Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-​Magħmudija u r-​Relazzjoni Tiegħek m’Alla

Il-​Magħmudija u r-​Relazzjoni Tiegħek m’Alla

Kapitlu Tmintax

Il-​Magħmudija u r-​Relazzjoni Tiegħek m’Alla

Kif issir il-​magħmudija Kristjana?

Liema passi għandek bżonn tieħu biex tikkwalifika għall-​magħmudija?

Wieħed kif jagħmel dedikazzjoni lil Alla?

Għal liema raġuni speċjali għandek titgħammed?

1. Uffiċjal għoli Etjopjan għala talab biex jitgħammed?

“ARA! Hawn l-​ilma; x’qed iżommni milli nitgħammed?” Din kienet mistoqsija li saret fl-​ewwel seklu minn uffiċjal għoli Etjopjan. Wieħed Kristjan jismu Filippu kien ipprovalu mill-​Iskrittura li Ġesù kien il-​Messija mwiegħed. Dak li tgħallem mill-​Iskrittura mess qalb l-​Etjopjan, tant li ġagħlu jieħu azzjoni. Hu wera li ried jitgħammed!​—Atti 8:​26-36.

2. Għala għandek taħseb bis-​serjetà dwar il-​magħmudija?

2 Jekk studjajt bir-​reqqa l-​ewwel kapitli taʼ dan il-​ktieb maʼ wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, għandek mnejn tħoss li trid tistaqsi, ‘Jien x’qed iżommni milli nitgħammed?’ S’issa int tgħallimt dwar il-​wegħda taʼ ħajja taʼ dejjem f’Ġenna taʼ l-​art li toffri l-​Bibbja. (Luqa 23:43; Rivelazzjoni 21:​3, 4) Tgħallimt ukoll dwar il-​kundizzjoni vera tal-​mejtin u dwar it-​tama taʼ l-​irxoxt. (Koħèlet 9:5; Ġwanni 5:​28, 29) Wisq probabbli, int diġà qed tassoċja max-​Xhieda taʼ Ġeħova fil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni u rajt b’għajnejk kif huma jipprattikaw ir-​reliġjon vera. (Ġwanni 13:35) Iktar importanti, int x’aktarx li bdejt tiżviluppa relazzjoni persunali m’Alla Ġeħova.

3. (a) Ġesù liema kmand tahom lis-​segwaċi tiegħu? (b) Il-​magħmudija taʼ l-​ilma kif issir?

3 Kif tistaʼ turi li trid taqdi lil Alla? Ġesù qal lis-​segwaċi tiegħu: “Morru u agħmlu dixxipli min-​nies tal-​ġnus kollha, [u] għammduhom.” (Mattew 28:19) Ġesù nnifsu tana l-​eżempju billi tgħammed fl-​ilma. Mhux sempliċement raxxewlu l-​ilma, u lanqas ma ferrgħulu ftit ilma fuq rasu. (Mattew 3:​16) Il-​kelma “għammed” ġejja minn kelma Griega li tfisser “għaddas.” Il-​magħmudija Kristjana għalhekk tfisser li tkun mgħaddas, jew mgħarraq, kompletament fl-​ilma.

4. Il-​magħmudija taʼ l-​ilma x’turi?

4 Il-​magħmudija taʼ l-​ilma hija xi ħaġa li bilfors trid issir minn dawk kollha li jridu jibnu relazzjoni m’Alla Ġeħova. Il-​magħmudija turi pubblikament ix-​xewqa tiegħek li taqdi lil Alla. Turi li hi l-​għaxqa tiegħek li tagħmel ir-​rieda t’Alla. (Salm 40:​8, 9 [40:​7, 8, NW]) Madankollu, biex tikkwalifika għall-​magħmudija, hemm ċerti passi li trid tieħu.

TEĦTIEĠ L-​GĦARFIEN U L-​FIDI

5. (a) X’inhu l-​ewwel pass biex tikkwalifika għall-​magħmudija? (b) Il-​laqgħat Kristjani għala huma importanti?

