Privacy Settings

To provide you with the best possible experience, we use cookies and similar technologies. Some cookies are necessary to make our website work and cannot be refused. You can accept or decline the use of additional cookies, which we use only to improve your experience. None of this data will ever be sold or used for marketing. To learn more, read the Global Policy on Use of Cookies and Similar Technologies. You can customize your settings at any time by going to Privacy Settings.

Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 76

Ġerusalemm Tinqered

Ġerusalemm Tinqered

GĦADDEW iktar minn 10 snin mindu s-​Sultan Nebukadnessar ħa f’Babilonja l-​Iżraelin kollha l-​iktar taʼ skola. U issa ara x’qed jiġri! Ġerusalemm qed tinħaraq. U l-​Iżraelin li ma nqatlux qed jittieħdu bħala priġunieri f’Babilonja.

Ftakar, dan hu dak li l-​profeti taʼ Ġeħova qalu li kien se jiġri jekk in-​nies ma jiqfux jagħmlu l-​ħażen. Imma l-​Iżraelin ma semgħux mill-​profeti. Huma baqgħu jqimu lill-​allat foloz minflok lil Ġeħova. Allura n-​nies ħaqqhom li jiġu kastigati. Aħna nafu dan għax il-​profeta t’Alla Eżekjel jgħidilna dwar l-​affarijiet ħżiena li kienu qed jagħmlu l-​Iżraelin.

Taf min hu Eżekjel? Huwa wieħed miż-​żgħażagħ li s-​Sultan Nebukadnessar ħa Babilonja iktar minn 10 snin qabel ma seħħet din il-​qerda kbira taʼ Ġerusalemm. Danjel u t-​tlett iħbieb tiegħu, Sidrak, Mesak, u Għabednego, ukoll kienu ttieħdu Babilonja fl-​istess żmien.

Waqt li Eżekjel għadu f’Babilonja, Ġeħova jurih l-​affarijiet ħżiena li qed jiġru f’Ġerusalemm ġot-​tempju. Ġeħova jagħmel dan permezz taʼ miraklu. Fil-​fatt, Eżekjel għadu f’Babilonja, imma Ġeħova jħallih jara dak kollu li qed jiġri fit-​tempju. U dak li jara Eżekjel ikexkxek!

Ġeħova jgħid lil Eżekjel: ‘Ara l-​affarijiet moqżieża li n-​nies qed jagħmlu hawn fit-​tempju. Ħares lejn il-​ħitan miksijin bi stampi taʼ sriep u annimali oħra. U ara l-​Iżraelin li qed iqimuhom!’ Eżekjel jistaʼ jara dawn l-​affarijiet, u hu jikteb dak li qed jiġri.

Ġeħova jistaqsi lil Eżekjel: ‘Qed tara x’qed jagħmlu bil-​moħbi l-​mexxejja Iżraelin?’ Iva, hu jistaʼ jara dan ukoll. Hemm 70 raġel, u kollha qed iqimu lill-​allat foloz. Qed jgħidu: ‘Ġeħova mhuwiex qed jarana. Hu telaq mill-​art.’

Imbagħad Ġeħova juri lil Eżekjel xi nisa ħdejn il-​bieb tat-​Tramuntana tat-​tempju. Huma bilqiegħda hemmhekk iqimu lill-​alla falz Tammuż. U ara dawk l-​irġiel fid-​daħla tat-​tempju taʼ Ġeħova! Hemm xi 25 minnhom. Eżekjel jarahom. Huma qed jinżlu għarkopptejhom lejn il-​Lvant u jqimu lix-​xemx!

‘Dawn in-​nies ma jirrispettawnix,’ jgħid Ġeħova. ‘Mhux talli jagħmlu affarijiet ħżiena imma jiġu fit-​tempju tiegħi biex jagħmluhom!’ Għalhekk Ġeħova jwiegħed: ‘Huma se jħossu l-​qawwa tar-​rabja tiegħi. U m’iniex se nitħassarhom meta jinqerdu.’

Huwa biss madwar tliet snin wara li Ġeħova juri dawn l-​affarijiet lil Eżekjel li l-​Iżraelin jirribellaw kontra s-​Sultan Nebukadnessar. Għalhekk hu jmur jiġġieled kontrihom. Wara sena u nofs il-​Babiloniżi jkissru s-​swar taʼ Ġerusalemm u jaħarqu l-​belt kollha. Il-​biċċa l-​kbira tan-​nies jinqatlu jew jittieħdu bħala priġunieri f’Babilonja.

Ġeħova għala ħalla din il-​qerda terribbli tiġri lill-​Iżraelin? Għax huma ma semgħux minn Ġeħova u m’obdewx il-​liġijiet tiegħu. Dan jurina kemm hu importanti li dejjem nagħmlu dak li jgħidilna Alla.

Għall-​ewwel xi ftit nies jitħallew joqogħdu fl-​art t’Iżrael. Is-​Sultan Nebukadnessar ipoġġi lil raġel Lhudi jismu Gedalija biex jieħu ħsieb lil dawn in-​nies. Imma mbagħad xi Iżraelin joqtlu lil Gedalija. Issa n-​nies jibżgħu li l-​Babiloniżi jiġu u jeqirduhom ilkoll minħabba din il-​ħaġa ħażina. Għalhekk iġiegħlu lil Ġeremija jmur magħhom, u jaħarbu l-​Eġittu.

Dan iħalli l-​art t’Iżrael vojta għalkollox min-​nies. Għal 70 sena ħadd ma jgħix f’dik l-​art. Lanqas bniedem wieħed ma jkun hemm. Iżda Ġeħova jwiegħed li ħa jġib lin-​nies tiegħu lura lejn l-​art wara 70 sena. Sadanittant, x’inhu jiġri lin-​nies t’Alla fl-​art taʼ Babilonja fejn ittieħdu? Ejja naraw.