din ma kinitx xi ħaġa faċli. Is-Sultan Nabukodonosor kien bniedem devot u żeluż fil-qima taʼ Marduk, id-divinità ewlenija taʼ Babilonja. Dak li kien jesiġi s-sultan kien xi drabi totalment inaċċettabbli għal adoratur taʼ Jehovah. (Per eżempju, ara Danjel 3:1-7.) Madankollu, Danjel u sħabu kellhom il-gwida li ma tfallix taʼ Jehovah. Matul it-tliet snin taʼ taħriġ tagħhom, Alla berikhom b’għarfien u “għaqal f’kull kitba u għerf.” Iżjed minn hekk, Danjel ngħata l-abbiltà li jifhem it-tifsir taʼ viżjonijiet u ħolm. Iktar tard meta s-sultan eżamina lil dawn l-erbaʼ żgħażagħ, sabhom li kienu “għaxar darbiet aqwa mill-maġi u l-bassara kollha li kien hemm fis-saltna kollha tiegħu.”—Danjel 1:17, 20.
JIPPROKLAMA L-MESSAĠĠI T’ALLA
12. Liema inkarigu speċjali kellu Danjel?
12 Matul il-ħafna snin li qattaʼ f’Babilonja, Danjel qeda bħala l-messaġġier t’Alla għal irġiel bħalma kienu s-Slaten Nabukodonosor u Beltassar. L-inkarigu taʼ Danjel kien wieħed kruċjali. Jehovah kien ħalla lil Nabukodonosor jeqred lil Ġerusalemm, billi wżah bħala l-istrument Tiegħu. Maż-żmien, Babilonja wkoll kellha tinqered. Verament, il-ktieb taʼ Danjel jeżalta lil Alla Jehovah bħala l-Iktar Għoli u bħala Ħakkiem fuq “is-saltna tal-bnedmin.”—Danjel 4:14 [4:17, New World Translation].
13, 14. Xi ġralu Danjel wara l-waqgħa taʼ Babilonja?
13 Danjel kompla fis-servizz irjali għal xi sebgħin sena, sal-waqgħa taʼ Babilonja. Matul ħajtu ra lil ħafna Lhud jirritornaw lejn art twelidhom fis-sena 537 Q.E.K., għalkemm il-Bibbja ma tgħidx li hu akkumpanjahom. Kien attiv ferm sa mill-inqas it-tielet sena tar-renju tas-Sultan Ċiru, il-fundatur taʼ l-Imperu Persjan. Sa dak iż-żmien, Danjel bilfors li kellu qrib il-100 sena!
14 Wara l-waqgħa taʼ Babilonja, Danjel niżżel bil-miktub il-ġrajjiet l-iktar sinjifikanti taʼ ħajtu. Id-dokument tiegħu issa huwa parti rimarkevoli mill-Bibbja Mqaddsa u huwa magħruf bħala l-ktieb taʼ Danjel. Imma għala għandna nagħtu l-attenzjoni tagħna lil dan il-ktieb antik?
ŻEWĠ LINJI TAʼ ĦSIEB, MESSAĠĠ WIEĦED
15. (a) Liema żewġ linji taʼ ħsieb fih il-ktieb Bibliku taʼ Danjel? (b) Il-porzjon narrattiv taʼ Danjel kif jistaʼ jkun taʼ benefiċċju għalina?
15 Il-ktieb uniku taʼ Danjel fih żewġ linji taʼ ħsieb differenti ferm—waħda narrattiva, u l-oħra profetika. Iż-żewġ aspetti tal-ktieb taʼ Danjel jistgħu jibnulna l-fidi. Kif? Il-porzjonijiet narrattivi—fost l-iktar vivaċi fil-Bibbja—juruna li Alla Jehovah jbierek u jieħu ħsieb dawk li jżommu l-integrità tagħhom lejh. Danjel u t-tliet sħabu baqgħu sodi minkejja provi taʼ theddid għal ħajjithom. Illum, dawk kollha li jridu jibqgħu leali lejn Jehovah se jissaħħu jekk jikkunsidraw mill-qrib l-eżempju tagħhom.
16. Liema lezzjoni nitgħallmu mill-porzjonijiet profetiċi taʼ Danjel?
16 Il-porzjonijiet profetiċi taʼ Danjel jibnu l-fidi billi juru li Jehovah jkun jaf il-korsa taʼ l-istorja minn sekli—saħansitra millennji—qabel. Per eżempju, Danjel jipprovdi dettalji dwar il-qawma u l-waqgħa taʼ potenzi dinjin minn żmien Babilonja tal-qedem dritt “saż-żmien taʼ l-aħħar.” (Danjel 12:4) Danjel jiġbed l-attenzjoni tagħna lejn is-Saltna t’Alla f’idejn is-Sultan maħtur Tiegħu u sħabu l-“qaddisin,” billi jipponta lejha bħala l-gvern li se jibqaʼ għal dejjem. Dan il-gvern se jwettaq bis-sħiħ l-iskop li Jehovah għandu għad-dinja tagħna u dan se jirriżulta f’barka għal dawk kollha li jridu jaqdu lil Alla.—Danjel 2:44; 7:13, 14, 22.
17, 18. (a) Il-fidi tagħna kif se tissaħħaħ permezz taʼ eżami mill-qrib tal-ktieb taʼ Danjel? (b) Liema kwistjoni jeħtieġ li tiġi diskussa qabel ma nidħlu għal studju taʼ dan il-ktieb Bibliku u profetiku?
17 Kemm aħna grati li Jehovah ma jżommx għalih innifsu l-għarfien dwar ġrajjiet futuri! Minflok, hu Dak li “jikxef il-misteri.” (Danjel 2:28) Hekk kif nikkunsidraw it-twettiq tal-profeziji dokumentati fil-ktieb taʼ Danjel, il-fidi tagħna fil-wegħdi t’Alla se tissaħħaħ. Se nibdew inħossuna dejjem iktar ċerti li Alla se jwettaq l-iskop tiegħu fil-ħin eżatt u bil-manjiera preċiża li jagħżel hu.
18 Kulmin jistudja b’qalb miftuħa l-ktieb Bibliku taʼ Danjel se jikber fil-fidi. Madankollu, qabel ma nidħlu għal eżami profond taʼ dan il-ktieb, għandna bżonn nikkunsidraw xi evidenza biex naraw jekk dan il-ktieb huwiex verament awtentiku. Xi kritiċi attakkaw il-ktieb taʼ Danjel, billi qalu li l-profeziji tiegħu kienu attwalment miktubin wara li twettqu. Huwa ġustifikat dak li jsostnu x-xettiċi? Il-kapitlu li jmiss se jiddiskuti din il-kwistjoni.
[Nota taʼ taħt]
a Q.E.K. tfisser “Qabel l-Era Komuni.” E.K. tfisser “Era Komuni,” spiss imsejħa A.D., għal “Anno Domini,” li tfisser “fis-sena tal-Mulej.”
X’INNOTAJT?
• Danjel għala huwa ktieb għal żmienna?
• Danjel u sħabu kif sabu ruħhom f’servizz governattiv Babiloniż?
• X’kien l-inkarigu speċjali taʼ Danjel f’Babilonja?
• Għala għandna noqogħdu attenti għall-profezija taʼ Danjel?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa taʼ paġna sħiħa f’paġna 4]
[Stampa taʼ paġna sħiħa f’paġna 11]