5 Diġà bdejt tieħu l-​ewwel pass. Kif? Billi qed tieħu għarfien dwar Alla Ġeħova u Ġesù Kristu, forsi permezz taʼ studju regulari tal-​Bibbja. (Ġwanni 17:3) Imma hemm iktar x’titgħallem. Il-​Kristjani jridu ‘jimtlew bl-​għarfien eżatt dwar ir-​rieda t’Alla.’ (Kolossin 1:9) Il-​laqgħat tal-​kongregazzjoni tax-​Xhieda taʼ Ġeħova se jgħinuk ħafna biex tkompli tagħmel dan. Huwa importanti li tattendi dawn il-​laqgħat. (Ebrej 10:​24, 25) Iktar ma tattendi regolarment il-​laqgħat iktar se żżid l-​għarfien tiegħek dwar Alla.

6. Kemm irid ikollok għarfien mill-​Bibbja sabiex tikkwalifika għall-​magħmudija?

6 M’għandniex xi ngħidu, ma tridx tkun taf kulma hemm fil-​Bibbja sabiex tikkwalifika għall-​magħmudija. L-​uffiċjal għoli Etjopjan kellu xi ftit għarfien, imma kien jeħtieġ l-​għajnuna biex jifhem ċerti partijiet mill-​Iskrittura. (Atti 8:​30, 31) Bl-​istess mod, int għad baqagħlek ħafna x’titgħallem. Fil-​fatt, qatt ma se tieqaf titgħallem dwar Alla. (Koħèlet 3:11) Iżda, qabel ma tkun tistaʼ titgħammed għandek bżonn issir taf u taċċetta minn taʼ l-​inqas it-​tagħlim bażiku tal-​Bibbja. (Ebrej 5:​12) Dan it-​tagħlim jinkludi l-​verità dwar il-​kundizzjoni tal-​mejtin u l-​importanza taʼ l-​isem t’Alla u tas-​Saltna tiegħu.

7. X’effett għandu jkollu fuqek studju tal-​Bibbja?

7 Però, l-​għarfien waħdu m’huwiex biżżejjed, għax “mingħajr fidi impossibbli li togħġbu sew” lil Alla. (Ebrej 11:6) Il-​Bibbja tgħidilna li meta xi nies fil-​belt antika taʼ Korintu semgħu l-​messaġġ Kristjan, huma “bdew jemmnu u jitgħammdu.” (Atti 18:8) Bl-​istess mod, l-​istudju tal-​Bibbja għandu jimliek bil-​fidi li din hi l-​Kelma mnebbħa t’Alla. L-​istudju tal-​Bibbja għandu jgħinek biex ikollok fidi fil-​wegħdi t’Alla u fis-​sagrifiċċju taʼ Ġesù li għandu l-​qawwa li jsalvak.​—Ġożwè 23:14; Atti 4:​12; 2 Timotju 3:​16, 17.

TITKELLEM DWAR IL-​VERITÀ TAL-​BIBBJA M’OĦRAJN

8. X’se jqanqlek biex titkellem m’oħrajn dwar dak li tgħallimt?

8 Hekk kif il-​fidi tikber f’qalbek, int se ssibha diffiċli li żżomm dak li titgħallem għalik biss. (Ġeremija 20:9) Int se tħossok tant imqanqal li ma tkunx tistaʼ żżomm milli titkellem m’oħrajn dwar Alla u l-​iskopijiet tiegħu.​—2 Korintin 4:​13.

9, 10. (a) Maʼ min tistaʼ tibda titkellem dwar il-​verità tal-​Bibbja? (b) X’għandek tagħmel jekk tixtieq tieħu sehem fix-​xogħol taʼ lippridkar organizzat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova?

9 Forsi tistaʼ tibda taqsam il-​veritajiet tal-​Bibbja billi bit-​tattika titkellem dwarhom maʼ qrabatek, ħbiebek, il-​ġirien, u sħabek tax-​xogħol. Iktar ’il quddiem, forsi tkun trid tieħu sehem fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar organizzat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Meta tasal għal dan il-​pass, tiddejjaqx titkellem dwar dan maʼ min ikun qed jistudja l-​Bibbja miegħek. Jekk ikun jidher li tikkwalifika għall-​ministeru pubbliku, isiru arranġamenti biex int u min jistudja l-​Bibbja miegħek tiltaqgħu maʼ żewġ anzjani tal-​kongregazzjoni.

10 Dan se jgħinek issir taf aħjar lil xi wħud mill-​anzjani Kristjani li jirgħu l-​merħla t’Alla. (Atti 20:28; 1 Pietru 5:​2, 3) Jekk dawn l-​anzjani jaraw li int tifhem u temmen it-​tagħlim bażiku tal-​Bibbja, li qed tgħix fi qbil mal-​prinċipji t’Alla, u li tixtieq verament issir Xhud taʼ Ġeħova, ir-​risposta tagħhom se tkun li int tikkwalifika biex tieħu sehem fil-​ministeru pubbliku bħala pubblikatur mhux mgħammed taʼ l-​aħbar tajba.

