Rut 1:1-22
1 Fiż-żmien meta l-imħallfin kienu jagħmlu ċert li ssir ġustizzja,* kien hemm il-ġuħ fil-pajjiż, u raġel minn Betlem f’Ġuda mar jgħix bħala barrani fl-inħawi* taʼ Mowab, flimkien maʼ martu u ż-żewġt itfal subien.
2 Ir-raġel kien jismu Elimelek,* martu Nagħomi,* u ż-żewġt itfal tiegħu Maħlon* u Kiljon.* Huma kienu minn Efrata, jiġifieri minn Betlem f’Ġuda. U waslu fl-inħawi taʼ Mowab u baqgħu hemmhekk.
3 Wara xi żmien miet Elimelek, ir-raġel taʼ Nagħomi. U hi baqgħet maż-żewġt itfal tagħha.
4 Imbagħad it-tfal tagħha żżewġu nisa Mowabin. Waħda kien jisimha Għorfa u l-oħra Rut. U baqgħu jgħixu hemmhekk madwar għaxar snin.
5 Imbagħad mietu wkoll Maħlon u Kiljon, u b’hekk Nagħomi spiċċat mingħajr żewġha u ż-żewġt itfal tagħha.
6 Imbagħad hi telqet flimkien man-nisa tat-tfal tagħha mill-inħawi taʼ Mowab biex tmur lura fejn kienet toqgħod, għax waqt li kienet Mowab semgħet li Ġeħova kien ħaseb fil-poplu tiegħu billi tahom l-ikel.*
7 Hi telqet magħhom minn Mowab, u hekk kif kienu sejrin lejn l-art taʼ Ġuda,
8 Nagħomi qaltilhom: “Morru, erġgħu lura lejn dar ommkom. Jalla Ġeħova juri mħabba u lealtà* magħkom, bħalma intom urejtuha miegħi u mal-irġiel tagħkom li mietu.
9 Jalla Ġeħova jgħin* lil kull waħda minnkom issib il-protezzjoni* fid-dar tar-raġel li tiżżewweġ.” Imbagħad bisithom, u bkew fuq li bkew.
10 Iżda baqgħu jgħidulha: “Le, aħna miegħek irridu niġu, għand il-poplu tiegħek.”
11 Imma Nagħomi qaltilhom: “Morru lura wliedi. Għala tridu tiġu miegħi? Għadu jistaʼ jkolli t-tfal biex tiżżewġuhom?
12 Morru lura wliedi. Morru, għax jien xjaħt wisq biex nerġaʼ niżżewweġ. Kieku kelli ngħid li għad għandi t-tama li llejla stess niżżewweġ u jkolli t-tfal ukoll,
13 lesti li tistennewhom sakemm jikbru? Lesti li ma tiżżewġu lil ħadd biex tibqgħu tistennewhom? Le wliedi, jien imdejqa ħafna minħabba dak li ġralkom għax Ġeħova ħadha kontrija.”*
14 Malli semgħu dan reġgħu bdew jibku ħafna, u mbagħad Għorfa bieset lill-kunjata u telqet. Iżda Rut ma riditx titlaqha.
15 Għalhekk, Nagħomi qaltilha: “Ara, Għorfa marret lura lejn il-poplu u l-allat tagħha. Mur lura magħha.”
16 Iżda Rut wiġbitha: “Toqgħodx titlobni biex nitilqek, biex immur lura u ma niġix miegħek; għax fejn tmur int, immur jien, u fejn tgħix int, ngħix jien. Il-poplu tiegħek ikun il-poplu tiegħi, u l-Alla tiegħek ikun l-Alla tiegħi.
17 Fejn tmut int, immut jien, u hemmhekk nindifen. Il-mewt biss tifridni minnek. Jekk le, jalla Ġeħova jikkastigani bl-aħrax.”
18 Meta Nagħomi rat li Rut kienet determinata li tmur magħha, ma baqgħetx tipprova tikkonvinċiha.
19 U t-tnejn li huma baqgħu sejrin fi triqithom sakemm waslu Betlem. Malli waslu, in-nies tal-belt kienu sorpriżi, u n-nisa bdew jgħidu: “Din Nagħomi?”
20 U hi kienet tgħidilhom: “Tgħajtulix Nagħomi,* imma Màra,* għax Dak li Jistaʼ Kollox ġabli ħafna dwejjaq.
21 Kelli minn kollox meta tlaqt, imma b’idi vojta ġegħelni niġi lura Ġeħova. Għala tgħajtuli Nagħomi, meta kien Ġeħova li ħadha kontrija u Dak li Jistaʼ Kollox li ġegħelni nsofri?”
22 Hekk ġiet lura Nagħomi mill-inħawi taʼ Mowab maʼ Rut il-Mowabija, mart binha. Huma waslu Betlem meta beda l-ħsad tax-xgħir.*
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “kienu jiġġudikaw.”
^ Jew “fit-territorju.” Letteralment “fl-għelieqi.”
^ Ifisser “L-Alla Tiegħi Hu Re.”
^ Ifisser “Il-Gost Tiegħi.”
^ Jistaʼ jkun ġej minn kelma Ebrajka li tfisser “jiddgħajjef; jimrad.”
^ Ifisser “Wieħed Dgħajjef; Wieħed li Qed Imut.”
^ Letteralment “il-ħobż.”
^ Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jew “jagħti rigal.”
^ Letteralment “post taʼ mistrieħ.”
^ Letteralment “id Ġeħova daret kontrija.”
^ Ifisser “Il-Gost Tiegħi.”
^ Ifisser “Morra.”
^ Jiġifieri barley.