STORJA 59
Għala David Ikollu Jaħrab
WARA li David joqtol lil Gulija, il-kap tal-armata t’Iżrael, Abner, iġibu quddiem Sawl. Sawl jieħu ħafna gost b’David. Hu jagħmlu kap fl-armata tiegħu u jieħdu biex jgħix f’dar is-sultan.
Iktar tard, meta l-armata tiġi lura milli tiġġieled kontra l-Filistin, in-nisa jkantaw: ‘Sawl qatel l-eluf, imma David l-għaxriet t’eluf.’ Dan iġiegħel lil Sawl jgħir, għax David qed jiġi mfaħħar iktar minn Sawl. Imma t-tifel taʼ Sawl, Ġonatan, ma jgħirx. Hu jħobb lil David ħafna, u anki David iħobb lil Ġonatan. Għalhekk, jagħmlu wegħda lil xulxin li dejjem se jibqgħu ħbieb.
David jaf idoqq l-arpa tajjeb ħafna, u Sawl jieħu pjaċir bil-mużika li jdoqq. Iżda ġurnata waħda l-għira taʼ Sawl iġġiegħlu jagħmel xi ħaġa mill-agħar. Waqt li David qed idoqq l-arpa, Sawl jaqbad b’idejh il-lanza tiegħu u jwaddabha u jgħid: ‘Ħa nsammar lil David mal-ħajt!’ Imma David jersaq, u l-lanza ma tolqtux. Iktar tard Sawl jerġaʼ jwaddab il-lanza lejn David imma ma jolqtux. Allura David issa jaf li jrid joqgħod attent ħafna.
Tiftakar il-wegħda li għamel Sawl? Hu qal li kien se jagħti lit-tifla tiegħu biex tkun il-mara taʼ dak li joqtol lil Gulija. Fl-aħħar, Sawl jgħid lil David li hu jistaʼ jieħu lil bintu Mikal, iżda l-ewwel irid joqtol 100 mill-għedewwa Filistin. Immaġina naqra! Sawl fir-realtà qed jittama li l-Filistin joqtlu lil David. Imma ma joqtluhx, u għalhekk Sawl jagħti lil bintu bħala l-mara taʼ David.
Darba waħda Sawl jgħid lil Ġonatan u lill-qaddejja kollha tiegħu li hu jrid joqtol lil David. Iżda Ġonatan jgħid lil missieru: ‘Tweġġax lil David. Hu qatt m’għamillek xi ħaġa ħażina. Anzi, kulma għamel kien t’għajnuna kbira għalik. Hu ssogra ħajtu meta qatel lil Gulija, u int rajtu dan u fraħt.’
Sawl jismaʼ minn ibnu, u jwiegħed li ma jweġġax lil David. David jinġieb lura, u jerġaʼ jaqdi lil Sawl f’daru bħalma kien għamel qabel. Imma ġurnata minnhom, waqt li David ikun qed idoqq il-mużika, Sawl jerġaʼ jwaddab il-lanza lil David. David jersaq, u l-lanza tolqot il-ħajt. Din hi t-tielet darba! David issa jaf li jkollu jaħrab!
Dak il-lejl David imur id-dar. Iżda Sawl jibgħat lil xi rġiel biex joqtluh. Mikal taf x’bi ħsiebu jagħmel missierha. Għalhekk tgħid lir-raġel tagħha: ‘Jekk ma taħrabx il-lejla, għada tkun mejjet.’ Dak il-lejl Mikal tgħin lil David biex jaħrab minn ġo tieqa. Għal xi seba’ snin David ikollu jistaħba f’post wara l-ieħor ħalli Sawl ma jsibux.