KAPITLU 17
“Ħadd M’Għandu Mħabba Akbar minn Din”
1-4. (a) X’jiġri meta Pilatu jippreżenta lil Ġesù lill-marmalja rrabjata li nġabret barra l-palazz tal-gvernatur? (b) Ġesù kif iwieġeb għall-umiljazzjoni u t-tbatija, u liema mistoqsijiet importanti jqumu?
“ARA! Ir-raġel!” B’dan il-kliem, il-Gvernatur Ruman Ponzju Pilatu jippreżenta lil Ġesù Kristu lill-marmalja rrabjata li nġabret barra l-palazz tal-gvernatur maʼ sbieħ il-jum fil-Qbiż tas-sena 33 E.K. (Ġwanni 19:5) Proprju ftit ġranet qabel, Ġesù kien milqugħ mill-folol meta għamel daħla trijonfali f’Ġerusalemm bħala s-Sultan maħtur minn Alla. Madankollu, f’dan il-lejl il-folla ostili mhix qed tqis iktar lil Ġesù bħala Sultan.
2 Ġesù liebes libsa vjola bħal dik li tintlibes min-nies irjali, u għandu kuruna fuq rasu. Iżda l-libsa, mixħuta fuq il-laħam imfellel bid-demm ħiereġ mid-dahar miġruħ tiegħu, u l-kuruna, immaljata bix-xewk u ppressata fil-qorriegħa li issa hi kollha demm, qegħdin iwaqqgħu għaċ-ċajt l-istat irjali tiegħu. In-nies, imxewxin mill-qassisin ewlenin, jiċħdu lir-raġel imsawwat li qiegħed bil-wieqfa quddiemhom. Il-qassisin jgħajtu: “Sammru maʼ zokk! Sammru maʼ zokk!” B’xewqa taʼ qtil f’qalbhom, in-nies jgħajtu: “Għandu jmut.”—Ġwanni 19:1-7.
3 Bid-dinjità u l-kuraġġ, Ġesù jissaporti l-umiljazzjoni u t-tbatija bla tgergir. * Hu mħejji bis-sħiħ biex imut. Iktar tard f’dak il-Jum tal-Qbiż, hu jissottometti ruħu minn jeddu għal mewta taʼ wġigħ fuq zokk tat-tortura.—Ġwanni 19:17, 18, 30.
4 Billi ċeda ħajtu, Ġesù ta prova li hu ħabib veru għas-segwaċi tiegħu. “Ħadd m’għandu mħabba akbar minn din,” qal hu, “li xi ħadd jagħti ruħu għal ħbiebu.” (Ġwanni 15:13) Dan iqajjem xi mistoqsijiet importanti. Kien verament neċessarju li Ġesù jgħaddi minn din it-tbatija kollha u mbagħad imut? Għala kien lest li jagħmel dan? Bħala “ħbiebu” u s-segwaċi tiegħu, aħna kif nistgħu nimitaw l-eżempju tiegħu?
Għala Kien Hemm Bżonn li Ġesù Jbati u Jmut?
5. Ġesù kif kien jaf dwar il-provi speċifiċi li kienu qed jistennewh?
5 Bħala l-Messija mwiegħed, Ġesù kien jaf x’għandu jistenna. Hu kien konxju tal-ħafna profeziji fl-Iskrittura Ebrajka li bassru fid-dettall it-tbatija u l-mewt tal-Messija. (Isaija 53:3-7, 12; Danjel 9:26) Iktar minn darba, hu ħejja lid-dixxipli tiegħu għall-provi li kienu qed jistennewh. (Marku 8:31; 9:31) Fi triqtu lejn Ġerusalemm għall-Qbiż finali tiegħu, hu speċifikament qal lill-appostli tiegħu: “Bin il-bniedem se jingħata f’idejn il-qassisin ewlenin u l-iskribi, u dawn jikkundannawh għall-mewt u jagħtuh f’idejn in-nies tal-ġnus, u jiżżuffjettaw bih u jobżqulu u jsawtuh u joqtluh.” (Marku 10:33, 34) Dan ma kienx kliem bla sinifikat. Bħalma rajna, tabilħaqq Ġesù żżuffjettaw bih, beżqulu, sawtuh, u qatluh.
