Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 107

Stiefnu Jiġi Mħaġġar

Stiefnu Jiġi Mħaġġar

IR-​RAĠEL hawn li qiegħed għarkopptejh hu Stiefnu. Huwa dixxiplu leali taʼ Ġesù. Imma ara x’qed jiġrilu issa! Dawn l-​irġiel qed iwaddbulu ġebel kbir. Għala jobogħdu lil Stiefnu tant li qed jagħmlu din il-​ħaġa terribbli? Ejja naraw.

Alla kien qed jgħin lil Stiefnu jagħmel mirakli tal-​għaġeb. Dawn l-​irġiel ma jiħdux pjaċir b’dan, u għalhekk jargumentaw miegħu dwar il-​fatt li jgħallem lin-​nies il-​verità. Imma Alla jagħti lil Stiefnu għerf kbir, u Stiefnu juri li dawn l-​irġiel kienu qed jgħallmu l-​gideb. Dan jirrabjahom saħansitra iktar. Għalhekk jaħtfuh, u jsejħu rġiel biex jigdbu fuqu.

Il-​qassis il-​kbir jistaqsi lil Stiefnu: ‘Huwa veru dak li qed jgħidu?’ Stiefnu jwieġeb billi jagħti taħdita mill-​aħjar mill-​Bibbja. Fl-​aħħar tat-​taħdita jgħid kif irġiel ħżiena kienu jobogħdu lill-​profeti taʼ Ġeħova żmien twil ilu. Imbagħad jgħid: ‘Intom eżatt l-​istess bħal dawk l-​irġiel. Intom qtiltu l-​qaddej t’Alla, Ġesù, u m’obdejtux il-​liġijiet t’Alla.’

Dan tgħidx kemm jirrabja lill-​mexxejja reliġjużi! Jheżżu snienhom bir-​rabja. Imma mbagħad Stiefnu jgħolli rasu ’l fuq u jgħid: ‘Ara! Qed nara lil Ġesù bilwieqfa fuq in-​naħa l-​leminija t’Alla fis-​sema.’ Malli jgħid dan, dawn l-​irġiel jgħattu widnejhom u jiġru għal fuq Stiefnu. Jaħtfuh u jkaxkruh ’il barra mill-​belt.

Hawnhekk, ineħħu l-​ilbiesi taʼ fuq tagħhom u jagħtuhom liż-​żagħżugħ Sawl biex jieħu ħsiebhom. Qed tarah lil Sawl? Imbagħad xi rġiel jibdew iwaddbu l-​ġebel lil Stiefnu. Stiefnu jinżel għarkopptejh, kif tistaʼ tara, u jitlob lil Alla: ‘Ġeħova, tikkastigahomx għal din il-​ħaġa ħażina.’ Hu jaf li xi wħud minnhom ġew imqarrqin mill-​mexxejja reliġjużi. Wara dan, Stiefnu jmut.

Meta xi ħadd jagħmillek xi ħaġa ħażina, tipprova tpattihielu? Titlob lil Alla biex ipattihielu? Stiefnu u Ġesù m’għamlux hekk. Kienu qalbhom tajba anki maʼ dawk li kienu kattivi magħhom. Ejja nipprovaw inkunu bħalhom.