IL-BIBBJA TBIDDEL IL-ĦAJJIET
“M’Għadnix Inħoss li Rrid Nirranġa l-Problemi tad-Dinja”
SENA TAT-TWELID: 1966
POST TAT-TWELID: IL-FINLANDJA
PASSAT: NIĠĠIELED GĦAD-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI U N-NIES
Il-PASSAT TIEGĦI:
Minn mindu kont żgħir kont inħobb in-natura. Fejn konna noqogħdu aħna, fil-belt taʼ Jyväskylä, fiċ-ċentru tal-Finlandja, kien hemm ħafna foresti u għadajjar sbieħ. Jien u l-familja tiegħi konna mmorru ħafna f’dawn il-postijiet sbieħ. Ukoll, minn dejjem kont inħobb ħafna l-annimali. Meta kont tifel, ridt ngħannaq kull kelb u qattus li kont nara! Jiena u nikber, kont imdejjaq ħafna kif in-nies kienu jittrattaw b’mod ħażin l-annimali. Maż-żmien, dħalt f’organizzazzjoni li tipproteġi l-annimali. Hemmhekk, iltqajt maʼ ħafna nies li bħali jħobbu l-annimali u jridu jipproteġuhom.
Għamilna ħafna biex nipproteġu l-annimali. Konna nipprovaw nuru lin-nies dak li kien qed jiġri permezz taʼ vidjows, flyers, u affarijiet oħra. Ukoll, organizzajna protesti kontra ħwienet li jbigħu ħwejjeġ tal-fer u kontra postijiet li jittestjaw prodotti fuq l-annimali. Anki ftaħna organizzazzjoni ġdida li tipproteġi l-annimali. Peress li konna nagħmlu minn kollox biex nipprovaw ngħinu l-annimali, kemm-il darba dħalna fl-inkwiet mal-pulizija. Ħafna drabi ġejt arrestat u mtellaʼ l-qorti.
Ma kontx inkwetat biss dwar l-annimali, imma anki dwar problemi oħra madwar id-dinja. Aktar tard, dħalt f’organizzazzjonijiet oħra bħal Amnesty International u Greenpeace. Għamilt dak kollu li stajt biex ngħinhom fix-xogħol li kienu jagħmlu. Kont niddefendi d-drittijiet tal-foqra, dawk li kienu bil-ġuħ, u oħrajn li kellhom bżonn l-għajnuna.
Maż-żmien indunajt li ma stajtx nirranġa l-problemi tad-dinja. Għalkemm dawk l-organizzazzjonijiet irnexxielhom isolvu xi problemi żgħar, il-problemi l-kbar baqgħu jiggravaw. Kien qisu l-ħażin qed jikkontrolla d-dinja kollha u ħadd ma kien jinteressah minn xejn. Ħassejt li ma stajt nagħmel xejn.
KIF IL-BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI:
Jien ħassejtni mdejjaq għax ma stajt nagħmel xejn. Allura bdejt naħseb iżjed dwar Alla u l-Bibbja. Qabel, kont nistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova. Jien kont naf li huma kienu nies tajbin u kien jinteressahom minni. Imma ma kontx lest li nbiddel ħajti. Imma did-darba l-affarijiet kienu differenti.
Iddeċidejt li nibda naqra l-Bibbja. Vera kienet taʼ inkuraġġiment għalija. Rajt li l-Bibbja tgħidilna kemm-il darba biex nittrattaw l-annimali b’mod tajjeb. Pereżempju, Proverbji 12:10 jgħid li ‘n-nies tajbin jieħdu ħsieb l-annimali tagħhom.’ Fhimt ukoll li l-problemi kollha tad-dinja mhumiex it-tort t’Alla. Anzi, il-problemi jibqgħu jikbru għax ħafna min-nies ma jobduhx. Vera kont impressjonat meta tgħallimt dwar l-imħabba u l-paċenzja taʼ Ġeħova.—Salm 103:8-14.
Matul dak iż-żmien, imlejt karta biex jibagħtuli l-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? Ftit wara, ġew tnejn mix-Xhieda taʼ Ġeħova u offrewli studju tal-Bibbja, u jien aċċettajt. Bdejt anki nattendi l-laqgħat tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Dak li bdejt nitgħallem minn fuq il-Bibbja vera beda jogħġobni.
Grazzi għall-Bibbja, bdejt nagħmel ħafna bidliet. Qtajt is-sigaretti u ma bqajtx nixrob ħafna. Biddilt l-istil tiegħi u waqaft nuża kliem ħażin. Tgħallimt ukoll li għandi nirrispetta lill-gvern u l-liġi tiegħu. (Rumani 13:1) Bdejt anki nobdi dak li tgħid il-Bibbja dwar is-sess, xi ħaġa li qabel ma kontx nagħti kas.
L-iżjed ħaġa diffiċli kienet biex inbiddel kif inħares lejn l-organizzazzjonijiet li kont fihom. Ma kinitx faċli għalija. Għall-bidu ħassejt li nkun qed nittradihom lil dawn l-organizzazzjonijiet jekk nitlaq. Imma fl-istess ħin fhimt li s-Saltna t’Alla biss tistaʼ ssolvi l-problemi li hawn fuq l-art. Allura, iddeċidejt li nagħmel dak kollu li nistaʼ biex naħdem għas-Saltna t’Alla u ngħin lil oħrajn jitgħallmu dwarha.—Mattew 6:33.
KIF IBBENEFIKAJT:
Lin-nies kont narahom b’żewġ modi, jew tajjeb jew ħażin. Kont lest li nagħmel kollox kontra dawk li kont inqis li huma ħżiena. Imma grazzi għall-Bibbja, m’għadnix nobgħod lill-oħrajn. Minflok, nipprova nuri mħabba Kristjana lejn kulħadd. (Mattew 5:44) Mod wieħed kif nuri din l-imħabba huwa billi ngħid lin-nies dwar l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. Vera ferħan li nara kif l-aħbar tajba qed tgħin lin-nies ikollhom il-paċi, tgħinhom ikunu ferħanin, u ttihom tama vera għall-futur.
Illum, inħossni ħafna aħjar għax inħalli f’idejn Ġeħova biex isolvi l-problemi kollha. Jien ċert li Ġeħova, bħala l-Ħallieq, mhux se jħalli l-annimali u n-nies jiġu ttrattati ħażin għal dejjem. Ukoll, mhux se jħalli din id-dinja sabiħa tinqered. Anzi, permezz tas-Saltna tiegħu daqt se jirranġa l-ħsara kollha li saret. (Isaija 11:1-9) Li naf dawn il-veritajiet mill-Bibbja u ngħin lill-oħrajn jemmnu fihom, jagħmilni ferħan ħafna. Issa, m’għadnix inħoss li rrid nirranġa l-problemi tad-dinja.