6. Għala kien hemm bżonn li Ġesù jbati u jmut?
6 Iżda, għala kien hemm bżonn li Ġesù jbati u jmut? Għal diversi raġunijiet sinifikanti. L-ewwel, billi żamm leali, Ġesù ta prova taʼ l-integrità tiegħu u appoġġa s-sovranità taʼ Ġeħova. Ftakar li Satana stqarr b’mod falz li l-bnedmin jaqdu lil Alla minħabba interessi egoistiċi biss. (Ġob 2:1-5) Billi baqa’ leali “sal-mewt . . . fuq zokk tat-tortura,” Ġesù ta l-iktar tweġiba aħħarija li seta’ jagħti għall-akkuża bla bażi taʼ Satana. (Filippin 2:8; Proverbji 27:11) It-tieni, it-tbatija u l-mewt tal-Messija kellhom ipattu għad-dnubiet t’oħrajn. (Isaija 53:5, 10; Danjel 9:24) Ġesù ta “ruħu b’fidwa għal ħafna,” u b’hekk fetħilna t-triq biex ikollna relazzjoni approvata m’Alla. (Mattew 20:28) It-tielet, billi ssaporta kull xorta taʼ ħruxija u tbatija, Ġesù kien “provat fl-aspetti kollha bħalna.” Għalhekk, hu Qassis il-Kbir li hu ħanin, wieħed li jista’ “jagħder id-dgħjufijiet tagħna.”—Ebrej 2:17, 18; 4:15.
Ġesù Għala Kien Lest li Jagħti Ħajtu?
7. Ġesù x’ċeda meta ġie fuq l-art?
7 Sabiex nifhmu sew dak kollu li Ġesù kien lest li jagħmel, aħseb dwar dan: Liema raġel kien se jħalli lil familtu u lil daru biex imur jgħix f’pajjiż barrani jekk ikun jaf li ħafna mill-abitanti taʼ dan il-pajjiż kienu se jirrifjutawh, li kien se jiġi umiljat u jbati, u li fl-aħħar kien se jiġi maqtul? Issa kkunsidra x’għamel Ġesù. Qabel ġie fuq l-art, hu kellu pożizzjoni unika fis-sema maġenb Missieru. Madankollu, Ġesù kien lest li jħalli postu fis-sema u jiġi fuq l-art bħala bniedem. Hu ħa din l-azzjoni avolja kien jaf li kien se jiġi miċħud mill-maġġuranza tan-nies u li kien se jiġi umiljat b’mod krudil, ibati tbatija kbira, u jmut mewta taʼ wġigħ. (Filippin 2:5-7) X’qanqal lil Ġesù jagħmel sagrifiċċju bħal dan?
8, 9. X’qanqal lil Ġesù biex jagħti ħajtu?
8 Fuq kollox, Ġesù ġie mqanqal mill-imħabba profonda li għandu għal Missieru. Ġesù ssaporta għax ħabb lil Ġeħova. Din l-imħabba ġiegħlet lil Ġesù jkun konċernat dwar l-isem u r-reputazzjoni taʼ Missieru. (Mattew 6:9; Ġwanni 17:1-6, 26) Iktar minn kwalunkwe ħaġa oħra, Ġesù ried jara isem Missieru mnaddaf mit-tmaqdir li kien inġieb fuqu. Għalhekk, Ġesù qiesu bħala l-akbar unur u privileġġ li jbati f’ġieħ il-ġustizzja, għax hu kien jaf li l-integrità tiegħu kellha rwol fit-taqdis taʼ l-isem onorabbli taʼ Missieru.—1 Kronaki 29:13.
