Salm 102:1-28
Talba taʼ xi ħadd li jiftaħ qalbu maʼ Ġeħova għax qed ibati u jħossu ddisprat.*
102 Ġeħova, ismaʼ t-talba tiegħi;Ħa tasal għandek l-għajta tiegħi għall-għajnuna.
2 Tinħebiex minni fi żmien diffiċli.
Ismagħni;*Wiġibni malajr meta ngħajjatlek għall-għajnuna.
3 Għax ħajti qed tispiċċa bħad-duħħan,U l-għadam tiegħi sar bħal injam li jinħaraq f’ħuġġieġa.
4 Qalbi saret bħall-ħaxix niexef,M’għandix aptit niekol.
5 Peress li qed inbati ħafna,Sirt għadma u ġilda.
6 Jien waħdi bħall-pellikan tad-deżert.
Jien bħal kokka żgħira f’post abbandunat.
7 Jien ma norqodx;*Qisni għasfur waħdu fuq bejt.
8 L-għedewwa tiegħi jgħajruni l-ġurnata kollha.
Dawk li jwaqqgħuni għaċ-ċajt jidgħu bija.
9 Għax jien niekol l-irmied bħallikieku ħobż,U dak li nixrob hu mħallat bid-dmugħ.
10 Dan hu minħabba r-rabja kbira tiegħek,Għax int bħallikieku għollejtni ’l fuq biex tarmini.
11 Ħajti hi bħal dell li qed jisparixxi,U jien qed ninxef bħall-ħaxix.
12 Imma int Ġeħova tibqaʼ għal dejjem,U int* se tibqaʼ magħruf tul il-ġenerazzjonijiet kollha.
13 Int żgur li se taġixxi u turi ħniena maʼ Sijon,Għax wasal iż-żmien li tħenn għaliha;Iż-żmien għal dan wasal.
14 Għax il-qaddejja tiegħek japprezzaw il-ġebel tal-ħitan tagħha,U jħobbu anki t-trab tagħha.
15 Il-popli se juru rispett kbir lejn* isem Ġeħova,U r-rejiet kollha tal-art se jindunaw bil-glorja tiegħek.
16 Għax Ġeħova se jerġaʼ jibni lil Sijon;Hu se juri kemm hu b’saħħtu.
17 Hu se jismaʼ t-talba taʼ dawk fil-bżonn;Mhux se jinjora t-talba tagħhom.
18 Dan ġie miktub għall-ġenerazzjoni tal-futur,Ħalli l-poplu li għad irid jiġi* jfaħħar lil Jah.
19 Għax Ġeħova jħares ’l isfel mill-post qaddis tiegħu,U jara l-art mis-sema,
20 Biex jismaʼ l-biki tal-priġunieriU jeħles lil dawk ikkundannati għall-mewt.
21 B’hekk isem Ġeħova jiġi mxandar f’SijonU jiġi mfaħħar f’Ġerusalemm,
22 Meta l-popli u s-saltnietJinġabru flimkien biex jaqdu lil Ġeħova.
23 Hu ħadli saħħti qabel il-waqt;Qassarli ħajti.
24 Jien għedt: “Alla tiegħi, int li tgħix għal dejjem,Teqridnix qabel nixjieħ.
25 Żmien twil ilu int għamilt il-pedament tal-art,U għamilt is-sema.
26 Huma se jispiċċaw, imma int se tibqaʼ teżisti;Dawn se jitmermru bħall-ħwejjeġ.
Bħall-ħwejjeġ, dawn se jispiċċaw u tbiddilhom.
27 Imma int tibqaʼ l-istess, u s-snin tiegħek ma jispiċċawx.
28 It-tfal tal-qaddejja tiegħek se jgħixu fis-sigurtà;U dawk li se jiġu minnhom jibqgħu quddiemek għal dejjem.”
Noti taʼ taħt
^ Jew “dgħajjef.”
^ Letteralment “Mejjel widintek lejja.”
^ Jew forsi “Jien irqiq ħafna.”
^ Jew “ismek.”
^ Letteralment “jibżgħu minn.”
^ Letteralment “jiġi maħluq.”