11. Liema bidliet għandu mnejn ikollhom jagħmlu xi wħud qabel ma jikkwalifikaw għall-​ministeru pubbliku?

11 Mill-​banda l-​oħra, forsi jkollok bżonn tagħmel xi bidliet f’ħajtek u fid-​drawwiet tiegħek sabiex tikkwalifika għall-​ministeru pubbliku. Dan jistaʼ jinkludi li ma tkomplix tipprattika ċerti affarijiet li tkun żammejthom sigrieti. Għaldaqstant, qabel titlob lill-​anzjani biex issir pubblikatur mhux mgħammed, jeħtieġ li tkun ħieles minn dnubiet serji, bħalma huma l-​immoralità sesswali, is-​sokor, u l-​abbuż tad-​drogi.​—1 Korintin 6:​9, 10; Galatin 5:​19-21.

L-​INDIEMA U L-​KONVERŻJONI

12. L-​indiema għala hija meħtieġa?

12 Iridu jittieħdu xi passi oħra qabel ma tikkwalifika għall-​magħmudija. L-​appostlu Pietru qal: “Indmu u duru lura sabiex dnubietkom jitħassrulkom.” (Atti 3:​19) L-​indiema tfisser li tħoss dispjaċir sinċier għal dak li tkun għamilt. Huwa xieraq li nies li jkunu għexu ħajja immorali jirrikonoxxu l-​bżonn li juru l-​indiema, imma din trid tintwera wkoll minn dawk li għexu ħajja relattivament nadifa moralment. Għala? Għaliex il-​bnedmin kollha huma midinbin u jeħtieġu l-​maħfra mingħand Alla. (Rumani 3:​23; 5:​12) Qabel ma bdejt tistudja l-​Bibbja, ma kontx taf x’kienet ir-​rieda t’Alla. Mela kif stajt tgħix f’armonija sħiħa mar-​rieda tiegħu? Għalhekk, jeħtieġ li turi l-​indiema.

13. X’inhi l-​konverżjoni?

13 Wara l-​indiema jrid ikun hemm il-​konverżjoni, jew ‘li ddur lura.’ Ma tridx biss turi li jiddispjaċik. Jeħtieġ li twarrab il-​mod kif kont tgħix ħajtek u minn dakinhar ’il quddiem tkun determinat b’mod sod li tagħmel dak li hu tajjeb. L-​indiema u l-​konverżjoni huma passi li int jeħtieġ tieħu qabel ma titgħammed.

TAGĦMEL DEDIKAZZJONI PERSUNALI

14. Liema pass importanti trid tieħu qabel ma titgħammed?

14 Hemm pass ieħor importanti li trid tieħu qabel ma titgħammed. Trid tiddedika lilek innifsek lil Alla Ġeħova.

15, 16. Xi jfisser li tiddedika lilek innifsek lil Alla, u x’inhu dak li jqanqal lil persuna biex tagħmel dan?

15 Meta tiddedika lilek innifsek lil Alla Ġeħova b’talb sinċier, int tkun qed twiegħdu li tagħtih id-​devozzjoni esklużiva tiegħek għal dejjem. (Dewteronomju 6:​15, NW) Iżda, għala għandu wieħed ikun irid jagħmel ħaġa bħal din? Sewwa, nagħmlu mod li raġel jibda jinnamra maʼ mara. Iktar ma jsir jaf dwarha u jara li għandha kwalitajiet sbieħ, iktar se jinġibed lejha. Hu naturali li wara ċertu żmien hu se jitlobha tiżżewġu. Veru li ż-​żwieġ ifisser iktar responsabbiltajiet. Imma l-​imħabba se tqanqlu biex jieħu dan il-​pass importanti.

16 Meta ssir taf u tibda tħobb lil Ġeħova, qalbek tqanqlek biex taqdih b’ruħek u ġismek jew tqimu bla ebda limitu. Min irid isegwi lill-​Iben t’Alla, Ġesù Kristu, għandu “jiċħad lilu nnifsu.” (Marku 8:​34) Aħna niċħdu lilna nfusna billi nkunu ċerti li x-​xewqat u l-​miri persunali ma jtellfuniex milli nkunu ubbidjenti għalkollox lejn Alla. Għaldaqstant, qabel ma tkun tistaʼ titgħammed, l-​iskop prinċipali taʼ ħajtek irid ikun li tagħmel ir-​rieda t’Alla.​—1 Pietru 4:2.