9 Ġesù kellu motiv ieħor biex jagħti ħajtu—l-imħabba għall-umanità. Din hija mħabba li toriġina mill-bidunett taʼ l-istorja umana. Ħafna żmien qabel Ġesù ġie fuq l-art, il-Bibbja tgħid li hu ħassu b’dan il-mod: “L-affarijiet li kont ngħożż kienu marbutin maʼ wlied il-bnedmin.” (Proverbji 8:30, 31) Imħabbtu kienet evidenti b’mod ċar meta kien fuq l-art. Bħalma rajna fl-aħħar tliet kapitli taʼ dan il-ktieb, Ġesù wera mħabbtu b’ħafna modi lejn il-bnedmin in ġenerali, b’mod partikulari lejn is-segwaċi tiegħu. Iżda fl-14 ta’ Nisan tas-sena 33 E.K., hu minn jeddu ta ħajtu għan-nom tagħna. (Ġwanni 10:11) Tassew, ma kienx hemm mod akbar għalih biex juri mħabbtu għalina. Għandna nimitawh f’dan ir-rigward? Iva. Fil-fatt, aħna kmandati nagħmlu dan.
‘Ħobbu lil Xulxin Bħalma Ħabbejtkom Jien’
10, 11. X’inhu l-kmandament il-ġdid li Ġesù ta lis-segwaċi tiegħu, x’jinvolvi, u għala hu importanti li nobduh?
10 Fil-lejl taʼ qabel mewtu, Ġesù qal lill-eqreb dixxipli tiegħu: “Qed nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin; bħalma ħabbejtkom jien, ħobbu intom ukoll lil xulxin. B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.” (Ġwanni 13:34, 35) ‘Ħobbu lil xulxin’—dan għala huwa “kmandament ġdid”? Il-Liġi Mosajka kienet diġà tat il-kmand: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.” (Levitiku 19:18) Iżda l-kmandament il-ġdid jitlob imħabba akbar, imħabba li kellha tqanqalna biex nagħtu ħajjitna stess għan-nom t’oħrajn. Ġesù nnifsu għamel dan ċar meta qal: “Dan hu l-kmandament tiegħi, li tħobbu lil xulxin bħalma ħabbejtkom jien. Ħadd m’għandu mħabba akbar minn din, li xi ħadd jagħti ruħu għal ħbiebu.” (Ġwanni 15:12, 13) Il-kmandament il-ġdid, fil-fatt, jgħid: “Ħobb lil oħrajn, mhux bħalek innifsek, iżda iktar minnek innifsek.” Bil-mod kif għex u miet, Ġesù ċertament ta eżempju taʼ mħabba bħal din.
11 Għala hu importanti li nobdu l-kmandament il-ġdid? Ftakar li Ġesù qal: “B’dan [l-imħabba li tqanqalna nagħmlu sagrifiċċji persunali] ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi.” Iva, l-imħabba li tqanqalna nagħmlu sagrifiċċji persunali tidentifikana bħala Kristjani veri. Għandna mnejn inqabblu din l-imħabba maʼ badge taʼ identifikazzjoni. Dawk li jattendu l-konvenzjonijiet annwali tax-Xhieda taʼ Ġeħova jilbsu l-badges. Il-badge tidentifika lil dak li jkun qed jilbisha, billi turi ismu u isem il-kongregazzjoni. L-imħabba li tqanqalna nagħmlu sagrifiċċji persunali għal xulxin hija l-“badge” li tidentifika lill-Kristjani veri. Fi kliem ieħor, l-imħabba li nuru għal xulxin għandha tkun tant ċara li sservi taʼ sinjal, jew badge, li tgħid lil dawk li jkunu qed josservawna li aħna tabilħaqq is-segwaċi veri taʼ Kristu. Kull wieħed minna jagħmel tajjeb li jistaqsi lilu nnifsu, ‘Hija l-“badge,” jiġifieri, l-imħabba li tqanqalni nagħmel sagrifiċċji persunali evidenti f’ħajti?’
Imħabba li Tqanqalna Nagħmlu Sagrifiċċji Persunali—X’Tinvolvi?
