Sultan Ħażin Jaħkem l-Eġittu
STORJA 27
Sultan Ħażin Jaħkem l-Eġittu
L-IRĠIEL hawnhekk qed iġiegħlu lin-nies jaħdmu. Ħares lejn dak ir-raġel li qed isawwat lil wieħed mill-ħaddiema bi frosta! Il-ħaddiema huma mill-familja taʼ Ġakobb, u jissejħu Iżraelin. U l-irġiel li qed iġegħluhom jaħdmu huma Eġizzjani. L-Iżraelin saru l-ilsiera tal-Eġizzjani. Dan kif ġara?
Għal ħafna snin, il-familja kbira taʼ Ġakobb għexu fil-paċi fl-Eġittu. Ġużeppi, li kien l-iktar raġel importanti fl-Eġittu wara l-Fargħun, ħa ħsiebhom. Imma mbagħad, Ġużeppi miet. U Fargħun ġdid, li ma kienx iħobb lill-Iżraelin, sar is-sultan fl-Eġittu.
Għalhekk, dan il-Fargħun ħażin għamel lill-Iżraelin ilsiera. U poġġa xi rġiel fuqhom li kienu kattivi u bla qalb. Huma ġiegħlu lill-Iżraelin jaħdmu iebes ħafna ħalli jibnu bliet għall-Fargħun. Imma xorta baqgħu jiżdiedu l-Iżraelin. Wara xi żmien, l-Eġizzjani bdew jibżgħu li l-Iżraelin kienu se jiżdiedu wisq u jsiru b’saħħithom ħafna.
Allura taf x’għamel il-Fargħun? Tkellem man-nisa li kienu jgħinu lill-ommijiet Iżraelin biex ikollhom it-trabi, u qalilhom: ‘Tridu toqtlu kull tarbija tifel li jitwieled.’ Imma dawn kienu nisa tajbin, u ma kinux joqtlu lit-trabi.
Għalhekk, il-Fargħun ta dan il-kmand lill-poplu kollu tiegħu: ‘Ħudu t-trabi subien tal-Iżraelin u oqtluhom. Biss, it-trabi bniet ħalluhom ħajjin.’ Dan kien kmand tassew tal-biżaʼ, hux veru? Ejja naraw kif wieħed mit-trabi subien ġie salvat.