Salm 118:1-29

  • Jirringrazzjaw lil Ġeħova għar-rebħa

    • ‘Jien għajjatt lil Jah għall-għajnuna, u hu wiġibni’ (5)

    • “Ġeħova qiegħed fuq in-naħa tiegħi” (6, 7)

    • Il-ġebla mwarrba ssir l-iktar ġebla importanti (22)

    • ‘Dak li ġej f’isem Ġeħova’ (26)

118  Irringrazzjaw lil Ġeħova, għax hu tajjeb;Hu juri mħabba u lealtà* għal dejjem.   Ħa jgħid hekk Iżrael: “Hu juri mħabba u lealtà għal dejjem.”   Ħa jgħidu hekk dawk taʼ dar Aron: “Hu juri mħabba u lealtà għal dejjem.”   Ħa jgħidu hekk dawk li jirrispettaw ħafna lil* Ġeħova: “Hu juri mħabba u lealtà għal dejjem.”   Meta kont qed inbati, jien għajjatt lil Jah* għall-għajnuna;Jah wiġibni u ħadni f’post taʼ sigurtà.*   Ġeħova qiegħed fuq in-naħa tiegħi,Għalhekk m’iniex se nibżaʼ. X’jistaʼ jagħmilli l-bniedem?   Ġeħova qiegħed fuq in-naħa tiegħi biex jgħinni;*Jien se nara lil dawk li jobogħduni jitilfu.   Ikun aħjar li ddur lejn Ġeħova għall-protezzjoniMilli tafda fil-bniedem.   Ikun aħjar li ddur lejn Ġeħova għall-protezzjoniMilli tafda fil-mexxejja. 10  Il-popli kollha daruni. Imma jien keċċejthom ’l hemm f’isem Ġeħova. 11  Huma daruni, iva, daruni minn kullimkien,Imma jien keċċejthom ’l hemm f’isem Ġeħova. 12  Huma daruni bħan-naħal;Imma malajr inqerdu, bħax-xewk fin-nar. Jien keċċejthom ’l hemm f’isem Ġeħova. 13  Ġejt imbottat* bis-saħħa biex naqaʼ,Imma Ġeħova għenni. 14  Jah jipproteġini u jagħtini s-saħħa. Hu l-wieħed li jsalvani. 15  Mit-tined tal-ġusti qed jinstemaʼGħajjat taʼ ferħ u taʼ rebħa.* L-id il-leminija taʼ Ġeħova qed turi kemm hi b’saħħitha. 16  L-id il-leminija taʼ Ġeħova qed tagħmel affarijiet tal-għaġeb;L-id il-leminija taʼ Ġeħova qed turi kemm hi b’saħħitha. 17  Jien mhux se mmut, imma se ngħix. B’hekk inkun nistaʼ nxandar dwar l-affarijiet li għamel Jah. 18  Jah iddixxiplinani bl-aħrax,Imma ma ħallinix immut. 19  Iftħuli l-bibien li jidħlu minnhom il-ġusti. Jien se nidħol minn hemm u nfaħħar lil Jah. 20  Dan hu l-bieb taʼ Ġeħova. Il-ġusti se jidħlu minnu. 21  Jien se nfaħħrek, għax wiġibtni u salvajtni. 22  Il-ġebla li warrbu l-bennejjaSaret l-iktar ġebla importanti* tal-bini. 23  Din ġejja mingħand Ġeħova;U hi tal-għaġeb għalina. 24  Din hi l-ġurnata li għażel Ġeħova;Aħna se nifirħu dakinhar. 25  Ġeħova, nitolbuk bil-ħniena biex issalvana! Jekk jogħġbok Ġeħova, għinna nirbħu lill-għedewwa tagħna! 26  Imbierek hu dak li jiġi f’isem Ġeħova;Mid-dar taʼ Ġeħova, aħna nitolbu lil Alla biex iberikkom. 27  Ġeħova hu l-Alla tagħna. Hu jagħtina d-dawl. Ingħaqdu fil-parata tal-festa bil-friegħi f’idkom,Ħdejn il-qrun tal-artal. 28  Int l-Alla tiegħi, u jien se nfaħħrek;Jien se nonorak, Alla tiegħi. 29  Irringrazzjaw lil Ġeħova, għax hu tajjeb;Hu juri mħabba u lealtà għal dejjem.

Noti taʼ taħt

Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “jibżgħu minn.”
“Jah” hu forma mqassra tal-isem Ġeħova.
Jew “f’post spazjuż.”
Jew forsi “qiegħed maʼ dawk li jgħinuni.”
Jew forsi “Int imbottajtni.”
Jew “salvazzjoni.”
Din il-ġebla titpoġġa fil-kantuniera taʼ fuq nett taʼ bini, fejn jiltaqgħu żewġ ħitan.