12, 13. (a) Sa liema punt għandna nkunu lesti li nuru mħabbitna għal xulxin? (b) Xi jfisser li jkollna mħabba li tqanqalna nagħmlu sagrifiċċji persunali?
12 Bħala segwaċi taʼ Ġesù, jeħtieġ li nħobbu lil xulxin bħalma ħabbna hu. Dan ifisser li nkunu lesti li nagħmlu sagrifiċċji għal sħabna fit-twemmin. Sa liema punt għandna nkunu lesti li nagħmlu dan? Il-Bibbja tgħidilna: “B’dan sirna nafuha l-imħabba, għax hu ta ruħu għalina; u aħna għandna l-obbligu li nagħtu ruħna għal ħutna.” (1 Ġwanni 3:16) Bħal Ġesù, aħna għandna nkunu lesti li mmutu għal xulxin jekk hemm bżonn. Fi żminijiet taʼ persekuzzjoni, aħna nippreferu nissagrifikaw ħajjitna stess milli nittradixxu lil ħutna spiritwali, u b’hekk inpoġġu ħajjithom fil-periklu. F’pajjiżi fejn hemm frid minħabba l-ġlied razzjali jew etniku, aħna nissograw ħajjitna stess biex nipproteġu lil ħutna, minkejja l-isfond razzjali jew etniku tagħhom. Meta l-ġnus jiggwerraw bejniethom, aħna nkunu lesti li niffaċċjaw il-ħabs jew saħansitra l-mewt sabiex ma nużawx armi kontra sħabna fit-twemmin—jew kontra xi ħadd ieħor, jekk niġu f’dan.—Ġwanni 17:14, 16; 1 Ġwanni 3:10-12.
13 Il-fatt li nkunu lesti li mmutu għal ħutna m’huwiex l-uniku mod kif nuru mħabba li tqanqalna nagħmlu sagrifiċċji persunali. Fir-realtà, ftit minna jintalbu jagħmlu sagrifiċċju kbir bħal dan. Madankollu, jekk inħobbu lil ħutna sal-punt li mmutu għalihom, m’għandniex inkunu lesti li nagħmlu sagrifiċċji iżgħar, billi noħorġu barra minn triqitna biex ngħinuhom issa? Li nkunu wħud li nagħmlu s-sagrifiċċji persunali jfisser li niċħdu l-interessi jew il-kumditajiet tagħna stess għall-benefiċċju t’oħrajn. Aħna npoġġu l-bżonnijiet u l-benesseri tagħhom qabel tagħna stess anki jekk ma jkunx konvenjenti għalina. (1 Korintin 10:24) B’liema modi prattiċi nistgħu nuru mħabba li tqanqalna nagħmlu sagrifiċċji persunali?
Fil-Kongregazzjoni u fil-Familja
14. (a) L-anzjani liema sagrifiċċji huma mitlubin jagħmlu? (b) Kif tħossok dwar l-anzjani li jaħdmu iebes fil-kongregazzjoni tiegħek?
14 L-anzjani tal-kongregazzjoni jagħmlu ħafna sagrifiċċji biex ‘jirgħu l-merħla.’ (1 Pietru 5:2, 3) Minbarra li jieħdu ħsieb il-familji tagħhom stess, huma għandhom mnejn ikollhom jużaw il-ħin fil-għaxijiet jew fi tmiem il-ġimgħa biex jieħdu ħsieb kwistjonijiet tal-kongregazzjoni, inkluż it-tħejjija taʼ taħditiet fil-laqgħat, jagħmlu żjajjar pastorali, u jieħdu ħsieb każijiet ġudizzjarji. Ħafna anzjani jagħmlu iżjed sagrifiċċji, bħal li jaħdmu iebes fl-assembleat u fil-konvenzjonijiet u jaqdu bħala membri tal-Kumitati taʼ Koordinazzjoni maʼ l-Isptarijiet, il-Gruppi li Jżuru lill-Pazjenti, u l-Kumitati Reġjonali tal-Bini. Anzjani, qatt tinsew li meta taqdu minn jeddkom—billi tqattgħu l-ħin, l-enerġija, u r-riżorsi tagħkom f’li tirgħu l-merħla—tkunu qed turu mħabba li tqanqalkom tagħmlu sagrifiċċji persunali. (2 Korintin 12:15) L-isforzi tagħkom bla egoiżmu huma apprezzati mhux biss minn Ġeħova iżda wkoll mill-kongregazzjoni li tirgħu.—Filippin 2:29; Ebrej 6:10.
