Xi Ngħidu Dwar is-Sess Każwali?
KAPITLU 26
Xi Ngħidu Dwar is-Sess Każwali?
“Iż-żgħażagħ joħorġu maʼ xi ħadd sempliċement biex jaraw jekk jirnexxilhomx jaslu sal-att sesswali u biex jaraw kemm-il persuna se jgħabbu.”—Penny.
“Il-ġuvintur jiftaħru li għandhom tfajla, iżda xorta jagħmlu s-sess maʼ ħafna tfajliet oħrajn. Huma jitkellmu dwar dan bil-miftuħ.”—Edward.
ĦAFNA żgħażagħ illum jiftaħru li jagħmlu s-sess każwali bla rbit taʼ xejn. Xi wħud saħansitra jafu nies lejn min jistgħu jduru għas-sess mingħajr il-“komplikazzjonijiet” li ġġib magħha relazzjoni romantika.
Tiħodhiex bi kbira jekk tiġik it-tentazzjoni biex tagħmel dan! (Ġeremija 17:9) Edward, li ġie kwotat iktar kmieni, jgħid: “Ħafna tfajliet offrewli li mmur magħhom għas-sess, u bħala Kristjan din hija l-iktar tentazzjoni li nsib diffiċli biex nirreżisti. Huwa diffiċli li ngħid le!” Liema prinċipji tal-Bibbja għandek iżżomm f’moħħok jekk tiġi mħajjar biex tagħmel is-sess każwali?
Kun Af Għala s-Sess Każwali Hu Ħażin
Iż-żína tant hi dnub serju li dawk li jipprattikawha “ma jirtux is-saltna t’Alla.” (1 Korintin 6:9, 10) M’għandniex xi ngħidu, dan huwa minnu sew jekk tnejn min-nies jagħmlu s-sess għax “jinħabbu” u sew jekk jagħmlu s-sess każwali. Sabiex tirreżisti t-tentazzjoni f’dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet, għandek tħares lejn il-prattika taż-żína bl-istess mod li jħares lejha Ġeħova.
“Nemmen b’qalbi kollha li t-triq taʼ Ġeħova hi l-aqwa mod t’għajxien.”—Karen, il-Kanada.
“Ftakar li int bin jew bint xi ħadd, ħabib jew ħabiba taʼ ħafna nies, u parti minn kongregazzjoni. Jekk iċċedi għat-tentazzjoni tkun qed tiddiżappunta lil dawn in-nies kollha!”—Peter, il-Britannja.
Jekk ikollok il-ħarsa taʼ Ġeħova lejn iż-żína, tkun qed ‘tobgħod dak li hu ħażin,’ anki jekk ikun jiġbed l-għajn.—Salm 97:10.
Qari suġġerit: Ġenesi 39:7-9. Innota l-waqfa li Ġużeppi ħa b’kuraġġ kontra t-tentazzjoni sesswali u x’għenu jirreżisti.
Kun Kburi bit-Twemmin Tiegħek
Huwa komuni li ż-żgħażagħ bi kburija jieħdu waqfa għal xi ħaġa li jemmnu fiha. Int għandek il-privileġġ li żżomm mal-livelli t’Alla bil-mod kif iġġib ruħek. Toqgħodx tistħi minħabba l-ħarsa tiegħek lejn is-sess qabel iż-żwieġ.
“Agħmilha ċara mill-bidu nett li int għandek prinċipji morali.”—Allen, il-Ġermanja.
“Il-ġuvintur li kont immur l-iskola sekondarja magħhom kienu jafu min jien, u għalhekk kienu jafu li t-tentattivi tagħhom kienu se jkunu kollha ħela taʼ ħin.”—Vicky, l-Istati Uniti.
Meta tieħu waqfa għat-twemmin tiegħek ikun sinjal li int qed issir Kristjan matur.—1 Korintin 14:20.
Qari suġġerit: Proverbji 27:11. Ara kif l-azzjonijiet pożittivi tiegħek jistgħu jmissu qalb Ġeħova!
Kun Deċiżiv!
Huwa importanti li tgħid le. Iżda xi wħud għandhom mnejn jifhmu l-“le” tiegħek bħala li sempliċement qed tagħmel tabirruħek li m’għandekx interess.
“Dak kollu dwarek—kif tilbes, kif titkellem, lil min tkellem, u kif tmur man-nies—għandu juri li int qed tirrifjuta.”—Joy, in-Niġerja.
