STORJA 30
L-Għollieqa Taqbad
MOSÈ kien ġie sal-muntanja taʼ Ħoreb biex isib xi ħaxix għan-nagħaġ tiegħu. Hawn ra għollieqa taqbad, imma ma kinitx qed tinħaraq!
‘Din xi ħaġa stramba,’ ħaseb Mosè. ‘Ħa nersaq iktar viċin ħalli nara aħjar.’ Meta għamel hekk ġie leħen mill-għollieqa jgħid: ‘Tersaqx iktar viċin. Inżaʼ s-sandli, għax int qiegħed fuq art qaddisa.’ Alla kien qed jitkellem permezz t’anġlu, allura Mosè għatta wiċċu.
Alla mbagħad qal: ‘Rajt it-tbatija tal-poplu tiegħi fl-Eġittu. Għalhekk, se neħlishom, u int il-wieħed li se nibgħat biex toħroġ il-poplu tiegħi ’l barra mill-Eġittu.’ Ġeħova kien se jġib il-poplu tiegħu fl-art sabiħa taʼ Kangħan.
Imma Mosè qal: ‘Jien min jien? Kif nistaʼ nagħmel dan? Imma ejja ngħidu li mmur. L-Iżraelin se jgħiduli, “Min bagħtek?” Imbagħad x’se ngħid?’
‘Dan hu li għandek tgħid,’ wieġbu Alla. ‘“ĠEĦOVA, l-Alla t’Abraham, l-Alla t’Iżakk u l-Alla taʼ Ġakobb bagħatni għandkom.”’ U Ġeħova żied: ‘Dan hu ismi għal dejjem.’
‘Imma xi ngħidu jekk ma jemmnunix meta ngħid li int bgħattni?’ qal Mosè.
‘X’għandek f’idek?’ staqsa Alla.
Mosè wieġeb: ‘Bastun.’
‘Itfgħu fl-art,’ qal Alla. U meta Mosè għamel dan, il-bastun sar serp. Ġeħova mbagħad wera lil Mosè miraklu ieħor. Hu qal: ‘Daħħal idek fil-libsa tiegħek.’ Mosè obda, u meta ħareġ idu, kienet bajda silġ! L-id dehret qisha kellha l-marda kerha li tissejjaħ ġdiem. Wara dan, Ġeħova ta lil Mosè l-qawwa biex jagħmel miraklu ieħor. Fl-aħħar qal: ‘Meta tagħmel dawn il-mirakli, l-Iżraelin se jemmnu li jien bgħattek.’
Wara dan, Mosè mar id-dar u qal lil Ġetro: ‘Jekk jogħġbok, ħallini mmur lura l-Eġittu biex nara kif inhuma qrabati.’ Allura, Ġetro sellem lil Mosè, u Mosè beda l-vjaġġ lura għall-Eġittu.