15. (a) X’inhuma xi ftit mis-sagrifiċċji li jagħmlu n-nisa taʼ l-anzjani? (b) Kif tħossok dwar in-nisa li jappoġġaw lil żwieġhom u li jċedu ħinhom maʼ l-irġiel tagħhom għall-kongregazzjoni?
15 Iżda xi ngħidu għan-nisa taʼ l-anzjani—dawn in-nisa li jappoġġaw lil żwieġhom ma jagħmlux ukoll sagrifiċċji sabiex żwieġhom ikunu jistgħu jieħdu ħsieb il-merħla? Żgur li huwa sagrifiċċju għal mara miżżewġa meta r-raġel tagħha jkollu bżonn jiddedika l-ħin li jista’ forsi jqatta’ mal-familja tiegħu għal kwistjonijiet tal-kongregazzjoni. Aħseb ukoll dwar in-nisa taʼ l-indokraturi li jivvjaġġaw u s-sagrifiċċji li jagħmlu biex jakkumpanjaw lil żwieġhom minn kongregazzjoni għal oħra u minn circuit għal ieħor. Huma jiċċaħħdu milli jkollhom dar tagħhom stess u forsi jkollhom jorqdu f’sodda differenti kull ġimgħa. In-nisa li jkunu lesti li jpoġġu l-interessi tal-kongregazzjoni qabel tagħhom stess huma taʼ min ifaħħarhom għall-espressjonijiet ġenerużi taʼ mħabba li tqanqalhom jagħmlu sagrifiċċji persunali.—Filippin 2:3, 4.
16. Il-ġenituri Kristjani liema sagrifiċċji jagħmlu għal uliedhom?
16 Kif nistgħu nuru mħabba li tqanqalna nagħmlu sagrifiċċji persunali fil-familja? Ġenituri, intom tagħmlu ħafna sagrifiċċji biex tipprovdu għal uliedkom u trabbuhom “fid-dixxiplina u l-gwida mentali taʼ Ġeħova.” (Efesin 6:4) Għandkom mnejn ikollkom taħdmu sigħat twal f’xogħlijiet li jgħejjukom sempliċement biex tpoġġu l-ikel fuq il-mejda u tkunu ċerti li wliedkom ikollhom ilbies u kenn adattat. Tippreferu tgħaddu b’inqas intom stess milli taraw lil uliedkom neqsin mill-bżonnijiet tal-ħajja. Intom tagħmlu wkoll ħafna sforzi biex tistudjaw maʼ wliedkom, tiħduhom il-laqgħat Kristjani, u taħdmu magħhom fil-ministeru taʼ l-għalqa. (Dewteronomju 6:6, 7) L-imħabba li tqanqalkom tagħmlu sagrifiċċji persunali togħġob lill-Oriġinatur tal-ħajja tal-familja u tista’ tfisser ħajja taʼ dejjem għal uliedkom.—Proverbji 22:6; Efesin 3:14, 15.