“Jeħtieġ tagħmilha ċara li qatt m’int se ċċedi. Qatt taċċetta rigali mingħand ġuvintur li jipprovaw iġegħluk tagħmel l-att sesswali magħhom. Huma jistgħu jużaw din il-ħaġa kontrik, bħallikieku trid tpattilhom billi tagħtihom xi ħaġa lura.”—Lara, il-Britannja.
Ġeħova se jgħinek jekk turi li int deċiżiv. Mill-esperjenza tiegħu stess, is-salmista David setaʼ jgħid hekk dwar Ġeħova: “Maʼ xi ħadd leali int se taġixxi b’lealtà.”—Salm 18:25.
2 Kronaki 16:9. Innota li Ġeħova huwa ħerqan biex jgħin lil dawk li jridu jagħmlu dak li hu tajjeb.
Qari suġġerit: It-Kun Prudenti
Il-Bibbja tgħid: “Min hu prudenti jara l-gwaj u jinħeba.” (Proverbji 22:3) Kif tistaʼ tapplika dan il-parir? Billi tkun prudenti!
“Żomm ’il bogħod kemm tistaʼ minn nies li jitkellmu dwar affarijiet bħal dawn.”—Naomi, il-Ġappun.
“Taqbadx u tagħti informazzjoni personali, bħalma hu l-indirizz jew in-numru tat-telefon tiegħek.”—Diana, il-Britannja.
Analizza d-diskors, il-kondotta, u s-sħubija tiegħek, kif ukoll il-postijiet fejn tmur. Imbagħad, staqsi lilek innifsek: ‘Qiegħed jien, bla ma naf, nagħti indikazzjoni li biha ninkuraġġixxi
lil oħrajn iħajruni biex nagħmel l-att sesswali magħhom?’Qari suġġerit: Ġenesi 34:1, 2. Ara kif tfajla jisimha Dina kellha konsegwenzi traġiċi għax kienet fil-post żbaljat.
Ftakar li s-sess każwali hu xi ħaġa serja ħafna f’għajnejn Alla Ġeħova; u hekk għandu jkun għalik. Jekk tieħu waqfa għal dak li hu tajjeb, jistaʼ jkollok kuxjenza nadifa quddiem Alla u tkun qed tipproteġi d-dinjità tiegħek. Bħalma tgħid tfajla jisimha Carly: “Għala għandek tħalli lilek innifsek tiġi ‘użat’ biex ħaddieħor jikseb sodisfazzjon mumentanju? Ħu ħsieb dak li ħdimt tant iebes għalih!”
Il-ġuvintur lejn liema tip taʼ tfajliet jgħidu li tassew iħossuhom miġbudin? Għandek mnejn tibqaʼ skantata!
SKRITTURA PRINĊIPALI
“Agħmlu l-almu tagħkom biex fl-aħħar [Alla] isibkom bla tebgħa u bla difett u fil-paċi.”—2 Pietru 3:14.
SUĠĠERIMENT
Aħdem fuq il-kwalitajiet ġewwinin tiegħek. (1 Pietru 3:3, 4) Iktar ma jkollok kwalitajiet li jogħġbu lil Alla, iktar se tiġbed lejk persuna bi kwalitajiet bħal dawn.
KONT TAF . . . ?
Ġeħova jridek tieħu pjaċir bl-att sesswali bil-mod kif ħalqu hu—bħala sors taʼ pjaċir fiż-żwieġ—mingħajr l-inkwiet, l-inċertezzi, u d-dispjaċiri li spiss jiġu bħala konsegwenzi taż-żína.
L-AZZJONI LI SE NIEĦU
Nistaʼ nimita d-determinazzjoni taʼ Ġużeppi li jibqaʼ moralment nadif, jekk jien ․․․․․
Se nevita l-iżball li għamlet Dina jekk jien ․․․․․
Dak li nixtieq nistaqsi lill-ġenitur(i) tiegħi dwar dan is-suġġett hu ․․․․․
INT X’TAĦSEB?
● Għalkemm is-sess illeċitu għandu mnejn jattira lill-ġisem imperfett, għala huwa ħażin?
● X’se tagħmel jekk xi ħadd iħajrek tagħmel l-att sesswali miegħu?
[Kumment f’paġna 185]
“Kun soda! Meta raġel żagħżugħ ipprova jħajjarni biex nagħmel xi ħaġa sesswali miegħu, jien għedtlu: ‘Neħħi idek minn fuq spallti!’ Imbagħad, tlaqt ’l hemm u wrejtu mill-bixra taʼ wiċċi li ma ħadtx pjaċir.”—Ellen
[Stampa f’paġna 187]
Jekk tagħmel is-sess każwali, tkun qed tbaxxi lilek innifsek