TIRBAĦ IL-​BIŻAʼ LI MA TILĦAQX IL-​LIVELLI T’ALLA

17. Xi wħud għala jżommu lura milli jagħmlu dedikazzjoni lil Alla?

17 Xi wħud iżommu lura milli jiddedikaw ħajjithom lil Ġeħova għaliex jibżgħu jieħdu pass serju bħal dan. Huma jibżgħu għaliex bħala Kristjani dedikati jridu jagħtu kont lil Alla. Peress li jibżgħu li ma jilħqux il-​livelli taʼ Ġeħova u jiddiżappuntawh, huma jaħsbu li aħjar ma jiddedikawx ħajjithom lilu.

18. X’jistaʼ jqanqlek biex tiddedika lilek innifsek lil Ġeħova?

18 Waqt li titgħallem tħobb lil Ġeħova, int se tħossok imqanqal biex tiddedika ħajtek lilu u tagħmel ħiltek kollha biex iżżomm il-​wegħda li tkun għamilt. (Koħèlet 5:3 [5:​4, NW]) Wara li tagħmel id-​dedikazzjoni, żgur li int tkun trid ‘timxi kif jixraq lil Ġeħova bl-​għan li togħġbu għalkollox.’ (Kolossin 1:​10) Peress li tkun tħobb lil Alla, m’intix se tħossha diffiċli ħafna li taqdih. Bla dubju se taqbel maʼ l-​appostlu Ġwanni, li kiteb: “L-​imħabba t’Alla tfisser dan: li nosservaw il-​kmandamenti tiegħu; u madankollu l-​kmandamenti tiegħu m’humiex tqal.”​—1 Ġwanni 5:3.

19. Għala m’għandikx għalfejn tibżaʼ tiddedika ħajtek lil Alla?

19 Ma tridx tkun perfett biex tiddedika lilek innifsek lil Alla. Ġeħova jaf safejn tistaʼ tasal u qatt ma se jistenna iktar milli tiflaħ tagħmel. (Salm 103:14) Iridek tirnexxi u se jagħtik l-​appoġġ u l-​għajnuna li għandek bżonn. (Isaija 41:10) Ibqaʼ ċert li jekk tafda f’Ġeħova b’qalbek kollha, hu se “jwittilek triqatek.”​—Proverbji 3:​5, 6.

TISSIMBOLIZZA D-​DEDIKAZZJONI TIEGĦEK BILLI TITGĦAMMED

20. Id-​dedikazzjoni lil Ġeħova għala ma tistax tibqaʼ xi ħaġa privata?

20 Jekk taħseb dwar l-​affarijiet li għadna kif iddiskutejna x’aktarx li int tkun tistaʼ tagħmel dedikazzjoni persunali lil Ġeħova bit-​talb. Kulmin verament iħobb lil Alla jrid ukoll “jistqarr pubblikament għas-​salvazzjoni.” (Rumani 10:10) Dan kif tistaʼ tagħmlu?

21, 22. Kif tistaʼ ‘tistqarr pubblikament’ il-​fidi tiegħek?

21 Informa lill-​indokratur li jippresiedi tal-​kongregazzjoni tiegħek li int tixtieq titgħammed. Hu se jirranġa biex xi anzjani jgħaddu miegħek numru taʼ mistoqsijiet dwar ittagħlim bażiku tal-​Bibbja. Jekk dawn l-​anzjani jaqblu li int tikkwalifika, huma jgħarrfuk li tistaʼ titgħammed flewwel magħmudija li jkun imiss. * Ġeneralment f’dawn l-​okkażjonijiet tingħata taħdita li tiġbor fil-​qosor it-​tifsira tal-​magħmudija. Il-​kelliemi mbagħad jistieden lill-​kandidati kollha tal-​magħmudija biex iwieġbu żewġ mistoqsijiet sempliċi bħala mod wieħed kif ‘jistqarru pubblikament’ fi kliemhom il-​fidi tagħhom.