17. L-irġiel Kristjani miżżewġin kif jistgħu jimitaw l-attitudni mhix egoistika taʼ Ġesù?
17 Irġiel miżżewġin, kif tistgħu timitaw lil Ġesù billi tagħmlu sagrifiċċji persunali bi mħabba? Il-Bibbja twieġeb hekk: “Irġiel, komplu ħobbu lin-nisa tagħkom, bħalma l-Kristu wkoll ħabb lill-kongregazzjoni u ta lilu nnifsu għaliha.” (Efesin 5:25) Bħalma rajna, Ġesù tant ħabbhom lis-segwaċi tiegħu li miet għalihom. Raġel Kristjan jimita l-attitudni mhix egoistika taʼ Ġesù, li ‘ma fittixx li jogħġob lilu nnifsu.’ (Rumani 15:3) Raġel miżżewweġ bħal dan ipoġġi l-bżonnijiet u l-interessi taʼ martu qabel tiegħu stess. Hu ma jinsistix b’mod riġidu li tgħaddi tiegħu, iżda juri li lest li jċedi meta m’hemm ebda kwistjoni Skritturali involuta. Ir-raġel miżżewweġ li jagħmel sagrifiċċji persunali bi mħabba jikseb l-approvazzjoni taʼ Ġeħova u jirbaħ l-imħabba u r-rispett taʼ martu u taʼ wliedu.
Int X’Se Tagħmel?
18. Xi jqanqalna biex insegwu l-kmandament il-ġdid biex inħobbu lil xulxin?
18 L-ubbidjenza għall-kmandament il-ġdid biex inħobbu lil xulxin m’hijiex faċli, iżda għandna motivazzjoni qawwija biex nagħmlu dan. Pawlu kiteb: “L-imħabba li għandu l-Kristu ġġegħelna, peress li dan iġġudikajna, li bniedem wieħed miet għal kulħadd . . . , u miet għal kulħadd biex dawk li jgħixu ma jgħixux iktar għalihom infushom, imma għal dak li miet għalihom u ġie mqajjem.” (2 Korintin 5:14, 15) Ladarba Ġesù miet għalina, m’għandniex inħossuna mqanqlin biex ngħixu għalih? Aħna nistgħu nagħmlu dan billi nsegwu l-eżempju tiegħu taʼ mħabba li tqanqalna nagħmlu sagrifiċċji persunali.
19, 20. Liema għotja prezzjuża tana Ġeħova, u kif nistgħu nuru li naċċettawha?
Ġwanni 15:13) Il-fatt li kien lest li jagħti ħajtu għan-nom tagħna kien l-akbar espressjoni taʼ l-imħabba tiegħu għalina. Madankollu, xi ħadd ieħor uriena saħansitra mħabba akbar. Ġesù spjega: “Alla tant ħabb lid-dinja li ta l-Iben uniġenitu tiegħu, biex kulmin jeżerċita l-fidi fih ma jinqeridx imma jkollu l-ħajja taʼ dejjem.” (Ġwanni 3:16) Alla tant iħobbna li ta lil Ibnu bħala fidwa, u b’hekk għamilha possibbli għalina li ninħelsu mid-dnub u mill-mewt. (Efesin 1:7) Il-fidwa hija għotja prezzjuża mingħand Ġeħova, iżda ma jisforzaniex biex naċċettawha.
19 Ġesù ma kienx qed jesaġera meta qal: “Ħadd m’għandu mħabba akbar minn din, li xi ħadd jagħti ruħu għal ħbiebu.” (20 Jiddependi minna jekk naċċettawx l-għotja taʼ Ġeħova. Kif? Billi ‘neżerċitaw il-fidi’ f’Ibnu. Madankollu, m’huwiex biżżejjed li ngħidu li għandna l-fidi. Din tiġi provata bl-azzjonijiet, bil-mod kif ngħixu. (Ġakbu 2:26) Aħna nagħtu prova tal-fidi tagħna f’Ġesù Kristu billi nsegwuh jum wara jum. Meta nagħmlu hekk ikollna ħafna barkiet għonja issa u fil-futur, bħalma se jispjega l-aħħar kapitlu taʼ dan il-ktieb.
^ par. 3 Dakinhar darbtejn beżqulu lil Ġesù, l-ewwel il-mexxejja reliġjużi u mbagħad is-suldati Rumani. (Mattew 26:59-68; 27:27-30) Dan it-trattament taʼ disprezz ukoll issaportieh mingħajr tgergir, u b’hekk wettaq il-kliem profetiku: “Wiċċi ma ħbejtux minn affarijiet umiljanti u mill-bżieq.”—Isaija 50:6.