22 Il-​magħmudija hija dik li tidentifikak pubblikament bħala individwu li ddedika ruħu lil Alla u issa hu wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Il-​kandidati tal-​magħmudija jiġu mgħaddsin kompletament fl-​ilma biex juru pubblikament li huma ddedikaw ruħhom lil Ġeħova.

XI TFISSER IL-​MAGĦMUDIJA TIEGĦEK

23. Xi jfisser li titgħammed “fl-​isem tal-​Missier u taʼ l-​Iben u taʼ l-​ispirtu qaddis”?

23 Ġesù qal li d-​dixxipli tiegħu kellhom jitgħammdu “fl-​isem tal-​Missier u taʼ l-​Iben u taʼ l-​Ispirtu qaddis.” (Mattew 28:19) Dan ifisser li kandidat tal-​magħmudija jirrikonoxxi l-​awtorità t’Alla Ġeħova u taʼ Ġesù Kristu. (Salm 83:19 [83:​18, NW]; Mattew 28:18) Hu jirrikonoxxi wkoll l-​irwol u l-​attività taʼ l-​ispirtu qaddis, jew forza attiva, t’Alla.​—Galatin 5:​22, 23; 2 Pietru 1:​21.

24, 25. (a) Il-​magħmudija x’tissimbolizza? (b) Liema mistoqsija jeħtieġ li titwieġeb?

24 Madankollu, il-​magħmudija m’hijiex sempliċement li tixxarrab bl-​ilma. Hi simbolu taʼ xi ħaġa importanti ħafna. Il-​fatt li tkun kollok taħt l-​ilma jissimbolizza li int tkun mitt għall-​ħajja taʼ qabel. U l-​fatt li tqum minn taħt l-​ilma jindika li int issa bdejt tgħix biex tagħmel ir-​rieda t’Alla. Barra minn hekk, ftakar li int iddedikajt ruħek lil Alla Ġeħova nnifsu, u mhux lil xi xogħol, kawża, bnedmin oħra, jew xi organizzazzjoni. Id-​dedikazzjoni u l-​magħmudija tiegħek huma l-​bidu taʼ ħbiberija intima m’Alla​—relazzjoni mill-​qrib miegħu.​—Salm 25:14.

25 Il-​magħmudija m’hijiex garanzija taʼ salvazzjoni. Lappostlu Pawlu kiteb: “Ibqgħu wettqu s-​salvazzjoni tagħkom bil-​biżaʼ u t-​tregħid.” (Filippin 2:​12) Il-​magħmudija hija biss il-​bidu. Il-​mistoqsija hi, Kif tistaʼ żżomm ruħek fl-​imħabba t’Alla? L-​aħħar kapitlu se jipprovdi t-​tweġiba.

[Nota taʼ taħt]

^ par. 21 Il-magħmudija hija xi ħaġa li ssir regolarment fl-​assembleat u l-​konvenzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Ġeħova li jsiru kull sena.

DAK LI TGĦALLEM IL-​BIBBJA

▪ Il-​magħmudija Kristjana tinvolvi li togħdos kompletament fl-​ilma, u mhux sempliċement traxxax l-​ilma.​—Mattew 3:16.

▪ Il-​passi li jwasslu għall-​magħmudija jibdew billi wieħed jieħu għarfien u juri fidi li twassal għall-​indiema, il-​konverżjoni, u d-​dedikazzjoni lil Alla.​—Ġwanni 17:3; Atti 3:​19; 18:8.

▪ Biex tagħmel dedikazzjoni lil Ġeħova trid tiċħad lilek innifsek, bħalma ċaħdu lilhom infushom in-​nies li marru wara Ġesù.​—Marku 8:​34.

▪ Il-​magħmudija tissimbolizza li wieħed imut għall-​ħajja taʼ qabel tiegħu u jerġaʼ jieħu l-​ħajja biex jagħmel ir-​rieda t’Alla. —1 Pietru 4:2.

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 180]

Li tikseb l-​għarfien eżatt tal-​Kelma t’Alla huwa pass importanti biex tikkwalifika għall-​magħmudija

[Stampa f’paġna 180]

Il-​fidi għandha tqanqlek biex titkellem m’oħrajn dwar dak li temmen

[Stampa f’paġna 180, 181]

Għamilt int dedikazzjoni persunali lil Alla bit-​talb?

[Stampa f’paġna 181]

Il-​magħmudija tfisser li tkun mitt għall-​ħajja taʼ qabel u terġaʼ tieħu l-​ħajja biex tagħmel ir-​rieda t’Alla